Atti—Dak li Għamlu l-Appostli 3:1-26
3 Madwar it-tlieta taʼ waranofsinhar,* Pietru u Ġwanni kienu telgħin fit-tempju waqt il-ħin tat-talb.
2 Dak il-ħin kien qed jinġarr raġel li ma jistax jimxi u li kien ilu hekk mit-twelid. Hu kien jitpoġġa kuljum ħdejn il-bieb tat-tempju li kienu jgħidulu s-Sabiħ biex jittallab mingħand dawk li jkunu deħlin fit-tempju.
3 Meta ra lil Pietru u Ġwanni deħlin fit-tempju, beda jitlobhom jagħtuh xi ħaġa.
4 Pietru u Ġwanni ħarsu lejh, u Pietru qallu: “Ħares lejna.”
5 Għalhekk, hu ħares lejhom b’attenzjoni, għax stenna li se jagħtuh xi ħaġa.
6 Imma Pietru qallu: “M’għandix fidda u deheb, imma se nagħtik dak li għandi. Ngħidlek f’isem Ġesù Kristu n-Nazzarenu, imxi!”
7 Imbagħad qabdu minn idu l-leminija u qajmu. Saqajh fiequ mill-ewwel,
8 u qabeż fuq saqajh. Hu beda miexi magħhom u daħal fit-tempju, jimxi, jaqbeż, u jfaħħar lil Alla.
9 In-nies kollha rawh miexi u jfaħħar lil Alla.
10 Huma ndunaw li hu kien ir-raġel li kien joqgħod bilqiegħda jittallab ħdejn il-Bieb is-Sabiħ tat-tempju. Għalhekk baqgħu mbellhin xħin rawh jimxi.
11 Waqt li r-raġel kien qed iżomm idejn Pietru u Ġwanni, in-nies kollha, peress li kienu mbellhin għall-aħħar, marru jiġru ħdejhom fil-post li jgħidulu l-Loġġa taʼ Salamun.
12 Meta Pietru ra dan, qalilhom: “Nies t’Iżrael, għala qed tistagħġbu u qed tiċċassaw lejna? Jaqaw qed taħsbu li kien bis-saħħa tagħna jew għax naqdu lil Alla b’qalbna kollha li dan qed jimxi?
13 L-Alla t’Abraham, t’Iżakk, u taʼ Ġakobb, l-Alla tal-antenati tagħna, igglorifika lill-Qaddej tiegħu Ġesù, li intom tajtuh f’idejn l-għedewwa u bl-ebda mod m’aċċettajtuh quddiem Pilatu, avolja hu kien iddeċieda li jeħilsu.
14 Iva, intom bl-ebda mod m’aċċettajtu lil dan ir-raġel qaddis u sewwa, u tlabtu li jinħeles raġel qattiel minfloku.
15 Intom qtiltu l-Mexxej Magħżul* li jagħti l-ħajja. Imma Alla qajmu mill-mewt, u aħna xhieda taʼ dan.
16 Dan ir-raġel li qed taraw u li tafu, ħa saħħtu permezz t’isem Ġesù u tal-fidi tagħna f’ismu. Il-fidi tagħna f’Ġesù fejqet lil dan ir-raġel quddiemkom.
17 Aħwa, jien naf li intom ma kontux tafu x’qed tagħmlu, l-istess bħall-mexxejja tagħkom.
18 Imma b’dan il-mod Alla għamel dak li qal minn qabel permezz tal-profeti kollha, jiġifieri li Kristu kellu jbati.
19 “Għalhekk, indmu u duru lura lejn Alla biex hu jħassar id-dnubiet tagħkom, u b’hekk Ġeħova* jagħtikom żmien taʼ serħan il-moħħ
20 u jibagħtilkom il-Kristu li ġie inkarigat biex jgħinkom, jiġifieri Ġesù.
21 Ġesù se jistenna fis-sema sakemm jiġi ż-żmien li jitranġa kollox. Alla tkellem dwar dan iż-żmien permezz tal-profeti leali tiegħu tal-passat.
22 Fil-fatt Mosè qal, ‘Ġeħova* l-Alla tagħkom se jagħtikom minn fost ħutkom profeta bħali. Għandkom tisimgħu minn kulma jgħidilkom.
23 Infatti, kull min* ma jismax minn dan il-Profeta se jiġi meqrud għalkollox.’
24 Il-profeti kollha, minn Samwel ’il quddiem, tkellmu b’mod ċar dwar dan iż-żmien.
25 Dawn il-profeti tkellmu dwar il-patt li Alla għamel mal-antenati tagħkom. Dan il-patt jgħodd għalikom ukoll, għax Alla wiegħed lil Abraham: ‘Permezz tad-dixxendenti tiegħek,* il-familji kollha tal-art se jitbierku.’
26 Wara li qajjem lill-Qaddej tiegħu, Alla bagħtu biex ibierek lilkom l-ewwel. Hu għamel dan billi għen lil kull wieħed minnkom jindem mill-affarijiet ħżiena li kien qed jagħmel.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “Fid-disaʼ siegħa.”
^ Jew “l-Aġent Ewlieni.”
^ Jew “kull ruħ li.”
^ Jew “taʼ nislek; taʼ dawk li se jiġu minnek.”