Danjel 4:1-37
4 “Is-Sultan Nebukadnessar, lill-popli, lill-ġnus, u lill-ilsna kollha li qed jgħammru fl-art kollha:+ Jalla joktor is-sliem tagħkom.+
2 Deherli li hu tajjeb li niddikjara+ s-sinjali u l-għeġubijiet li għamel miegħi l-Alla l-Iktar Għoli.
3 Kemm huma grandjużi s-sinjali tiegħu, u kemm huma setgħanin l-għeġubijiet tiegħu!+ Saltnatu hi saltna għal dejjem,*+ u l-ħakma tiegħu hi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+
4 “Jien, Nebukadnessar, kont għall-kwiet+ f’dari u sejjer tajjeb fil-palazz tiegħi.+
5 Ħlomt ħolma u bdiet tbeżżagħni.+ U waqt li kont fuq soddti ġewni xbihat f’moħħi u viżjonijiet f’rasi li bdew ibeżżgħuni.+
6 U ħriġt ordni biex iġibuli quddiemi lill-għorrief kollha taʼ Babilonja, sabiex jinterpretawli l-ħolma.+
7 “Imbagħad daħlu l-qassisin li jipprattikaw il-maġija, dawk li jsejħu lill-ispirti, il-Kaldin,+ u l-astroloġi;+ u jien għedt quddiemhom x’kienet il-ħolma, imma huma ma tawnix l-interpretazzjoni tagħha.+
8 Fl-aħħar daħal quddiemi Danjel, li jismu Beltesassar+ skond l-isem taʼ l-alla tiegħi+ u li fih għandu l-ispirtu taʼ l-allat qaddisin;+ u quddiemu għedt x’kienet il-ħolma:
9 “‘O Beltesassar, kap tal-qassisin li jipprattikaw il-maġija,+ peress li naf tajjeb li l-ispirtu taʼ l-allat qaddisin qiegħed fik+ u li m’hemm assolutament ebda sigriet li jħawdek,+ għidli x’inhuma l-viżjonijiet li rajt jien fil-ħolma tiegħi u agħtini l-interpretazzjoni tagħha.+
10 “‘Issa kont fuq soddti qed nara l-viżjonijiet li ġewni f’rasi,+ u, ara, siġra+ f’nofs l-art, li l-għoli tagħha kien immens.+
11 Is-siġra kibret u saret b’saħħitha, u l-għoli tagħha sa fl-aħħar wasal sas-smewwiet, u kienet tidher minn truf l-art kollha.+
12 Il-weraq tagħha kien sabiħ, u l-frott tagħha kotran, u kien hemm ikel għal kulħadd fuqha. Taħtha l-bhejjem+ tar-rabaʼ kienu jfittxu d-dell,+ u fuq il-friegħi tagħha kienu jgħammru l-għasafar tas-smewwiet,+ u minnha kien jiekol kulħadd.
13 “‘U waqt li kont fuq soddti komplejt nara fil-viżjonijiet li ġewni f’rasi, u, ara, għassies,+ wieħed qaddis,+ nieżel mis-smewwiet.
14 Hu kien qed jgħajjat b’leħen għoli, u qal hekk: “Qaċċtu s-siġra,+ u aqtgħu l-friegħi tagħha. Farfru l-weraq tagħha, u ferrxu l-frott tagħha. Ħa jaħarbu minn taħtha l-bhejjem, u l-għasafar mill-friegħi tagħha.+
15 Madankollu, ħallulha z-zokk t’għeruqha fl-art, ġo ħoloq tal-ħadid u tar-ram aħmar, qalb il-ħaxix tar-rabaʼ; u ħa jixxarrab bin-nida tas-smewwiet, u ħa jkun sehmu mal-bhejjem qalb il-ħxejjex taʼ l-art.+
16 Ħa titbiddel qalbu minn dik taʼ bniedem, u ħa tingħatalu qalb taʼ bhima,+ u ħa jgħaddu minn fuqu sebaʼ żminijiet.+
17 Bid-digriet taʼ l-għassiesa+ hi din il-ħaġa, u bi kliem il-qaddisin hu l-verdett, bil-ħsieb li l-ħajjin ikunu jafu li l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin,+ u li lil min irid hu jagħtiha+ u jqiegħed fuqha saħansitra lill-inqas wieħed fost il-bnedmin.”+
18 “‘Din kienet il-ħolma li rajt jien, is-Sultan Nebukadnessar; u int, O Beltesassar, għidli x’inhi l-interpretazzjoni, ladarba l-għorrief l-oħrajn kollha taʼ saltnati m’għandhomx il-ħila jinterpretawha.+ Imma int kapaċi, għaliex fik hemm l-ispirtu taʼ l-allat qaddisin.’+
19 “Dak il-ħin Danjel, li jismu Beltesassar,+ għal mument baqaʼ mibluh, u ħsibijietu bdew ibeżżgħuh.+
“Is-sultan tkellem u qal, ‘O Beltesassar, tħallix il-ħolma u l-interpretazzjoni jbeżżgħuk.’+
“Beltesassar wieġeb u qal, ‘O sidi, jalla l-ħolma tapplika għal dawk li jobogħduk, u l-interpretazzjoni tagħha għall-avversarji tiegħek.+
20 “‘Is-siġra li rajt int, li kibret ħafna u saret b’saħħitha u li l-għoli tagħha sa fl-aħħar wasal sas-smewwiet u kienet tidher mill-art kollha,+
