Dewteronomju 12:1-32

  • Qimu fil-post li jagħżel Alla (1-14)

  • Jistgħu jieklu l-laħam imma mhux id-demm (15-28)

  • Tinqabadx f’nassa t’allat oħrajn (29-32)

12  “Dawn huma r-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali li għandkom tqisu li tobdu sakemm iddumu ħajjin fl-art li Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietkom, se jagħtikom ħalli tkun tagħkom.  Għandkom teqirdu għalkollox il-postijiet kollha fejn il-popli li se tieħdu l-propjetà tagħhom qdew lill-allat tagħhom, kemm jekk qegħdin fuq il-muntanji għoljin u kemm jekk qegħdin fuq l-għoljiet jew taħt xi siġra b’saħħitha.  U tridu tkissru l-artali tagħhom, tfarrku l-pilastri sagri* tagħhom, taħarqu l-arbli sagri tagħhom fin-nar, u tqaċċtu l-istatwi minquxin tal-allat tagħhom. B’hekk teqirdu isimhom minn dak il-post.  “Tqimux lil Ġeħova l-Alla tagħkom bħalma l-popli jqimu lill-allat tagħhom.  Minflok, morru fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tagħkom biex jiġi mfaħħar ismu, il-post fejn jagħżel li jgħix fost it-tribujiet kollha tagħkom, u qimuh hemmhekk.  Hemmhekk għandkom tieħdu l-offerti tal-ħruq, is-sagrifiċċji, l-għaxra fil-100,* l-offerti tal-wegħdi, l-offerti volontarji, l-ewwel frieħ tal-baqar u n-nagħaġ tagħkom, u kull ħaġa oħra li tkunu tridu tagħtu.  Intom u n-nies taʼ darkom għandkom tieklu hemmhekk quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom u tifirħu b’kull xogħol li tagħmlu, għaliex Ġeħova l-Alla tagħkom berikkom.  “Tagħmlux bħalma qed nagħmlu hawnhekk illum, kulħadd jagħmel dak li hu sewwa f’għajnejh,  għax għadkom ma dħaltux fil-post taʼ mistrieħ u fil-wirt li qed jagħtikom Ġeħova l-Alla tagħkom. 10  Meta taqsmu l-Ġordan u tgħixu fl-art li Ġeħova l-Alla tagħkom qed jagħtikom biex tiħduha, hu żgur li jipproteġikom mill-għedewwa kollha taʼ madwarkom, u intom tgħixu fis-sigurtà. 11  Intom tieħdu dak kollu li qed nikkmandakom fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tagħkom biex jiġi mfaħħar ismu, jiġifieri l-offerti tal-ħruq, is-sagrifiċċji, l-għaxra fil-100 tagħkom, kull offerta li tagħmlu b’wegħda għal Ġeħova, u kull ħaġa oħra li tkunu tridu tagħtu. 12  Intom se tifirħu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom, flimkien mat-tfal tagħkom subien u bniet, l-ilsiera rġiel u nisa tagħkom, u l-Leviti li qegħdin fil-bliet* tagħkom u li m’għandhom ebda sehem jew wirt magħkom. 13  Oqogħdu attenti li ma toffrux l-offerti tal-ħruq tagħkom f’xi post ieħor li taraw. 14  L-offerti tal-ħruq għandkom toffruhom biss fil-post li jagħżel Ġeħova f’wieħed mit-territorji tat-tribujiet tagħkom, u hemmhekk għandkom tagħmlu kulma qed nikkmandakom. 15  “Madankollu, kull meta tkunu tixtiequ* tieklu l-laħam tistgħu toqtlu wieħed mill-annimali li għandkom, skont il-barka li jkun takom Ġeħova l-Alla tagħkom fil-bliet* kollha tagħkom. Jistaʼ jieklu min mhux nadif u min hu nadif, bħalma kieku tieklu għażżiel jew ċerv. 16  Imma d-demm ma tistgħux tikluh. Għandkom tferrgħuh fl-art bħall-ilma. 17  Ma tistgħux tieklu fil-bliet* tagħkom l-għaxra fil-100 taċ-ċereali,* tal-inbid ġdid, taż-żejt, l-ewwel frieħ tal-baqar u n-nagħaġ, xi offerta li tagħmlu b’wegħda, l-offerti volontarji tagħkom, jew il-kontribuzzjoni t’idkom. 