Imħallfin 8:1-35

  • L-Efrajmin jargumentaw ma’ Gidegħon (1-3)

  • Rejiet Midjanin jinqabdu u jinqatlu (4-21)

  • Gidegħon jirrifjuta li jsir re (22-27)

  • Il-ħajja taʼ Gidegħon fil-qosor (28-35)

8  Imbagħad l-irġiel t’Efrajm qalulu: “Għala għamiltilna hekk? Għala m’għedtilniex meta mort tiġġieled kontra Midjan?” U argumentaw bl-ikrah miegħu.  Imma hu qalilhom: “X’għamilt jien ħdejn dak li għamiltu intom? Mhuwiex it-tilqit tal-għeneb li ġabar Efrajm aħjar mill-ħsad tal-għeneb t’Abi-għeżer?  Mhux f’idejkom Alla tahom lil Għoreb u Żeb, mexxejja taʼ Midjan? X’għamilt jien ħdejn dak li għamiltu intom?” Meta kellimhom b’dan il-mod,* huma kkalmaw.*  Imbagħad Gidegħon wasal ħdejn il-Ġordan u qasam għan-naħa l-oħra. Hu u t-300 raġel taʼ miegħu kienu għajjenin, imma baqgħu jiġru wara l-għadu.  Għalhekk qal lill-irġiel taʼ Sukkot: “Jekk jogħġobkom, agħtu l-ħobż lin-nies li qegħdin miegħi, għax huma għajjenin u qed niġru wara Żebaħ u Salmunna, ir-rejiet taʼ Midjan.”  Imma l-kapijiet taʼ Sukkot qalu: “Għala għandna nagħtu l-ħobż lill-armata tiegħek la għadek ma qbadtx lil Żebaħ u lil Salmunna?”  Għal dan Gidegħon qal: “Minħabba li għedtu hekk, jien inqattgħalkom il-ġilda bix-xewk u l-għollieq tad-deżert meta Ġeħova jagħti lil Żebaħ u lil Salmunna f’idejja.”  U minn hemm mar Penwel u talab l-istess ħaġa, imma l-irġiel taʼ Penwel wiġbuh bħall-irġiel taʼ Sukkot.  Għalhekk qal ukoll lill-irġiel taʼ Penwel: “Meta niġi lura fil-paċi, inwaqqaʼ dan it-torri.” 10  Issa Żebaħ u Salmunna kienu f’Karkor bl-armati tagħhom, madwar 15,000 raġel. Dawn biss kien baqaʼ mill-armata sħiħa tan-nies tal-Lvant, għax diġà kienu mietu 120,000 raġel armat bix-xabla. 11  Gidegħon kompla tielaʼ mit-triq taʼ dawk li jgħixu fit-tined lejn il-Lvant taʼ Noba u Ġogbegħa, u attakka lil dawk li kienu kkampjati u li ma kinux qed jistennew l-attakk. 12  Meta ż-żewġ rejiet taʼ Midjan, Żebaħ u Salmunna, ħarbu, hu mar jiġri warajhom u qabadhom. B’hekk, dawk kollha li kienu kkampjati ppanikjaw. 13  Wara l-gwerra, Gidegħon bin Ġowas telaq mit-triq li titlaʼ għal Ħeres. 14  Hu u sejjer ħataf u interroga żagħżugħ minn Sukkot. Għalhekk, iż-żagħżugħ kitiblu l-ismijiet tal-kapijiet u tal-anzjani* taʼ Sukkot, 77 raġel. 15  Għaldaqstant, hu mar għand l-irġiel taʼ Sukkot u qal: “Hawn huma Żebaħ u Salmunna li għajjartuni bihom billi għedtu, ‘Għala għandna nagħtu l-ħobż lill-irġiel għajjenin tiegħek la għadek ma qbadtx lil Żebaħ u lil Salmunna?’” 16  Imbagħad ħa l-kapijiet u l-anzjani taʼ Sukkot u tahom tagħlima bix-xewk u l-għollieq tad-deżert. 17  U waqqaʼ t-torri taʼ Penwel u qatel lill-irġiel tal-belt. 18  Hu staqsa lil Żebaħ u Salmunna: “Kif kienu l-irġiel li qtiltu f’Tabor?” Huma wiġbuh: “Kienu bħalek, kull wieħed kien jidher qisu t-tifel taʼ re.” 19  Għal dan hu qal: “Dawk kienu ħuti, it-tfal t’ommi. Naħlef b’Ġeħova l-Alla l-ħaj illi kieku ħallejtuhom ħajjin, ma kienx ikolli għalfejn noqtolkom.” 