Dewteronomju 14:1-29
14 “Intom it-tfal taʼ Ġeħova l-Alla tagħkom. Tqattgħux ġisimkom u tqaxxrux is-suf taʼ fuq għajnejkom għal persuna mejta.
2 Għax int poplu qaddis għal Ġeħova l-Alla tiegħek, u Ġeħova għażlek biex issir il-poplu tiegħu, poplu speċjali* mill-popli kollha fuq wiċċ l-art.
3 “Tiekol ebda ħaġa moqżieża.
4 Dawn huma l-annimali li tistgħu tieklu: il-barri, in-nagħġa, il-mogħża,
5 iċ-ċerv, l-għażżiel, iċ-ċerv żgħir, il-mogħża salvaġġa, l-antilop, in-nagħġa salvaġġa, u n-nagħġa tal-muntanji.
6 Tistgħu tieklu kull annimal li għandu d-difer maqsum għalkollox fi tnejn u li jixtarr.*
7 Imma m’għandkomx tieklu minn dawn l-annimali li jixtarru jew li għandhom qasma fid-dwiefer: il-ġemel, il-fenek salvaġġ, u l-fenek tad-deżert, għax għalkemm jixtarru, m’għandhomx qasma fid-dwiefer. Dawn mhumiex nodfa għalikom.
8 Il-ħanżir ukoll, għax għalkemm għandu qasma fid-dwiefer, ma jixtarrx. Mhuwiex nadif għalikom. Tiklux il-laħam tagħhom jew tmissu l-ġisem mejjet tagħhom.
9 “Minn kulma jgħix fl-ilmijiet, tistgħu tieklu kulma għandu l-ġwienaħ u l-qxur.*
10 Imma tieklu xejn li m’għandux ġwienaħ u qxur. Mhux nadif għalikom.
11 “Tistgħu tieklu kull għasfur nadif.
12 Imma dawn ma tistgħux tikluhom: l-ajkla, l-arpa, l-avultun iswed,
13 l-astun aħmar, l-astun iswed, kull tip t’astun,
14 kull tip taʼ ċawlun,
15 in-nagħma, il-kokka, il-gawwija, kull tip taʼ seqer,
16 il-kokka żgħira, il-kokka tal-qrun, iċ-ċinju,
17 il-pellikan, l-avultun, il-margun,
18 iċ-ċikonja, kull tip taʼ russett, id-daqquqa tat-toppu, u l-farfett il-lejl.
19 Kull insett bil-ġwienaħ li jgħix fi qtajjaʼ wkoll mhux nadif għalikom. M’għandkomx tikluh.
20 Tistgħu tieklu kull ħliqa nadifa li ttir.
21 “Tiekol ebda annimal li jinstab mejjet. Tistaʼ tagħtih lir-resident barrani li qiegħed fil-bliet* tiegħek għax hu jistaʼ jieklu, jew tistaʼ tbigħu lil barrani. Għax int poplu qaddis għal Ġeħova l-Alla tiegħek.
“Tgħallix gidi f’ħalib ommu.
22 “Qis li tagħti għaxra fil-100* minn kulma tipproduċi ż-żerriegħa tiegħek fl-għelieqi minn sena għal sena.
23 Int tiekol l-għaxra fil-100 taċ-ċereali,* tal-inbid ġdid, taż-żejt, u tal-ewwel frieħ tal-baqar u n-nagħaġ tiegħek quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek fil-post li jagħżel biex jiġi mfaħħar ismu, sabiex titgħallem tirrispetta ħafna lil* Ġeħova l-Alla tiegħek dejjem.
24 “Issa jekk il-post li Ġeħova l-Alla tiegħek jagħżel għal ismu jkun ’il bogħod wisq minnek u l-vjaġġ ikun twil wisq għalik, u ma tkunx tistaʼ ġġorr kollox miegħek hemm peress li Ġeħova l-Alla tiegħek ikun bierkek,
25 tkun tistaʼ ssarraf kollox fi flus, tpoġġihom f’basket, u tiħodhom miegħek lejn il-post li jagħżel Ġeħova l-Alla tiegħek.
26 Imbagħad tkun tistaʼ tonfoq il-flus fuq kulma tkun tixtieq*—baqar, nagħaġ, mogħoż, inbid, xorb alkoħoliku ieħor, u kulma jogħġbok;* u tiekol hemmhekk quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek u tifraħ flimkien man-nies taʼ darek.
27 Tabbandunax il-Leviti li qegħdin fi blietek, għax m’għandhom ebda sehem jew wirt miegħek.
28 “Fit-tmiem taʼ kull tliet snin, għandek toħroġ l-għaxra fil-100 tal-prodott tiegħek taʼ dik is-sena u tqegħedha fi blietek.
29 Imbagħad il-Levita, li m’għandu ebda sehem jew wirt miegħek, ir-resident barrani, l-orfni,* u l-armla, li qegħdin fi blietek, jiġu u jieklu sa ma jixbgħu, sabiex Ġeħova l-Alla tiegħek ibierkek f’kulma tagħmel.
Noti taʼ taħt
^ Jew “propjetà prezzjuża.”
^ Jiġifieri li jerġaʼ jomgħod l-ikel li jkun belaʼ.
^ Jiġifieri fins u scales.
^ Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
^ Jew “l-għexur.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Letteralment “tibżaʼ minn.”
^ Jew “ruħek tkun tixtieq.”
^ Jew “kulma ruħek titlob minnek.”
^ Letteralment “tifel bla missier.”