Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 13:1-52
13 Fil-kongregazzjoni t’Antjokja kien hemm dawn il-profeti u għalliema: Barnaba, Simgħon li jgħidulu wkoll Niger, Luċju minn Ċirene, Manahen li tgħallem m’Erodi l-mexxej tad-distrett, u Sawl.
2 Hekk kif kienu qed iqimu* lil Ġeħova* u jsumu, l-ispirtu qaddis qal: “Inkarigaw lil Barnaba u Sawl għax jien għażilthom għal ċertu xogħol.”
3 Imbagħad, wara li samu u talbu, poġġew idejhom fuqhom u bagħtuhom.
4 Għalhekk, dawn l-irġiel li ntbagħtu mill-ispirtu qaddis, marru Selewkja u minn hemm ivvjaġġaw bil-baħar lejn Ċipru.
5 Meta waslu fil-belt taʼ Salamina huma bdew ixandru dak li jgħid Alla fis-sinagogi tal-Lhud. U Ġwanni kien qed jgħinhom.*
6 Huma telqu minn Salamina u marru sa Pafos, li qiegħda fuq in-naħa l-oħra tal-gżira. Hemm iltaqgħu maʼ raġel Lhudi jismu Bar-Jesu, li kien saħħar u profeta falz.
7 Hu kien mal-prokonslu* Serġju Pawlu, raġel intelliġenti. Serġju Pawlu għajjat lil Barnaba u Sawl, għax xtaq ħafna jismaʼ x’jgħid Alla.
8 Imma s-saħħar, li jismu wkoll Elima (li jfisser saħħar) beda jopponihom u pprova jwaqqaf lill-prokonslu milli jismaʼ dak li jgħid Alla.
9 Imbagħad ġie l-ispirtu qaddis fuq Sawl, li jismu wkoll Pawlu, u dan ħares lejn Elima
10 u qallu: “Ja raġel kollok qerq u ħażen, int bin ix-Xitan, int għadu taʼ kulma hu ġust. Kemm se ddum tgħawweġ it-tagħlim ġust taʼ Ġeħova?*
11 Ġeħova* se jikkastigak, u int se tagħma u għal xi żmien ma tarax id-dawl tax-xemx.” F’daqqa waħda beda jara ċpar u dlam, u beda jdur u jipprova jsib lil xi ħadd biex imexxih minn idu.
12 Meta l-prokonslu ra x’ġara, hu sar dixxiplu, għax baqaʼ mistagħġeb bit-tagħlim taʼ Ġeħova.*
13 Pawlu u sħabu vvjaġġaw bil-baħar minn Pafos u marru Perga fil-Pamfilja. Imma Ġwanni telaqhom u mar lura Ġerusalemm.
14 Madankollu, huma baqgħu sejrin u minn Perga marru Antjokja fil-Pisidja. Fis-Sabat huma marru s-sinagoga u qagħdu bilqiegħda.
15 Wara l-qari pubbliku mil-Liġi u mill-kitbiet tal-Profeti, il-mexxejja tas-sinagoga qalu lil Pawlu u Barnaba: “Aħwa, jekk għandkom xi ħaġa inkuraġġanti x’tgħidu lin-nies, għiduha.”
16 Għalhekk, Pawlu qam, għamel sinjal b’idu, u qal:
“Isimgħu Iżraelin u intom ilkoll li tirrispettaw ħafna lil* Alla.
17 L-Alla taʼ dan il-poplu Iżrael għażel lil missirijietna u għamilhom poplu kbir waqt li għexu bħala barranin fl-art tal-Eġittu. Hu ħariġhom minn hemm b’id b’saħħitha.
18 U għal madwar 40 sena, hu ħa paċenzja bihom fid-deżert.
19 Wara li qered sebaʼ popli fl-art taʼ Kangħan, hu tahom l-art tagħhom bħala wirt.
20 Dan kollu ġara f’madwar 450 sena.
“Wara, hu inkariga mħallfin biex imexxihom saż-żmien il-profeta Samwel.
21 Imma wara huma talbu biex ikollhom re, u Alla tahom lil Sawl it-tifel taʼ Kis mit-tribù taʼ Benjamin biex imexxi fuqhom għal 40 sena.
22 Wara li neħħieh, hu għażel lil David bħala re, li dwaru qal, ‘David it-tifel taʼ Ġesse hu raġel għal qalbi. Hu se jagħmel kulma nixtieq.’
23 Bħalma wiegħed, mid-dixxendenti taʼ* dan ir-raġel, Alla ta salvatur lil Iżrael, lil Ġesù.
24 Qabel ma wasal, Ġwanni kien għallem lin-nies kollha t’Iżrael pubblikament biex jitgħammdu ħalli juru li ddispjaċiehom.
25 Imma hekk kif Ġwanni kien wasal biex jispiċċa l-inkarigu tiegħu, kien jgħid: ‘Min taħsbu li jien? M’iniex hu. Imma ġej wieħed warajja li jien lanqas biss jistħoqqli nħollu s-sandli.’
26 “Ħuti mill-familja t’Abraham u oħrajn li tirrispettaw ħafna lil* Alla, aħna smajna dwar il-mod kif Alla se jsalvana.
27 Għax in-nies taʼ Ġerusalemm u l-mexxejja tagħhom m’aċċettawhx, imma meta ġġudikawh, huma għamlu l-affarijiet li qalu l-Profeti, li jinqraw b’leħen għoli kull Sabat.
