Neħemija 2:1-20

  • Neħemija jintbagħat Ġerusalemm (1-10)

  • Neħemija jeżamina s-swar tal-belt (11-20)

2  Darba minnhom fix-xahar taʼ Nisan,* fl-20 sena tat-tmexxija tar-Re Artaserse, ir-re kellu l-inbid ħdejh, u jien bħas-soltu qbadt l-inbid u tajthulu. Dak il-ħin kont vera mdejjaq. Ir-re qatt ma kien rani hekk.  Hu qalli: “Għala int daqshekk imdejjaq la m’intix marid? Żgur li hemm xi ħaġa qed tinkwetak.” U jien bżajt ħafna.  Imbagħad wiġibtu: “Ħa tkun imbierek, re! Kif nistaʼ ma nkunx imdejjaq meta l-belt fejn huma midfunin l-antenati tiegħi hi ħerba u l-bibien tagħha huma maħruqin?”  Ir-re qalli: “X’tixtieq?” Jien mill-ewwel tlabt lill-Alla tas-sema  u wiġibtu: “Sidi, jekk hu tajjeb għalik u jekk int kuntent bija, ibgħatni fil-belt taʼ Ġuda, fejn huma midfunin l-antenati tiegħi, ħalli nerġaʼ nibniha.”  Imbagħad ir-re, waqt li r-reġina kienet bilqiegħda ħdejh, qalli: “Kemm hu twil il-vjaġġ, u meta tiġi lura?” Għalhekk, ir-re aċċetta li jibgħatni, u jien għedtlu kemm se ndum.  Imbagħad għedtlu: “Jekk hu tajjeb għalik, ħa jingħatawli ittri għall-gvernaturi tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara,* ħalli jħalluni ngħaddi għal Ġuda.  Ħa tingħatali wkoll ittra għal Asaf, li jieħu ħsieb il-foresta tiegħek,* biex b’hekk jagħtini njam għall-bibien tal-Fortizza tad-Dar,* għas-swar tal-belt, u għad-dar fejn se noqgħod.” U r-re tahomli, għax l-Alla tiegħi kien miegħi.  Eventwalment wasalt għand il-gvernaturi tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara u tajthom l-ittri tar-re. Ir-re bagħat miegħi wkoll kapijiet tal-armata u rikkieba taż-żwiemel. 10  Meta Sanballat il-Ħoroni u Tobija l-uffiċjal* Għammoni semgħu dwar dan, xejn ma ħadu pjaċir li xi ħadd ġie jgħin lill-poplu t’Iżrael. 11  Sa fl-aħħar wasalt Ġerusalemm. Wara tlett ijiem, 12  qomt billejl u ħadt xi rġiel miegħi. M’għedt lil ħadd x’kien ħeġġiġni nagħmel l-Alla tiegħi għal Ġerusalemm. L-uniku annimal li ħadna kien il-ħmar li kont riekeb fuqu. 13  U dak il-lejl ħriġt minn Bieb il-Wied u għaddejt minn quddiem l-Għajn tas-Serp il-Kbir lejn Bieb l-Irmied. Imbagħad eżaminajt is-swar taʼ Ġerusalemm li kienu mwaqqgħin u l-bibien tagħha li kienu maħruqin. 14  U għaddejt lejn Bieb l-Għajn u l-Għadira tar-Re, u ma kienx hemm biżżejjed spazju minn fejn ngħaddi bil-ħmar. 15  Allura bqajt tielaʼ lejn il-wied u bqajt neżamina s-sur. Wara mort lura u dħalt minn Bieb il-Wied, u bqajt sejjer lejn id-dar. 16  L-uffiċjali ma kinux jafu fejn mort u x’għamilt. Jien kont għadni m’għedtilhom xejn lil-Lhud, lill-qassisin, lill-mexxejja, lill-uffiċjali, u lill-bqija tal-ħaddiema. 17  Fl-aħħar għedtilhom: “Intom qed taraw is-sitwazzjoni kerha li qegħdin fiha, kif Ġerusalemm għadha ħerba u l-bibien tagħha għadhom maħruqin. Ejja nerġgħu nibnu s-swar taʼ Ġerusalemm, ħalli ma nibqgħux f’din is-sitwazzjoni tal-mistħija.” 18  Imbagħad għedtilhom kif l-Alla tiegħi kien miegħi u dwar dak li qalli r-re. Għal dan qalu: “Ejja nibdew nibnu.” Għalhekk, inkuraġġew lil xulxin* biex jagħmlu dan ix-xogħol tajjeb. 19  Issa meta Sanballat il-Ħoroni, Tobija l-uffiċjal* Għammoni, u Gesem l-Għarbi semgħu dan, bdew jiddieħqu bina u jmaqdruna u jgħidu: “X’qed tagħmlu? Jaqaw qed tirribellaw kontra r-re?” 20  Imma jien wiġibthom: “L-Alla tas-sema hu dak li se jgħinna nirnexxu, u aħna, il-qaddejja tiegħu, se nibdew nibnu. Imma intom m’għandkom ebda sehem, dritt, jew storja* f’Ġerusalemm.”

Noti taʼ taħt

Dan jirreferi għat-territorju fil-Punent tal-Ewfrat.
Jew “il-Park Irjali.”
Jew “tat-Tempju.”
Letteralment “il-qaddej.”
Letteralment “saħħew idejhom.”
Letteralment “il-qaddej.”
Letteralment “tifkira.”