Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 24:1-27

  • Akkużi kontra Pawlu (1-9)

  • Pawlu jiddefendi ruħu quddiem Feliċ (10-21)

  • Il-każ taʼ Pawlu jiġi pospost għal sentejn (22-27)

24  Ħamest ijiem wara, il-qassis il-kbir Ananija, xi anzjani,* u avukat* jismu Tertullu marru jippreżentaw il-każ kontra Pawlu quddiem il-gvernatur.  Meta ngħata l-permess jitkellem, Tertullu beda l-akkuża tiegħu billi qal: “Grazzi għalik, aħna qed ngħixu fil-paċi, u peress li tmexxi b’għaqal, il-poplu tagħna miexi ’l quddiem.  Aħna dejjem nuru li napprezzaw dan kollu, l-Eċċellenza Tiegħek Feliċ.  Imma biex ma niħodlokx iktar ħin, nitolbok biex tkun qalbek tajba u tismagħna ftit.  Aħna nnotajna li dan ir-raġel qed jaqlaʼ l-inkwiet* u r-rewwixti fost il-Lhud kollha madwar id-dinja, u hu jmexxi s-setta tan-Nazzareni.  Ukoll, hu pprova jniġġes it-tempju, għalhekk arrestajnieh. 7 *——  Jekk tinterrogah, se tara li dak kollu li akkużajnieh bih hu veru.”  Anki l-Lhud bdew jakkużawh, u b’hekk ikkonfermaw li l-akkużi kienu veri. 10  Meta l-gvernatur għamel sinjal lil Pawlu biex jitkellem, hu wieġeb: “Peress li naf li int ilek imħallef taʼ dan il-poplu għal ħafna snin, jien għandi pjaċir niddefendi lili nnifsi quddiemek. 11  Bħalma tistaʼ tikkonferma int stess, jien m’ilix iktar minn 12-il ġurnata li tlajt inqim f’Ġerusalemm, 12  u huma la sabuni nargumenta maʼ xi ħadd fit-tempju u lanqas inxewwex xi folla fis-sinagogi jew fil-belt. 13  Huma lanqas ma jistgħu jagħtuk prova tal-affarijiet li qed jakkużawni bihom. 14  Imma nammetti li jien ngħix skont it-tagħlim li huma qed isejħulu setta. B’dan il-mod jien inqim lill-Alla taʼ missirijieti, għax nemmen kulma hemm miktub fil-Liġi u l-kotba tal-Profeti. 15  U jien għandi l-istess tama bħalma għandhom dawn l-irġiel, li Alla se jqajjem mill-mewt kemm lin-nies sewwa u kif ukoll lil dawk li mhumiex sewwa. 16  Minħabba dan, jien dejjem nagħmel l-almu tiegħi biex ikolli kuxjenza nadifa quddiem Alla u n-nies. 17  Issa wara ħafna snin, ġejt biex nagħti l-flus ħalli ngħin lill-poplu tiegħi u nagħmel sagrifiċċji lil Alla. 18  Waqt li kont qed nagħmel dan, huma sabuni nadif b’mod ċerimonjali fit-tempju, u mhux ma’ xi folla jew naqlaʼ l-inkwiet. Imma kien hemm xi Lhud mill-provinċja tal-Asja 19  li messhom qegħdin hawn biex jakkużawni jekk vera għandhom xi ħaġa kontrija. 20  Jew inkella, ħalli l-irġiel stess li qegħdin hawn jgħidu x’ħażen sabu fija meta kont quddiem is-Sinedriju. 21  Huma jistgħu jakkużawni fuq ħaġa waħda biss, li jien għedt li qed niġi ġġudikat għax nemmen li l-mejtin se jiġu rxoxtati!” 22  Imma peress li Feliċ kien jaf il-fatti sew dwar din it-Triq,* hu ħalla l-każ tagħhom għal darb’oħra u qal: “Se niddeċiedi dwar dan il-każ meta jiġi Lisja, il-kmandant tal-armata.” 23  Hu kkmanda lill-uffiċjal tal-armata biex iżomm lil Pawlu arrestat, imma jagħtih ftit libertà u jħalli lill-poplu tiegħu jagħtih dak li għandu bżonn. 24  Xi ġranet wara, Feliċ u l-mara tiegħu Drusilla, li kienet Lhudija, marru fejn kien qed jinżamm Pawlu. Hu bagħat għal Pawlu u qagħad jisimgħu jispjega x’għandhom jagħmlu n-nies biex jemmnu fi Kristu Ġesù. 25  Imma meta Pawlu tkellem dwar kif wieħed għandu jġib ruħu, kif wieħed jikkontrolla lilu nnifsu, u l-ġudizzju li ġej, Feliċ beda jibżaʼ u qal: “Mur ’l hemm għalissa, imma meta jkolli ċ-ċans nerġaʼ nibgħat għalik.” 26  Fl-istess ħin, hu kien qed jittama li Pawlu jagħtih xi flus. Għalhekk, kien jibgħat għalih iktar taʼ spiss u joqgħod jitkellem miegħu. 27  Imma wara sentejn, Porċju Festu laħaq flok Feliċ. U peress li Feliċ xtaq jingħoġob mil-Lhud, ħalla lil Pawlu arrestat.

Noti taʼ taħt

Jew “kelliemi pubbliku.”
Letteralment “hu pesta.”
Ara App. A3.
Din tirreferi għall-ħajja u t-tagħlim taʼ Kristjan.