18  Dawn għandkom tikluhom quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom fil-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tagħkom—intom, binkom, bintkom, l-ilsir u l-ilsira tagħkom, u l-Levita li qiegħed fil-bliet* tagħkom. U tifirħu quddiem Ġeħova l-Alla tagħkom b’kull xogħol li tagħmlu. 19  Kemm iddumu tgħixu f’artkom qisu li ma tabbandunawx lil-Leviti. 20  “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek ikabbar it-territorju tiegħek bħalma wiegħdek, u int tkun tixtieq* tiekol il-laħam, tkun tistaʼ tieklu kull meta tixtieq.* 21  Jekk il-post li Ġeħova l-Alla tiegħek jagħżel biex jiġi mfaħħar ismu jkun ’il bogħod minnek, għandek toqtol ftit mill-baqar jew min-nagħaġ li tak Ġeħova bħalma kkmandajtek, u għandek tiekol il-laħam fil-bliet* tiegħek kull meta tixtieq.* 22  Tistaʼ tieklu bħalma kieku tiekol l-għażżiel u ċ-ċerv. Jistaʼ jieklu kemm min mhux nadif u kemm min hu nadif. 23  Biss kun deċiż b’mod sod li ma tikolx id-demm, għax id-demm hu l-ħajja,* u ma tistax tiekol il-ħajja* mal-laħam. 24  Tiklux. Għandek tferrgħu fl-art bħall-ilma. 25  Tiklux, sabiex int u t-tfal tiegħek tirnexxu, għax int qed tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova. 26  Meta tmur fil-post li jagħżel Ġeħova għandek tieħu biss l-affarijiet qaddisin u l-offerti tal-wegħdi tiegħek. 27  Hemmhekk toffri l-offerti tal-ħruq tiegħek, il-laħam u d-demm, fuq l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek, u d-demm tas-sagrifiċċji tiegħek għandu jitferraʼ man-naħa t’isfel tal-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek, imma l-laħam tistaʼ tieklu. 28  “Qis li tobdi dan il-kliem kollu li qed nikkmandak, sabiex int u t-tfal tiegħek dejjem tkunu mberkin, għax int qed tagħmel dak li hu tajjeb u sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħek. 29  “Meta Ġeħova l-Alla tiegħek jeqred il-popli li int se tieħu l-propjetà tagħhom, u tkun qed tgħix f’arthom, 30  oqgħod attent li ma tmurx tinqabad f’nassa wara li jkunu nqerdu għalkollox minn quddiemek. Tistaqsix dwar allathom, u tgħid, ‘Dawn il-popli b’liema mod kienu jaqdu lil allathom? Jien bħalhom se nagħmel.’ 31  Tagħmillux hekk lil Ġeħova l-Alla tiegħek, għax għal allathom huma jagħmlu kull ħaġa moqżieża li Ġeħova jobgħod, saħansitra jaħarqu lit-tfal tagħhom subien u bniet fin-nar lil allathom. 32  Oqgħod attent li tagħmel kulma qed nikkmandak. La għandek iżżid u lanqas tnaqqas minnu.

Noti taʼ taħt

Jew “l-għexur kollha.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Jew “kull meta ruħkom tkun tixtieq.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Jew “ruħek tkun tixtieq.”
Jew “kull meta ruħek tixtieq.”
Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
Jew “kull meta ruħek tixtieq.”
Jew “ir-ruħ.”
Jew “ir-ruħ.”