Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 18:1-28

  • Il-ministeru taʼ Pawlu f’Korintu (1-17)

  • Imur lura Antjokja tas-Sirja (18-22)

  • Pawlu jmur il-Galazja u l-Friġja (23)

  • Raġel jismu Apollo, li kien jinqalaʼ biex jitkellem, jingħata l-għajnuna (24-28)

18  Wara, hu telaq minn Ateni u mar Korintu.  Hu sab Lhudi jismu Akwila li twieled il-Pontu u l-mara tiegħu Prixilla. Huma kienu għadhom kemm ġew mill-Italja għax Klawdju kien ikkmanda lil-Lhud kollha biex jitilqu minn Ruma. Għalhekk, hu mar għandhom,  qagħad id-dar tagħhom, u ħadem magħhom peress li kellhom l-istess sengħa li jagħmlu t-tined.  Kull Sabat hu kien jagħti taħdita* fis-sinagoga u jikkonvinċi lil-Lhud u l-Griegi biex jemmnu f’dak li qed jgħid.  Meta Sila u Timotju telqu mill-Maċedonja u waslu Korintu, Pawlu uża l-ħin kollu tiegħu biex jipprietka l-messaġġ u jagħti prova lil-Lhud li Ġesù hu l-Kristu.  Imma wara li n-nies baqgħu jopponuh u jgħajruh, hu farfar il-ħwejjeġ u qalilhom: “Intom se tkunu ħatjin għal dak li se jiġrilkom. Jien m’iniex ħati. Mil-lum ’il quddiem jien se mmur għand in-nies taʼ popli oħra.”  Għalhekk, telaq minn hemm* u mar id-dar taʼ Tizju Ġustu, li kien jaqdi lil Alla. Id-dar tiegħu kienet viċin is-sinagoga.  Imma Krispu, il-mexxej tas-sinagoga, u dawk kollha fil-familja tiegħu saru dixxipli tal-Mulej. U ħafna Korintin li semgħu l-aħbar tajba bdew jemmnu u jitgħammdu.  Iktar minn hekk, Pawlu kellu viżjoni billejl li fiha l-Mulej qallu: “Tibżax, imma ibqaʼ tkellem u taqtax qalbek, 10  għax għad għandi ħafna nies x’jinġabru fil-belt. Għalhekk, jien se nkun miegħek u ħadd mhu se jattakkak u jagħmillek il-ħsara.” 11  Għalhekk hu qagħad hemm għal sena u nofs jgħallimhom dak li jgħid Alla. 12  Meta Galljon kien prokonslu* tal-Akaja, il-Lhud ftiehmu, attakkaw lil Pawlu, u ħaduh fil-post fejn isir ġudizzju. 13  Huma qalu: “Dan ir-raġel qed jikkonvinċi lin-nies biex iqimu lil Alla b’mod li jmur kontra l-liġi.” 14  Imma hekk kif Pawlu kien se jitkellem, Galljon qal lil-Lhud: “Li kieku dan ir-raġel għamel xi ħaġa ħażina jew xi att kriminali serju, ikun jagħmel sens li nismagħkom bil-paċenzja. 15  Imma jekk mhux qed taqblu fuq xi kliem, ismijiet, jew il-liġi tagħkom, dak arawh intom. Jien ma nixtieqx niġġudika dawn l-affarijiet.” 16  Għalhekk keċċiehom mill-post fejn isir ġudizzju. 17  Dawk kollha li kien hemm qabdu lil Sostene, il-mexxej tas-sinagoga, u bdew isawtuh quddiem il-post fejn isir ġudizzju. Imma Galljon ma ndaħalx. 18  Madankollu, wara li Pawlu għamel xi żmien hemm, hu sellem lill-aħwa u telaq bil-baħar lejn is-Sirja ma’ Prixilla u Akwila. Hu qataʼ xagħru qasir f’Kenkre, għax kien għamel wegħda. 19  Meta waslu Efesu, l-oħrajn qagħdu l-belt, imma Pawlu mar fis-sinagoga jirraġuna mal-Lhud. 20  Għalkemm baqgħu jitolbuh biex jibqaʼ iżjed hemm, hu ma riedx 21  imma sellmilhom u qalilhom: “Jekk Ġeħova* jrid, nerġaʼ niġi għandkom.” Hu telaq bil-baħar minn Efesu 22  u mar Ċesarija. Hu telaʼ* u żar għal ftit lill-kongregazzjoni, imbagħad niżel Antjokja. 23  Wara li qattaʼ xi żmien hemm, hu telaq u mar isaħħaħ lid-dixxipli kollha minn post għal ieħor fil-Galazja u l-Friġja. 24  F’Efesu wasal Lhudi jismu Apollo, li kien minn Lixandra. Hu kien jinqalaʼ biex jitkellem u kien jafha sew l-Iskrittura. 25  Hu kien ġie mgħallem xi jrid Ġeħova,* u permezz tal-ispirtu qaddis, hu kien żeluż ħafna u beda jitkellem u jgħallem b’mod eżatt dwar Ġesù, imma hu kien jaf biss bil-magħmudija taʼ Ġwanni. 26  Hu beda jitkellem bil-kuraġġ fis-sinagoga, u meta Prixilla u Akwila semgħuh, ħaduh magħhom u spjegawlu aħjar it-tagħlim t’Alla. 27  Meta Apollo ried imur l-Akaja, l-aħwa kitbu lid-dixxipli u ħeġġewhom biex jilqgħuh b’qalb tajba. Għalhekk, meta wasal hemm, kien t’għajnuna kbira għal dawk li kienu saru dixxipli minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla. 28  Hu għamel dan billi b’determinazzjoni kbira wriehom mill-Iskrittura li Ġesù hu l-Kristu, b’hekk ta prova fid-dettall quddiem kulħadd li l-Lhud kienu żbaljati.

Noti taʼ taħt

Jew “hu kien jirraġuna magħhom.”
Jiġifieri s-sinagoga.
Il-gvernatur Ruman taʼ provinċja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Milli jidher lejn Ġerusalemm.