Dewteronomju 20:1-20

  • Regoli għall-battalja (1-20)

    • Dawk ħelsin mis-servizz militari (5-9)

20  “Jekk tmorru għall-battalja kontra l-għedewwa tagħkom u taraw li għandhom iktar żwiemel, karrijiet tal-gwerra, u suldati minnkom, tibżgħux minnhom, għax Ġeħova l-Alla tagħkom li tellagħkom mill-art tal-Eġittu qiegħed magħkom.  Meta tkunu wasaltu biex tmorru għall-battalja, il-qassis irid jersaq u jkellem lis-suldati.  Irid jgħidilhom, ‘Ismaʼ Iżrael, daqt se tmorru għall-battalja kontra l-għedewwa tagħkom. Taqtgħux qalbkom. Tibżgħux, titwerwrux, u tirtogħdux minħabba fihom,  għax Ġeħova l-Alla tagħkom qed jimmarċja magħkom biex jiġġieled għalikom kontra l-għedewwa tagħkom u jsalvakom.’  “Anki l-uffiċjali jridu jkellmu lis-suldati, u jgħidulhom, ‘Jekk xi ħadd bena dar ġdida u ma bediex jgħix fiha, ħa jmur lura lejn daru. Inkella jistaʼ jmut fil-battalja u jgħix fiha raġel ieħor.  Jekk xi ħadd ħawwel għalqa dwieli u ma bediex jaħsad il-frott, ħa jmur lura lejn daru. Inkella jistaʼ jmut fil-battalja u jaħsad il-frott raġel ieħor.  Jekk xi ħadd tgħarras mara u ma żżewwiġhiex, ħa jmur lura lejn daru. Inkella jistaʼ jmut fil-battalja u jiżżewwiġha raġel ieħor.’  L-uffiċjali jridu jgħidulhom ukoll, ‘Min qed jibżaʼ u jaqtaʼ qalbu, għandu jmur lura lejn daru, sabiex ma jaqtax qalb ħutu bħalma għamel hu.’  Meta l-uffiċjali jkunu spiċċaw ikellmuhom, iridu jinkarigaw kapijiet tal-armati biex imexxu s-suldati. 10  “Jekk toqrob lejn belt biex tiġġieled kontriha, l-ewwel trid tgħid lin-nies tagħha l-kundizzjonijiet għal ftehim taʼ paċi. 11  Jekk jaċċettaw il-kundizzjonijiet tiegħek u jiftħulek il-bieb tal-belt tagħhom, in-nies kollha li hemm fiha jsiru tiegħek biex jagħmlu xogħol taʼ bilfors u jaqdu lilek. 12  Imma jekk ma jaċċettawx li jagħmlu paċi miegħek u minflok jiggwerraw kontrik, trid tassedja l-belt tagħhom, 13  u Ġeħova l-Alla tiegħek żgur li jagħtihielek f’idek, u trid toqtol lil kull raġel li hemm fiha bix-xabla. 14  Madankollu, in-nisa, it-tfal, l-imrieħel, u kulma hemm fil-belt, tistaʼ tiħodhom għalik, u tistaʼ tuża l-affarijiet kollha tal-għedewwa tiegħek li tak Ġeħova l-Alla tiegħek. 15  “Hekk għandek tagħmlilhom il-bliet kollha li huma ’l bogħod ħafna minnek u li mhumiex taʼ dawn il-popli li huma viċin. 16  Imma fil-bliet taʼ dawn il-popli, li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt, m’għandek tħalli lil ħadd ħaj.* 17  Minflok, għandek teqridhom għalkollox, il-Ħittin, l-Amurrin, il-Kangħanin, il-Pereżin, il-Ħiwwin, u l-Ġebusin, bħalma kkmandak Ġeħova l-Alla tiegħek. 18  B’hekk ma jgħallmukomx tagħmlu l-prattiki moqżieża kollha tagħhom li għamlu għal allathom, u jġegħlukom tidinbu kontra Ġeħova l-Alla tagħkom. 19  “Jekk tassedja belt u tiħodha f’idejk wara li tiġġieled kontriha għal ħafna jiem, m’għandekx teqred is-siġar tagħha bil-mannara. Tistaʼ tiekol minnhom, imma tqaċċathomx. Għala għandek teqred siġra bħalma kieku tagħmel lil bniedem? 20  Tistaʼ teqred biss siġra li taf li mhix tal-ikel. Tistaʼ tqaċċatha u tibni strutturi tal-assedju kontra l-belt li qed tiggwerra kontrik, sakemm tiħodha f’idejk.

Noti taʼ taħt

Jew “ebda ħaġa li tieħu n-nifs ħajja.”