Danjel 6:1-28
6 Deher tajjeb għal Darju li jaħtar fuq is-saltna mija u għoxrin satrapa,* li kellhom ikunu fuq is-saltna kollha;+
2 u fuqhom tliet uffiċjali għoljin, li wieħed minnhom kien Danjel,+ sabiex dawn is-satrapi+ jagħtuhom kontinwament ir-rapport, u b’hekk is-sultan ma joħroġx tellief.+
3 Kien f’dan iż-żmien li dan Danjel kien qed jiddistingwi ruħu+ fost l-uffiċjali għoljin u s-satrapi, ladarba kellu fih spirtu straordinarju;+ u s-sultan kellu l-ħsieb li jgħollih fuq is-saltna kollha.
4 Dak iż-żmien l-uffiċjali għoljin u s-satrapi kienu qed ifittxu l-ħin kollu biex isibu fuqiex jixlu lil Danjel f’dak li kellu x’jaqsam mas-saltna;+ imma ma setgħu jsibu assolutament ebda ħaġa jew korruzzjoni fuqiex jixluh, ladarba hu kien taʼ min jafdah u ma nstabet fih assolutament ebda traskuraġni jew korruzzjoni.+
5 Għaldaqstant, dawn l-irġiel b’saħħithom qalu: “Ma se nsibu assolutament ebda ħaġa fuqiex nixlu lil dan Danjel, ħlief li se jkollna nsibu xi ħaġa kontrih fil-liġi t’Alla tiegħu.”+
6 Għaldaqstant, dawn l-uffiċjali għoljin u s-satrapi daħlu bħala ġemgħa għand is-sultan,+ u qalulu hekk: “O Darju s-sultan, jalla tgħix għal dejjem.+
7 L-uffiċjali għoljin kollha tas-saltna, il-prefetti, is-satrapi, l-uffiċjali għoljin u rjali, u l-gvernaturi ftiehmu bejniethom biex jistabbilixxu statut irjali+ u jinforzaw interdett, li kulmin jitlob lil xi alla jew bniedem fi żmien tletin jum ħlief lilek, O sultan, għandu jiġi mitfugħ fil-ħofra taʼ l-iljuni.+
8 Issa, O sultan, stabbilixxi l-istatut u ffirma l-kitba,+ sabiex ma titbiddilx, skond il-liġi tal-Medin u tal-Persjani,+ li ma titħassarx.”+
9 Fi qbil maʼ dan, is-Sultan Darju ffirma l-kitba u l-interdett.+
10 Imma Danjel, malli sar jaf li l-kitba kienet ġiet iffirmata, daħal f’daru, u, bit-twieqi taʼ l-għorfa tiegħu miftuħin lejn Ġerusalemm,+ kien jinżel għarkopptejh tliet darbiet kuljum+ u jitlob+ u joffri tifħir quddiem Alla tiegħu,+ bħalma kien qed jagħmel regolarment qabel dan.+
11 Dak il-ħin dawn l-irġiel b’saħħithom daħlu fuq Danjel u sabuh jissupplika* u jitlob bil-ħniena quddiem Alla tiegħu.+
12 Imbagħad resqu quddiem is-sultan u qalulu dwar l-interdett tiegħu: “Ma ffirmajtx int interdett li kulmin jitlob lil xi alla jew bniedem ieħor fi żmien tletin jum ħlief lilek, O sultan, għandu jiġi mitfugħ fil-ħofra taʼ l-iljuni?”+ Is-sultan wiġibhom u qalilhom: “Il-kwistjoni hi stabbilita sew skond il-liġi tal-Medin u tal-Persjani, li ma titħassarx.”+
13 Minnufih wieġbu u qalu quddiem is-sultan: “Danjel,+ wieħed mill-eżiljati taʼ Ġuda,+ la kkalkula lilek, O sultan, u lanqas l-interdett li ffirmajt int, imma qed jitlob tliet darbiet kuljum.”+
14 Għaldaqstant, malli s-sultan semaʼ din il-kelma, iddispjaċieh ferm,+ u għamel il-ħsieb li jeħles lil Danjel;+ u sakemm niżlet ix-xemx baqaʼ jirsisti biex jeħilsu.