28 Għalkemm ma sabux raġuni għala joqtluh, huma talbu lil Pilatu biex jagħtih il-mewt.
29 U meta għamlu dak kollu li hemm miktub dwaru, huma neħħewh minn fuq iz-zokk* u qegħduh f’qabar.*
30 Imma Alla qajmu mill-mewt,
31 u għal ħafna ġranet Ġesù deher lil dawk li kienu marru miegħu mill-Galilija għal Ġerusalemm. Issa dawn qed jagħtu xhieda dwaru lin-nies.
32 “Għalhekk, qed nippritkawlkom l-aħbar tajba dwar il-wegħda li Alla għamel maʼ missirijietna.
33 Alla għamel eżatt bħalma wiegħed lilna, it-tfal tagħhom, billi rxoxta lil Ġesù bħalma hemm miktub fit-tieni salm: ‘Int ibni; illum jien sirt Missierek.’
34 Alla rxoxtah u tah ġisem li ma jitħassarx. Alla kkonferma li dan hu vera meta qal: ‘Jien se nurikom l-imħabba u l-lealtà* li wegħedt lil David. Din il-wegħda hi taʼ min jafdaha.’
35 F’salm ieħor hemm miktub ukoll: ‘Mhux se tħalli l-ġisem tal-leali tiegħek jitħassar.’
36 David qeda lil Alla* matul ħajtu, raqad fil-mewt, indifen maʼ missirijietu, u ġismu tħassar.
37 Mill-banda l-oħra, il-ġisem taʼ dak li qajjem Alla ma tħassarx.
38 “Ħuti, kunu afu li l-maħfra tad-dnubiet teżisti biss permezz tiegħu. Dan hu li qed jiġi ppritkat lilkom.
39 Skont il-Liġi taʼ Mosè, intom ma stajtux titqiesu innoċenti mill-affarijiet kollha. Imma kull min jemmen fih, Alla jqisu innoċenti permezz tiegħu.
40 Għalhekk, oqogħdu attenti li ma jiġrilkomx bħalma hemm miktub fil-kotba tal-Profeti:
41 ‘Intom li tħobbu tmaqdru se taraw dak li qed nagħmel u tibqgħu mistagħġbin. Imbagħad mhux se tibqgħu teżistu, għax intom qatt mhu se temmnu dak li qed nagħmel fi żmienkom anki jekk xi ħadd jgħidilkom dwaru fid-dettall.’”
42 Meta Pawlu u Barnaba kienu ħerġin, in-nies bdew jitolbuhom bil-ħniena biex jitkellmu dwar dawn l-affarijiet fis-Sabat taʼ wara wkoll.
43 Għalhekk, xħin spiċċat l-assemblea tas-sinagoga, ħafna Lhud u oħrajn li jimxu mat-tagħlim tal-Lhud u li jaqdu lil Alla marru wara Pawlu u Barnaba. Waqt li kienu qed ikellmu lil dawn in-nies, huma ħeġġewhom biex ikomplu jibbenefikaw mill-qalb tajba kbira t’Alla.
44 Is-Sabat taʼ wara, kważi l-belt kollha ltaqgħet biex tismaʼ dak li jgħid Ġeħova.*
45 Meta l-Lhud raw lill-folol, huma bdew jgħiru ħafna u jmieru lil Pawlu, u b’hekk bdew jidgħu.*
46 Imbagħad Pawlu u Barnaba qalulhom b’kuraġġ: “Kien hemm bżonn li dak li jgħid Alla jintqal lilkom l-ewwel. Imma intom m’aċċettajtuhx, u b’hekk urejtu li ma jistħoqqilkomx il-ħajja taʼ dejjem. Allura issa se mmorru għand il-popli l-oħra.
47 Għax Ġeħova* ta dan il-kmand: ‘Jien inkarigajtek bħala d-dawl tal-popli, biex tipprietka mal-art kollha l-mezz kif in-nies se jiġu salvati.’”
48 Meta n-nies tal-popli semgħu dan, huma bdew jifirħu u jfaħħru dak li jgħid Ġeħova,* u dawk kollha li kienu lesti li jaċċettaw il-verità li twassal għal ħajja taʼ dejjem saru dixxipli.
49 Iktar minn hekk, dak li jgħid Ġeħova* baqaʼ jinxtered mal-pajjiż kollu.
50 Imma l-Lhud xewxu lin-nisa importanti li kienu reliġjużi ħafna u lill-irġiel importanti tal-belt, u huma ppersegwitaw lil Pawlu u Barnaba u tefgħuhom barra l-belt.
51 Għalhekk, huma farfru saqajhom mit-trab biex ikunu jafu li Alla wissiehom, u marru Ikonju.
52 U d-dixxipli baqgħu jkunu ferħanin u jirċievu l-ispirtu qaddis.
Noti taʼ taħt
^ Jew “jaqdu pubblikament.”
^ Jew “jaqdihom.”
^ Il-gvernatur Ruman taʼ provinċja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “tibżgħu minn.”
^ Jew “min-nisel taʼ; minn dawk li jiġu minn.”
^ Letteralment “tibżgħu minn.”
^ Jew “is-siġra.”
^ Jew “f’qabar tat-tifkira.”
^ Jew “l-imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “qeda r-rieda t’Alla.”