Dewteronomju 26:1-19
26 “Meta fl-aħħar tidħol fl-art li Ġeħova l-Alla tiegħek qed jagħtik bħala wirt u tkun ħadtha f’idejk u qed tgħix fiha,
2 ħu ftit mill-ewwel prodott* tal-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek, u poġġih f’qoffa u mur fil-post li Ġeħova l-Alla tiegħek jagħżel biex jiġi mfaħħar ismu.
3 Għandek tmur għand il-qassis li jkun qed jaqdi f’dawk il-jiem u tgħidlu, ‘Illum qed niddikjara lil Ġeħova l-Alla tagħna li jien dħalt fl-art li Ġeħova ħalef lil missirijietna li jagħtina.’
4 “Imbagħad il-qassis jieħu l-qoffa minn idek u jqegħedha quddiem l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek.
5 Imbagħad int għandek tiddikjara quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek, ‘Missieri kien Arami li jivvjaġġa minn post għal ieħor.* Hu niżel l-Eġittu bi ftit nies u għex hemm bħala barrani. Imma hemm sar poplu tassew b’saħħtu u kbir.
6 U l-Eġizzjani ttrattawna ħażin, ħaqruna, u sforzawna naħdmu iebes bħala lsiera.
7 Għalhekk, bdejna nitolbu għall-għajnuna lil Ġeħova, l-Alla taʼ missirijietna, u Ġeħova semaʼ leħinna u ra t-tbatija, l-inkwiet, u l-moħqrija tagħna.
8 Fl-aħħar, Ġeħova ħariġna mill-Eġittu b’id b’saħħitha u qawwija u billi għamel affarijiet tat-twerwir, sinjali, u mirakli.
9 Imbagħad ġabna f’dan il-post u tana din l-art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel.
10 Issa jien ġibt l-ewwel prodott tal-art li tani Ġeħova.’
“Int għandek tqiegħdu quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek u tmil quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek.
11 Imbagħad int, il-Leviti, u r-residenti barranin li qegħdin f’nofsok se tifirħu bil-ġid kollu li Ġeħova l-Alla tiegħek ta lilek u lil taʼ darek.
12 “Meta tkun ġbart l-għaxra fil-100 tal-prodott tiegħek fit-tielet sena, jiġifieri s-sena tal-għexur, agħtih lil-Levita, lir-resident barrani, lill-orfni,* u lill-armla, u dawn jieklu sa ma jixbgħu fil-bliet* tiegħek.
13 Imbagħad tgħid quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek, ‘Neħħejt is-sehem qaddis mid-dar tiegħi u tajtu lil-Levita, lir-resident barrani, lill-orfni, u lill-armla, bħalma kkmandajtni. La ksirt il-kmandamenti tiegħek u lanqas injorajthom.
14 La kilt minnu meta kont bil-vistu, la ħadt minnu meta ma kontx nadif, u lanqas tajt minnu għal xi ħadd mejjet. Obdejt minn leħnek, Ġeħova Alla tiegħi, u għamilt skont kulma kkmandajtni int.
15 Issa ħares ’l isfel mill-post qaddis fejn tgħix, mis-sema, u bierek lill-poplu tiegħek Iżrael u l-art li tajtna, bħalma ħlift lil missirijietna, l-art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel.’
16 “Illum Ġeħova l-Alla tiegħek qed jikkmandak tobdi dawn ir-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali. Dan għandek tagħmlu b’qalbek u b’ruħek* kollha.
17 Illum Ġeħova aċċertak li hu se jkun l-Alla tiegħek dment li timxi fi triqatu u tobdi r-regoli, il-kmandamenti, u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tiegħu, u dment li tismaʼ minn leħnu.
18 Int illum għedt lil Ġeħova li se tkun il-poplu tiegħu, il-poplu speċjali* tiegħu, bħalma wiegħdek, u li se tobdi l-kmandamenti kollha tiegħu.
19 Imbagħad hu se jgħollik ’il fuq mill-popli l-oħrajn kollha li għamel, bħalma wiegħed, u jagħtik tifħir, fama, u glorja dment li turi li int poplu qaddis għal Ġeħova l-Alla tiegħek.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “frott.”
^ Jew forsi “li kien wasal biex jinqered.”
^ Letteralment “lit-tifel bla missier.”
^ Letteralment “’il ġewwa mill-bibien.”
^ Jew “il-propjetà prezzjuża.”