Dewteronomju 22:1-30

  • Rispett għall-annimali t’oħrajn (1-4)

  • M’għandhomx jintlibsu l-ħwejjeġ tas-sess oppost (5)

  • Qalb tajba lejn l-annimali (6, 7)

  • Ċint mad-dawra tal-bejt (8)

  • Affarijiet li m’għandhomx jintużaw flimkien (9-11)

  • Ġmiemen mal-ilbies (12)

  • X’għandu jsir meta wieħed jikser liġi dwar is-sess (13-30)

22  “Jekk tara l-barri jew in-nagħġa taʼ ħuk mitlufa, m’għandekx tagħmel tabirruħek li ma rajthiex. Qis li tiħodha lura għand ħuk.  Imma jekk ħuk ma jkunx joqgħod qrib tiegħek jew ma tkunx tafu, ħu l-annimal għandek, u jibqaʼ għandek sakemm ifittxu ħuk. Imbagħad għandek tagħtihulu lura.  Hekk għandek tagħmel bil-ħmar, bil-ħwejjeġ, u b’kull ħaġa li jitlef ħuk u ssibha int. Ma tistax tagħmel tabirruħek li ma rajthomx.  “Jekk tara l-ħmar taʼ ħuk jew il-barri tiegħu jaqaʼ fl-art, m’għandekx tagħmel tabirruħek li ma rajtux. Qis li tgħinu jqajjem l-annimal.  “Mara m’għandhiex tilbes il-ħwejjeġ taʼ raġel, u raġel m’għandux jilbes il-ħwejjeġ taʼ mara. Għax kull min jagħmel hekk ikun moqżież għal Ġeħova l-Alla tiegħek.  “Jekk mat-triq issib bejta għasafar bil-frieħ jew bil-bajd, kemm f’xi siġra jew fl-art, u l-omm tkun qiegħda fuq il-frieħ jew fuq il-bajd, tiħux l-omm flimkien mal-frieħ.  Qis li titlaq l-omm, imma l-frieħ tistaʼ tiħodhom. Agħmel hekk sabiex tirnexxi u tgħix ħajja twila.  “Jekk tibni dar ġdida, agħmel ċint mad-dawra tal-bejt tiegħek, sabiex int u l-familja ma tkunux ħatjin* jekk xi ħadd jaqaʼ u jmut.  “Fl-għalqa tad-dwieli tiegħek tiżrax prodott ieħor. Inkella kull ħaġa li tipproduċi l-għalqa għandu jingħata lis-santwarju. 10  “Taħratx b’barri u bi ħmar flimkien. 11  “Tilbisx ħwejjeġ magħmulin mis-suf u l-għażel flimkien. 12  “Għandek tagħmel il-ġmiemen fl-erbaʼ kantunieri tal-ilbies tiegħek. 13  “Jekk raġel jiżżewweġ mara u jkollu x’jaqsam magħha, imma mbagħad isir jobgħodha* 14  u jakkużaha bi mġiba ħażina u jġib isem ħażin fuqha billi jgħid, ‘Ħadt lil din il-mara, imma meta kelli x’naqsam magħha ma sibtx evidenza li kienet verġni,’ 15  missier u omm it-tfajla jridu jġibu l-evidenza tal-verġinità tat-tfajla għand l-anzjani* f’bieb il-belt. 16  Missier it-tfajla jrid jgħid lill-anzjani, ‘Jien tajt lil binti lil dan ir-raġel bħala martu, imma hu jobgħodha* 17  u qed jakkużaha bi mġiba ħażina billi jgħid: “Sibt li bintek m’għandhiex evidenza tal-verġinità.” Din hi l-evidenza tal-verġinità taʼ binti.’ Imbagħad jifirxu d-drapp quddiem l-anzjani tal-belt. 18  L-anzjani tal-belt jieħdu r-raġel u jiddixxiplinawh. 19  Huma jwaħħluh multa taʼ 100 xekel* fidda u jagħtuhom lil missier it-tfajla, għax ir-raġel ikun immalafama verġni t’Iżrael, u hi tibqaʼ martu. Ma jistax jiddivorzjaha għal għomru. 20  “Iżda jekk l-akkuża tkun vera, u ma jkunx hemm evidenza li t-tfajla kienet verġni, 21  iridu joħorġu lit-tfajla fid-daħla tad-dar taʼ missierha, u l-irġiel tal-belt tagħha jridu jwaddbulha l-ġebel sakemm tmut, għaliex tkun għamlet att taʼ mistħija f’Iżrael billi għamlet l-immoralità sesswali* f’dar missierha. B’hekk tneħħi dak li hu ħażin minn ġo nofsok. 22  “Jekk raġel jinqabad ikollu x’jaqsam maʼ mara miżżewġa, it-tnejn li huma għandhom imutu, ir-raġel li mtedd mal-mara kif ukoll il-mara. B’hekk tneħħi dak li hu ħażin minn ġo Iżrael. 23  “Jekk verġni tkun għarusa, u raġel ieħor jiltaqaʼ magħha fil-belt u jkollu x’jaqsam magħha, 24  oħorġuhom it-tnejn li huma fil-bieb taʼ dik il-belt u waddbulhom il-ġebel sakemm imutu, it-tfajla għax ma werżqitx fil-belt, u r-raġel għax umilja lil mart sieħbu. B’hekk tneħħi dak li hu ħażin minn ġo nofsok. 25  “Madankollu, jekk ikun fl-għalqa li r-raġel jiltaqaʼ mat-tfajla li hi għarusa u jistupraha, ir-raġel biss għandu jmut, 26  u lit-tfajla tagħmlilha xejn. It-tfajla m’għamlitx dnub li jistħoqqlu l-mewt. Dan il-każ hu bħal meta raġel jattakka lil xi ħadd u joqtlu. 27  Għax hu ltaqaʼ magħha fl-għalqa, u t-tfajla li kienet għarusa werżqet, imma ma kien hemm ħadd li jeħlisha. 28  “Jekk raġel jiltaqaʼ ma’ tfajla verġni li mhix għarusa u jaħtafha u jkollu x’jaqsam magħha u jinqabdu, 29  ir-raġel li kellu x’jaqsam magħha jrid jagħti 50 xekel fidda lil missier it-tfajla, u hi ssir martu. Minħabba li umiljaha, hu ma jistax jiddivorzjaha għal għomru. 30  “Ebda raġel m’għandu jiżżewweġ il-mara taʼ missieru, sabiex ma jiddiżonorax lil missieru.*

Noti taʼ taħt

Jew “ħatjin tad-demm.”
Jew “imbagħad iwarrabha.”
Jew “iwarrabha.”
Xekel kien daqs 11.4 grammi. Ara App. B14.
Jew “il-prostituzzjoni.”
Letteralment “jikxef id-dublett taʼ missieru.”