Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 19:1-41
19 Waqt li Apollo kien Korintu, Pawlu għadda mir-reġjuni tal-Asja li huma ’l bogħod mill-baħar u niżel Efesu. Hemm sab xi dixxipli
2 u qalilhom: “Irċivejtuh l-ispirtu qaddis meta sirtu dixxipli?” Huma wiġbuh: “Qatt ma smajna li hemm spirtu qaddis.”
3 Għalhekk qalilhom: “Kif tgħammidtu?” Wiġbuh: “Aħna tgħammidna skont dak li għallem Ġwanni.”
4 Pawlu qal: “Ġwanni għammed lin-nies ħalli juru li qed jiddispjaċihom u qalilhom biex jemmnu f’dak li kien ġej warajh, jiġifieri f’Ġesù.”
5 Xħin semgħu hekk, huma tgħammdu f’isem il-Mulej Ġesù.
6 U meta Pawlu qiegħed idejh fuqhom, huma rċivew l-ispirtu qaddis u bdew jitkellmu b’lingwi barranin u jipprofetizzaw.
7 B’kollox kien hemm madwar 12-il raġel.
8 Pawlu għamel tliet xhur imur is-sinagoga u jitkellem bil-kuraġġ billi jagħti taħditiet u jirraġuna b’mod konvinċenti dwar is-Saltna t’Alla.
9 Imma xi wħud b’ras iebsa ma ridux jemmnu u bdew imaqdru t-Triq* quddiem il-folla. Għalhekk telaq minn ħdejhom u ħa lid-dixxipli miegħu. Hu beda jagħti t-taħditiet kuljum fis-sala tal-iskola taʼ Tirannu.
10 Hu għallem hemm għal sentejn, u b’hekk il-Lhud u l-Griegi* kollha li kienu jgħixu fil-provinċja tal-Asja semgħu dwar dak li jgħid il-Mulej.
11 U Alla kompla jagħmel mirakli tal-għaġeb permezz taʼ Pawlu,
12 tant li l-biċċiet tad-drapp u l-fradal tiegħu kienu jiħduhom għand il-morda u dawn ifiqu, u l-ispirti ħżiena kienu joħorġu minnhom.
13 Imma xi wħud mil-Lhud li kienu jivvjaġġaw biex ikeċċu d-demonji wkoll ipprovaw jużaw isem il-Mulej Ġesù maʼ dawk li kellhom spirti ħżiena. Huma kienu jgħidu: “Nikkmandakom toħorġu f’isem Ġesù li jipprietka dwaru Pawlu.”
14 Fost dawk li kienu qed jagħmlu hekk kien hemm sebaʼ subien taʼ qassis importanti Lhudi jismu Xeva.
15 Imma l-ispirtu ħażin qalilhom: “Lil Ġesù u lil Pawlu nafhom, imma intom min intom?”
16 Imbagħad ir-raġel li kellu l-ispirtu ħażin fih qabeż fuqhom, iġġildilhom, u rebħilhom wieħed wieħed, u huma ħarbu minn dik id-dar għarwenin u mweġġgħin.
17 Il-Lhud u l-Griegi* kollha li kienu jgħixu f’Efesu saru jafu b’dan. Huma bdew jibżgħu, u isem il-Mulej Ġesù kompla jiġi mfaħħar.
18 U ħafna minn dawk li saru dixxipli kienu jammettu d-dnubiet tagħhom u jgħidu dak li għamlu quddiem kulħadd.
19 Fil-fatt, ħafna minn dawk li kienu jagħmlu l-maġija qabdu l-kotba kollha tagħhom u ħarquhom quddiem kulħadd. Huma kkalkulaw li dawn kienu jiswew 50,000 munita tal-fidda.
20 B’hekk, it-tagħlim dwar dak li jgħid Ġeħova* kompla jinfirex ħafna u jeffettwa iktar u iktar nies.
21 Imbagħad Pawlu ddeċieda li wara li jgħaddi mill-Maċedonja u l-Akaja jmur Ġerusalemm. Hu qal: “Wara hemm, irrid immur Ruma.”
22 Għalhekk, hu bagħat lejn il-Maċedonja tnejn minn dawk li kienu jgħinuh, lil Timotju u Erastu, imma hu baqaʼ fil-provinċja tal-Asja għal xi żmien.
