Dewteronomju 13:1-18
-
Kif għandhom jiġu ttrattati l-apostati (1-18)
13 “Ejja ngħidu li jkun hemm profeta jew xi ħadd li jbassar il-futur permezz tal-ħolm u jagħtik sinjal jew ibassarlek xi ħaġa,
2 u jseħħ is-sinjal jew il-ħaġa li jkun bassar waqt li jgħidlek, ‘Ħa nimxu wara allat oħrajn, allat li ma tafhomx, u ħa naqduhom.’
3 Int m’għandekx tismaʼ l-kliem taʼ dan il-profeta jew taʼ dak li joħlom, għax Ġeħova l-Alla tagħkom qed jgħaddikom minn prova biex ikun jaf jekk tħobbux lil Ġeħova l-Alla tagħkom b’qalbkom kollha u b’ruħkom* kollha.
4 Għandkom timxu wara Ġeħova l-Alla tagħkom, lilu għandkom tirrispettaw ħafna,* il-kmandamenti tiegħu għandkom tobdu, kliemu għandkom tisimgħu, hu l-wieħed li għandkom taqdu, u miegħu għandkom iżżommu sod.
5 Imma dak il-profeta jew dak li joħlom għandu jinqatel, għax ikun inkuraġġiekom tirribellaw kontra Ġeħova l-Alla tagħkom, li ħariġkom mill-art tal-Eġittu u fdiekom* mill-art fejn kontu lsiera, biex ibegħedkom mit-triq li Ġeħova l-Alla tagħkom ikkmandakom biex timxu fiha. U tridu tneħħu l-ħażen minn ġo nofskom.
6 “Ejja ngħidu li ħuk, ibnek, bintek, l-għażiża martek, jew ħabib tal-qalb,* jipprova jħajrek bil-moħbi u jgħidlek, ‘Ejja mmorru naqdu allat oħrajn.’ Dawn huma allat li la int u lanqas missirijietek ma tafu,
7 mill-allat tal-popli taʼ madwarek li huma qrib u ’l bogħod, minn kwalunkwe parti tal-art.
8 Iċċedix għal li jgħidlek u tismax minnu, lanqas m’għandek titħassru, tħenn għalih, jew tipproteġih.
9 Anzi, qis li toqtlu. Int għandek tkun l-ewwel wieħed li twaddablu l-ġebel, u mbagħad iwaddablu l-ġebel il-poplu kollu.
10 U trid tagħmel hekk sakemm imut, għaliex ipprova jbiegħdek minn Ġeħova l-Alla tiegħek, li ħarġek mill-art tal-Eġittu fejn kont ilsir.
11 Imbagħad Iżrael kollu jismaʼ u jibżaʼ, u ħadd fostok ma jerġaʼ jagħmel ħaġa ħażina bħal din.
12 “Ejja ngħidu li f’waħda mill-bliet li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik biex tgħix fiha, tismagħhom jgħidu
13 li rġiel li mhuma tajbin għal xejn qed jipprovaw ibiegħdu minn Alla lin-nies taʼ belthom billi jgħidu, ‘Ejja naqdu allat oħrajn,’ allat li ma tafhomx.
14 Int trid tfittex dwar il-każ, billi tinvestiga u tistaqsi bir-reqqa. U jekk jiġi kkonfermat li vera saret din il-ħaġa moqżieża fostok,
15 qis li toqtol bix-xabla lil dawk li jgħixu f’din il-belt. Eqred lilha u kulma fiha, anki l-annimali tagħha.
16 Imbagħad iġbor l-affarijiet kollha tagħha f’nofs il-pjazza tagħha u aħraq il-belt, u dawn ikunu bħala offerta sħiħa lil Ġeħova l-Alla tiegħek. Il-belt trid issir ħerba għal dejjem. Qatt m’għandha terġaʼ tinbena.
17 M’għandek tieħu xejn minn dak li hu ddedikat għall-qerda,* sabiex Ġeħova ma jibqax irrabjat miegħek, imma jitħassrek u jurik ħniena, u jkabbar il-poplu tiegħek bħalma ħalef lil missirijietek.
18 Għax int għandek tismaʼ minn Ġeħova l-Alla tiegħek billi tobdi l-kmandamenti kollha tiegħu li qed nikkmandak illum, u b’hekk tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Ġeħova l-Alla tiegħek.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “minnu għandkom tibżgħu.”
^ Jew “ħabib li hu bħal ruħek stess.”
^ Jew “intgħamel qaddis permezz taʼ projbizzjoni.”