21 u li l-weraq tagħha kien sabiħ, u l-frott tagħha kien kotran, u fuqha kien hemm ikel għal kulħadd; u li taħtha kienu jgħammru l-bhejjem tar-rabaʼ, u fuq il-friegħi tagħha kienu jgħammru l-għasafar tas-smewwiet,+
22 hija int, O sultan,+ għaliex int kbirt ħafna u sirt b’saħħtek, u l-kobor tiegħek kiber ħafna u wasal sas-smewwiet,+ u l-ħakma tiegħek sa truf l-art.+
23 “‘U peress li s-sultan ra għassies, wieħed qaddis,+ nieżel mis-smewwiet, li kien ukoll qed jgħid: “Qaċċtu s-siġra, u eqirduha. Madankollu, ħallulha z-zokk t’għeruqha fl-art, imma ġo ħoloq tal-ħadid u tar-ram aħmar, qalb il-ħaxix tar-rabaʼ, u ħa jixxarrab bin-nida tas-smewwiet, u ħa jkun sehmu mal-bhejjem tar-rabaʼ sakemm jgħaddu minn fuqu sebaʼ żminijiet,”+
24 din hi l-interpretazzjoni, O sultan, u d-digriet+ taʼ l-Iktar Għoli+ hu dak li jrid iseħħ fuq sidi s-sultan.+
25 U lilek se jkeċċuk minn fost il-bnedmin, u mal-bhejjem tar-rabaʼ se tgħammar,+ u lilek se jagħtuk tiekol il-ħaxix bħalma jagħtu lill-barrin;+ u bin-nida tas-smewwiet int se tixxarrab, u minn fuqek se jgħaddu sebaʼ żminijiet,+ sakemm tkun taf li l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin,+ u li lil min irid hu jagħtiha.+
26 “‘U peress li qalu li għandu jitħalla z-zokk taʼ l-għeruq tas-siġra,+ saltnatek żgur li tibqaʼ għalik wara li ssir taf li qed jaħkmu s-smewwiet.+
27 Għalhekk, O sultan, jalla l-parir tiegħi jidher tajjeb għalik,+ u warrab dnubietek permezz tas-sewwa,+ u l-ħażen tiegħek billi tħenn għall-imsejknin.+ Għandu mnejn ikollok ħajja twila mimlija ġid.’”+
28 Dan kollu seħħ fuq is-Sultan Nebukadnessar.+
29 Fit-tmiem taʼ tnax-il xahar qamri hu kien qed jippassiġġa fuq il-bejt tal-palazz irjali taʼ Babilonja.
30 Is-sultan tkellem u qal:+ “M’hijiex din Babilonja l-Kbira, li jien bnejt għad-dar irjali bis-saħħa taʼ setegħti+ u għad-dinjità tal-maestà tiegħi?”+
31 Waqt li l-kelma kienet għadha f’fomm is-sultan, ġie leħen mis-smewwiet: “Lilek qed jintqal, O Sultan Nebukadnessar, ‘Is-saltna ttieħdet mingħandek,+
32 u minn fost il-bnedmin qed ikeċċuk, u mal-bhejjem tar-rabaʼ se tgħammar.+ Se jagħtuk tiekol il-ħaxix bħalma jagħtu lill-barrin, u minn fuqek se jgħaddu sebaʼ żminijiet, sakemm tkun taf li l-Iktar Għoli hu l-Ħakkiem fis-saltna tal-bnedmin, u li lil min irid hu jagħtiha.’”+
33 Dak il-ħin stess+ il-kelma twettqet fuq Nebukadnessar, u tkeċċa minn fost il-bnedmin, u beda jiekol il-ħaxix bħalma jieklu l-barrin, u ġismu xxarrab bin-nida tas-smewwiet, sakemm xagħru twal bħar-rix taʼ l-ajkli, u difrejh bħad-dwiefer tat-tajr.+
34 “U fi tmiem il-jiem+ jien, Nebukadnessar, erfajt għajnejja lejn is-smewwiet,+ u bdejt nerġaʼ nikseb ir-raġuni; u berikt lill-Iktar Għoli,+ u faħħart u gglorifikajt+ lil Dak li jgħix għal dejjem, għaliex il-ħakma tiegħu hi ħakma għal dejjem u saltnatu hi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+
35 U l-abitanti kollha taʼ l-art qed jitqiesu bħax-xejn,+ u hu qed jaġixxi skond ir-rieda tiegħu stess maʼ l-armata tas-smewwiet u maʼ l-abitanti taʼ l-art.+ U m’hemm ħadd li jistaʼ jżommlu idu+ jew li jistaʼ jgħidlu, ‘X’għamilt?’+
36 “Dak il-ħin stess erġajt ksibt ir-raġuni, u għad-dinjità taʼ saltnati, bdejt nerġaʼ nikseb il-maestà tiegħi u l-ġmiel tiegħi;+ u l-uffiċjali għoljin u rjali tiegħi u l-kbarat tiegħi bdew ifittxuni bil-ħerqa, u jien erġajt ġejt stabbilit fuq saltnati, u żdiedli kobor straordinarju.+
37 “Issa jien, Nebukadnessar, qed infaħħar, neżalta, u nigglorifika lis-Sultan tas-smewwiet,+ għaliex l-għemejjel kollha tiegħu huma verità u triqatu huma ġustizzja,+ u għaliex lil dawk li qed jimxu bil-kburija kapaċi jumiljahom.”+