Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 23:1-35
23 Pawlu ħares b’attenzjoni lejn is-Sinedriju u qal: “Ħuti, għal dan iż-żmien kollu jien għext b’kuxjenza nadifa għalkollox quddiem Alla.”
2 Xħin il-qassis il-kbir Ananija semaʼ hekk, hu kkmanda lil dawk li kienu ħdejn Pawlu biex jagħtuh daqqa ġo ħalqu.
3 Imbagħad Pawlu qallu: “Alla għad jagħtik daqqa, ja ħajt imbajjad. Int toqgħod bilqiegħda biex tiġġudikani skont il-Liġi u fl-istess ħin tikser il-Liġi billi tgħidilhom jagħtuni daqqa. Tajjeb hekk allura?”
4 Dawk li kienu ħdejh qalulu: “Int qed tgħajjar lill-qassis il-kbir t’Alla?”
5 Pawlu qal: “Aħwa, ma kontx naf li hu l-qassis il-kbir. Għax l-Iskrittura tgħid, ‘Titkellimx ħażin fuq mexxej tal-poplu tiegħek.’”
6 Peress li Pawlu kien jaf li n-nies tas-Sinedriju kienu nofshom Sadduċej u nofshom Fariżej, għajjat: “Ħuti, jien Fariżew, u niġi mill-Fariżej. Jien qed niġi ġġudikat għax nemmen li l-mejtin se jiġu rxoxtati.”
7 Minħabba f’hekk, il-Fariżej u s-Sadduċej bdew jargumentaw u nfirdu.
8 Għax is-Sadduċej jgħidu li m’hemmx irxoxt, anġli, u spirti, imma l-Fariżej jgħidu li dawn jeżistu.*
9 Għalhekk, qam storbju sħiħ, u xi wħud mill-iskribi li jappoġġaw lill-Fariżej bdew jargumentaw b’rabja u jgħidu: “Aħna ma naraw xejn ħażin f’dan ir-raġel. Min jaf jekk kellmux xi spirtu jew anġlu?”
10 Meta l-argument kiber ħafna, il-kmandant tal-armata beżaʼ li kienu se joqtlu lil Pawlu, għalhekk ikkmanda lis-suldati biex imorru jneħħuh minn nofshom u jiħduh fil-kwartieri tas-suldati.
11 Imma dak il-lejl il-Mulej qagħad ħdejn Pawlu u qallu: “Agħmel kuraġġ! Għax bħalma tajt xhieda fid-dettall dwari f’Ġerusalemm, se tagħti xhieda f’Ruma.”
12 Xħin sebaħ, il-Lhud għamlu pjan bejniethom u ħalfu li ma kinux se jieklu jew jixorbu qabel ma joqtlu lil Pawlu.
13 Kien hemm iktar minn 40 raġel li għamlu din il-ħalfa.
14 Dawn l-irġiel marru għand il-qassisin importanti u l-anzjani* u qalulhom: “Aħna ħlifna li mhux se nieklu qabel ma noqtlu lil Pawlu.
15 Għalhekk, intom u s-Sinedriju għandkom tgħidu lill-kmandant tal-armata li jrid iġibu għandkom biex taparsi teżaminaw il-każ tiegħu aħjar. Imma aħna nkunu lesti biex noqtluh qabel ma jasal viċin.”
16 Imma t-tifel t’oħt Pawlu semaʼ bil-pjan tagħhom u daħal fil-kwartieri tas-suldati u qal lil Pawlu dwar dan.
17 Imbagħad, Pawlu għajjat lil wieħed mill-uffiċjali tal-armata u qallu: “Ħu lil dan iż-żagħżugħ għand il-kmandant tal-armata, għax għandu xi ħaġa x’jgħidlu.”
18 Għalhekk, ħadu għand il-kmandant tal-armata u qallu: “Pawlu l-ħabsi talabni nġiblek lil dan iż-żagħżugħ biex jgħidlek xi ħaġa.”
19 Il-kmandant tal-armata qabdu minn idu, ħadu fil-ġenb, u staqsieh: “Xi trid tgħidli?”
20 Qallu: “Il-Lhud ftiehmu li jitolbuk tieħu lil Pawlu għand is-Sinedriju għada, biex taparsi jsiru jafu iktar dwar il-każ tiegħu.
21 Imma tħallihomx jikkonvinċuk għax hemm iktar minn 40 raġel lesti biex jattakkawh. Dawn ħalfu li mhux se jieklu jew jixorbu qabel ma joqtluh. U issa qed jistennew il-permess mingħandek.”
22 Imbagħad, il-kmandant tal-armata qal liż-żagħżugħ: “Tgħid lil ħadd li għedtli hekk,” u ħallieh jitlaq.
23 Hu għajjat żewġ uffiċjali tal-armata u qalilhom: “Lestu 200 suldat, 70 rikkieb taż-żwiemel, u 200 suldat armati bil-lanza, biex imorru Ċesarija madwar id-disgħa taʼ filgħaxija.*
24 Ukoll, ippreparaw żwiemel għal Pawlu biex iwassluh qawwi u sħiħ għand il-Gvernatur Feliċ.”
25 U hu kiteb din l-ittra:
26 “Mingħand Klawdju Lisja lill-Eċċellenza Tiegħu, il-Gvernatur Feliċ: Il-paċi miegħek!
27 Il-Lhud arrestaw lil dan ir-raġel u kienu se joqtluh, imma jien mort malajr bis-suldati tiegħi u salvajtu, għax sirt naf li hu Ruman.
28 U peress li xtaqt inkun naf għala kienu qed jakkużawh, niżżiltu fis-Sinedriju tagħhom.
29 Hu ġie akkużat b’affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Liġi tagħhom, imma ma ġie akkużat bl-ebda ħaġa li għaliha jistħoqqlu jmut jew jiġi mitfugħ il-ħabs.
30 Imma peress li sirt naf li qed jippjanaw biex joqtluh, jien bgħattu għandek malajr u għedt lil dawk li qed jakkużawh biex jiġu jippreżentaw il-każ quddiemek.”
31 Għalhekk, dawn is-suldati ħadu lil Pawlu f’Antipatri billejl bħalma ġew ikkmandati.
32 L-għada, ir-rikkieba taż-żwiemel baqgħu sejrin miegħu u l-bqija marru lura lejn il-kwartieri tas-suldati.
33 Ir-rikkieba taż-żwiemel daħlu Ċesarija, taw l-ittra lill-gvernatur, u ħadu lil Pawlu quddiemu.
34 Għalhekk, qara l-ittra u staqsieh minn liema provinċja kien, u Pawlu qallu li kien miċ-Ċiliċja.
35 Imbagħad qallu: “Meta jaslu dawk li qed jakkużawk, jien se nismaʼ l-każ tiegħek sew.” U hu kkmanda li jinżamm fil-palazz* t’Erodi bl-għassa miegħu.
Noti taʼ taħt
^ Jew “jaċċettawhom kollha.”
^ Letteralment “fit-tielet siegħa tal-lejl.”
^ Jew “fil-palazz pretorjan.”