15 Fl-aħħar, dawn l-irġiel b’saħħithom daħlu bħala ġemgħa għand is-sultan, u qalu lis-sultan: “Innota, O sultan, li l-liġi tal-Medin u tal-Persjani hi li kwalunkwe interdett+ jew statut li jistabbilixxi s-sultan m’għandux jitbiddel.”+
16 Għalhekk, is-sultan ordna, u huma ġabu lil Danjel u tefgħuh fil-ħofra taʼ l-iljuni.+ Is-sultan tkellem u qal lil Danjel: “Alla tiegħek li qed taqdih kontinwament, hu se jeħilsek.”+
17 U ġabu ġebla u poġġewha fuq il-bokka tal-ħofra, u s-sultan immarkaha biċ-ċurkett tas-siġill tiegħu u biċ-ċurkett tas-siġill tal-kbarat tiegħu, sabiex xejn ma jitbiddel rigward Danjel.+
18 Imbagħad is-sultan mar fil-palazz tiegħu u għadda l-lejl isum,+ u ebda strument mużikali ma nġieb quddiemu, u n-ngħas tarlu.+
19 Sa fl-aħħar, fiż-żerniq, is-sultan qam x’ħin sebaħ, u telaq bl-għaġla dritt lejn il-ħofra taʼ l-iljuni.
20 U hekk kif qorob lejn il-ħofra, b’leħen imnikket beda jgħajjat lil Danjel. Is-sultan tkellem u qal lil Danjel: “O Danjel, qaddej taʼ l-Alla l-ħaj, kellu l-ħila jeħilsek mill-iljuni+ Alla tiegħek li qed taqdi kontinwament?”+
21 Fil-pront, Danjel wieġeb u qal lis-sultan: “O sultan, jalla tgħix għal dejjem.
22 Alla tiegħi+ bagħat l-anġlu tiegħu+ u għalaq ħalq l-iljuni,+ u dawn m’għamluli xejn, ladarba jien kont misjub innoċenti quddiemu;+ u quddiemek ukoll, O sultan, jien m’għamilt ebda għemil taʼ ħsara.”+
23 Imbagħad is-sultan feraħ ħafna,+ u ordna li Danjel jittellaʼ mill-ħofra. U Danjel ittellaʼ mill-ħofra, u sabu li ma ġratlu assolutament ebda ħsara, għaliex kien fada f’Alla tiegħu.+
24 U s-sultan ordna, u ġabulu lil dawk l-irġiel b’saħħithom li kienu akkużaw lil Danjel,+ u tefgħu fil-ħofra taʼ l-iljuni lilhom,+ lil uliedhom, u lin-nisa tagħhom;+ u dawn lanqas biss laħqu messew qiegħ il-ħofra li ma qabżux fuqhom l-iljuni u farrkulhom għadamhom kollu.+
25 Imbagħad is-Sultan Darju kiteb lill-popli, lill-ġnus, u lill-ilsna kollha li qed jgħammru fuq l-art kollha:+ “Jalla sliemkom joktor fuq li joktor!+
26 Mingħandi ħarġet ordni+ li, f’kull dominju taʼ saltnati, in-nies għandhom jitriegħdu u jibżgħu quddiem l-Alla taʼ Danjel.+ Għax hu l-Alla l-ħaj u Dak li jibqaʼ għal dejjem,+ u saltnatu+ hi waħda li ma tinqeridx,+ u d-dominju tiegħu hu għal dejjem.+
27 Hu qed isalva u jeħles+ u jwettaq sinjali u għeġubijiet fis-smewwiet+ u fuq l-art,+ għax hu salva lil Danjel minn taħt difrejn l-iljuni.”
28 U inkwantu għal dan Danjel, hu mexa ’l quddiem fis-saltna taʼ Darju+ u fis-saltna taʼ Ċiru l-Persjan.+