23 Dak iż-żmien inqalaʼ ħafna inkwiet minħabba t-Triq.*
24 Kien hemm raġel jismu Demetriju li jagħmel tempji żgħar tal-fidda li kienu bħat-tempju t’Artemi, u b’hekk hu għen lil dawk li kienu jagħmlu l-istess xogħol biex jaqilgħu ħafna flus.
25 Hu laqqaʼ lilhom u oħrajn li jagħmlu dan ix-xogħol u qalilhom: “Intom tafu sew li sejrin tajjeb b’dan in-negozju.
26 Issa qed taraw u tisimgħu kif f’Efesu u kważi fil-provinċja kollha tal-Asja, dan Pawlu kkonvinċa lil ħafna nies u ġegħelhom jemmnu li l-allat magħmulin bl-idejn mhumiex allat veri.
27 Iktar minn hekk, qed nibżaʼ li n-nies, apparti li jmaqdru x-xogħol tagħna, jibdew iqisu li t-tempju tal-alla kbira tagħna Artemi ma jiswa għal xejn. U din l-alla li tingħata qima fil-provinċja kollha tal-Asja u fl-art kollha ma tibqax tiġi mfaħħra.”
28 Xħin l-irġiel semgħu dan, tgħidx kemm irrabjaw. Huma bdew jgħajtu: “Kbira hi Artemi tal-Efesin!”
29 Għalhekk, kien hemm inkwiet kbir fil-belt. Huma ġrew għal ġot-teatru waqt li kaxkru magħhom lil Gaju u lil Aristarku, irġiel mill-Maċedonja li kienu jivvjaġġaw maʼ Pawlu.
30 Pawlu ried jidħol ġewwa ħdejn in-nies, imma d-dixxipli ma ħallewhx.
31 Anki xi ħbieb tiegħu li kienu jieħdu ħsieb il-festi u l-logħob wissewh biex ma jirriskjax ħajtu billi jidħol fit-teatru.
32 Xi wħud bdew jgħajtu ħaġa u oħrajn ħaġa oħra, għax il-folla kienet f’konfużjoni u l-maġġoranza tan-nies ma kinux jafu għala kienu nġabru flimkien.
33 Xi wħud qalu lil Alessandru biex jitkellem, peress li l-Lhud kienu qed jimbottawh ’il quddiem. U Alessandru għamel sinjal b’idu u ried jispjega s-sitwazzjoni lin-nies.
34 Imma meta ndunaw li kien Lhudi, huma bdew jgħajtu kollha flimkien għal madwar sagħtejn: “Kbira hi Artemi tal-Efesin!”
35 Meta fl-aħħar is-sindku tal-belt ikkalma l-folla, hu qal: “Nies t’Efesu, min hemm li ma jafx li Efesu hi l-belt li tipproteġi t-tempju tal-alla kbira Artemi u l-istatwa li waqgħet mis-sema?
36 Għalhekk, ladarba dan ma jistaʼ jmerih ħadd, għandkom tibqgħu kalmi u ma taġixxux bl-addoċċ.
37 Intom ġibtu lil dawn l-irġiel hawn għalxejn għax la huma ħallelin tat-tempji u lanqas ma jidgħu* bl-alla tagħna.
38 Għalhekk, jekk Demetriju u dawk li jagħmlu l-istess xogħol iridu jakkużaw lil xi ħadd, jistgħu jiħduh għand il-prokonsli* fil-ġranet meta tkun miftuħa l-qorti. Lilhom għandhom jippreżentawh il-każ.
39 Imma jekk taħsbu li kisru xi liġijiet oħra, għandha tittieħed deċiżjoni meta jiltaqgħu n-nies tal-belt.
40 Aħna qegħdin f’periklu kbir minħabba dak li ġara llum. Nistgħu niġu akkużati li qajjimna ribelljoni, għax m’hemm l-ebda raġuni għala dan il-grupp qalaʼ rewwixta.”
41 Wara li qal hekk, qal lill-folla biex titlaq.
Noti taʼ taħt
^ Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.
^ Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
^ Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
^ Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.
^ Il-gvernaturi Rumani taʼ provinċja. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.