20  Imbagħad qal lil Ġeter, l-ewwel imwieled tiegħu: “Qum, oqtolhom.” Imma ż-żagħżugħ ma qabadx ix-xabla tiegħu, għax beda jibżaʼ, peress li kien għadu żgħir. 21  Għalhekk, Żebaħ u Salmunna qalulu: “Ejja oqtolna int stess, għax raġel hu ġġudikat skont is-saħħa tiegħu.”* Għalhekk, Gidegħon qatel lil Żebaħ u Salmunna u ħa l-ornamenti forma taʼ qamar ġdid li kienu m’għonq l-iġmla tagħhom. 22  Iktar tard, l-irġiel t’Iżrael qalu lil Gidegħon: “Mexxi fuqna, int, ibnek, u n-neputi tiegħek ukoll, għax int salvajtna minn id Midjan.” 23  Imma Gidegħon qalilhom: “La jien mhu se mmexxi fuqkom u lanqas ibni. Ġeħova se jmexxi fuqkom.” 24  Gidegħon kompla jgħidilhom: “Kulma ħa nitlob hu li kull wieħed minnkom jagħtini ħolqa tal-imnieħer mill-affarijiet li ħa mingħand l-għedewwa.” (Għax l-għedewwa kellhom ħoloq tal-imnieħer tad-deheb peress li kienu Ismagħelin.) 25  Huma wieġbu: “Dażgur li nagħtuhomlok.” Għal dan, huma firxu libsa u kull raġel tefaʼ fuqha ħolqa tal-imnieħer mill-affarijiet li kien ħa. 26  B’kollox, il-ħoloq li talabhom kienu jiżnu 1,700 xekel* deheb, minbarra l-ornamenti forma taʼ qamar ġdid, l-imsielet, u l-ilbiesi tas-suf vjola tar-rejiet taʼ Midjan, u l-ġiżirajjen li kienu m’għonq l-iġmla. 27  U bihom Gidegħon għamel efod* u qiegħdu f’beltu Għofra fejn setaʼ jarah kulħadd. Hemm, Iżrael kollu qiem* l-efod, u dan kien nassa għal Gidegħon u għan-nies taʼ daru. 28  B’hekk, l-Iżraelin rebħu lil Midjan, u dawn ma reġgħux sfidawhom.* U l-art kienet fil-paċi* għal 40 sena fi żmien Gidegħon. 29  Għalhekk, Ġerubbagħal bin Ġowas mar lura d-dar u baqaʼ hemm. 30  Gidegħon kellu 70 tifel, għax kien iżżewweġ ħafna nisa. 31  Il-konkubina tiegħu f’Sikem ukoll wellditlu tifel, u hu semmieh Abimelek. 32  U Gidegħon bin Ġowas miet meta kien xjaħ sew u ndifen fil-qabar taʼ missieru Ġowas, f’Għofra tal-Abi-għeżrin. 33  Malli miet Gidegħon, l-Iżraelin reġgħu qiemu* l-Bagħalim, u għamlu lil Bagħal-berit l-alla tagħhom. 34  L-Iżraelin ma ftakrux f’Ġeħova l-Alla tagħhom, li kien ħelishom minn id l-għedewwa kollha taʼ madwarhom; 35  u ma wrewx imħabba u lealtà* lejn in-nies taʼ dar Ġerubbagħal, jiġifieri Gidegħon, għat-tajjeb kollu li kien għamel m’Iżrael.

Noti taʼ taħt

Letteralment “qal din il-kelma.”
Letteralment “l-ispirtu tagħhom ikkalma minn kontrih.”
Jew “għax is-saħħa taʼ raġel turi x’raġel hu.”
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Jew “għamel prostituzzjoni spiritwali maʼ.”
Letteralment “ma reġgħux refgħu rashom.”
Jew “straħet.”
Jew “għamlu prostituzzjoni spiritwali maʼ.”
Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.