Neħemija 11:1-36

  • In-nies jerġgħu jibdew joqogħdu Ġerusalemm (1-36)

11  Il-mexxejja tan-nies kienu joqogħdu Ġerusalemm. Imma l-bqija tan-nies tefgħu x-xorti biex wieħed minn kull għaxra jmur jgħix f’Ġerusalemm, il-belt qaddisa, filwaqt li d-disgħa l-oħra jibqgħu fil-bliet l-oħra.  Iżjed minn hekk, in-nies bierku lil dawk kollha li offrew li jgħixu Ġerusalemm.  U dawn huma l-irġiel importanti tal-provinċja* li kienu jgħixu f’Ġerusalemm. (Il-bqija tal-Iżraelin, il-qassisin, il-Leviti, il-qaddejja tat-tempju,* u l-familja tal-qaddejja taʼ Salamun għexu fil-bliet l-oħra taʼ Ġuda, kull wieħed fil-propjetà li kellu fil-belt tiegħu.  F’Ġerusalemm kienu jgħixu wkoll xi wħud mit-tribù taʼ Ġuda u Benjamin.) Mit-tribù taʼ Ġuda kien hemm Għataja bin Użżija, bin Żakkarija, bin Amarija, bin Sefatija, bin Maħalalel, mill-familja taʼ Pereż,  u Magħseja bin Baruk, bin Kolħoże, bin Ħażaja, bin Għadaja, bin Ġojarib, bin Żakkarija, mill-familja tas-Selanin.  Dawk kollha li jiġu minn Pereż u li kienu jgħixu Ġerusalemm kienu 468 raġel kapaċi.  U dawn kienu xi wħud mit-tribù taʼ Benjamin: Sallu bin Mesullam, bin Ġogħed, bin Pedaja, bin Kolaja, bin Magħseja, bin Itijel, bin Ġesagħija;  u miegħu kien hemm ukoll Gabbaj u Sallaj, 928 b’kollox;  u Ġoel bin Żikri kien fuqhom, u Ġuda bin Ħassenugħa kien taʼ warajh f’li jieħu ħsieb il-belt. 10  Mill-qassisin: Ġedaja bin Ġojarib, Ġakin, 11  Seraja bin Ħilkija, bin Mesullam, bin Sadok, bin Merajot, bin Aħitub, mexxej tat-tempju* tal-Alla l-veru, 12  u ħuthom li kienu qed jaqdu fit-tempju, 822 b’kollox; u Għadaja bin Ġeroħam, bin Pelalija, bin Amsi, bin Żakkarija, bin Pasħur, bin Malkija, 13  u ħutu, kapijiet tal-familji min-naħa tal-missier, 242 b’kollox; u Għamassaj bin Għażarel, bin Aħżaj, bin Mesillemot, bin Immer, 14  u ħuthom, irġiel b’saħħithom u kuraġġużi, 128 b’kollox; u taʼ fuqhom kien Żabdijel, li kien minn familja importanti. 15  U mil-Leviti: Semajja bin Ħassub, bin Għażrikam, bin Ħasabija, bin Bunni, 16  u Sabbetaj u Ġożabad mill-kapijiet tal-Leviti li kienu jieħdu ħsieb ix-xogħol li jsir barra t-tempju tal-Alla l-veru; 17  u Mattanija bin Mikea, bin Żabdi, bin Asaf, il-mexxej tal-kor li jieħu ħsieb it-tifħir matul it-talb, u Bakbukija, l-assistent tiegħu, u Għabda bin Sammugħa, bin Galal, bin Ġedutun. 18  Fil-belt qaddisa kien hemm 284 Levita b’kollox. 19  U l-għassiesa tal-bibien kienu Għakkub, Talmon, u ħuthom, 172 b’kollox. 20  Il-bqija tal-Iżraelin, il-qassisin, u l-Leviti kienu fil-bliet l-oħra kollha taʼ Ġuda, kull wieħed fl-art li wiret. 21  Il-qaddejja tat-tempju* kienu jgħixu f’Għofel, u Siħa u Gisfa kienu inkarigati fuqhom. 22  Dak li kien jieħu ħsieb il-Leviti f’Ġerusalemm kien Użżi bin Bani, bin Ħasabija, bin Mattanija, bin Mika, mill-familja t’Asaf, il-kantanti; hu kien jieħu ħsieb ix-xogħol tat-tempju tal-Alla l-veru. 23  Għax ir-re* kien ħareġ kmand biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet taʼ kuljum tal-kantanti. 24  U Petaħija bin Meseżabel mill-familja taʼ Żeraħ bin Ġuda kien jagħti pariri lir-re dwar dak kollu li għandu x’jaqsam mal-poplu. 25  Rigward l-irħula bl-għelieqi, xi nies mit-tribù taʼ Ġuda kienu jgħixu f’Kirjat-arba u l-bliet li jiddependu minnha,* f’Dibon u l-bliet li jiddependu minnha, f’Ġekabsel u l-irħula tagħha, 26  f’Ġeswa, f’Molada, f’Bet-pelet, 27  f’Ħasar-sugħal, f’Bir-xeba u l-bliet li jiddependu minnha,* 28  f’Siklag, f’Mekona u l-bliet li jiddependu minnha,* 29  f’Għajn-rimmon, f’Sorgħa, f’Ġarmut, 30  f’Żanogħa, f’Għadullam u l-irħula tagħhom, f’Lakis u l-għelieqi tagħha, u f’Għażeka u l-bliet li jiddependu minnha.* Huma bdew jgħixu* minn Bir-xeba sa Wied Ħinnom. 31  U xi wħud mit-tribù taʼ Benjamin kienu minn Geba, Mikmax, Għajja, Betel u l-bliet li jiddependu minnha,* 32  Għanatot, Nob, Għananija, 33  Ħasor, Rama, Gittajm, 34  Ħadid, Sebogħim, Neballat, 35  Lod, u Ono, jiġifieri l-wied tan-nies tas-sengħa.* 36  U xi taqsimiet tal-Leviti minn Ġuda ssetiljaw f’Benjamin.

Noti taʼ taħt

Jew “tad-distrett taʼ Ġuda.”
Jew “in-Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.
Letteralment “tad-dar.”
Jew “In-Netinin.” Letteralment “Dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.
Milli jidher ir-Re Artaserse.
Jew “taʼ madwarha.”
Jew “taʼ madwarha.”
Jew “taʼ madwarha.”
Jew “taʼ madwarha.”
Jew “ikkampjaw.”
Jew “taʼ madwarha.”
Jew forsi “Ono, u l-wied tan-nies tas-sengħa.”