Dewteronomju 27:1-26

  • Il-Liġi għandha tinkiteb fuq il-ġebel (1-10)

  • Ħdejn il-Muntanja Għebal u l-Muntanja Geriżim (11-14)

  • Jerġgħu jintqalu s-saħtiet (15-26)

27  Imbagħad Mosè, flimkien mal-anzjani t’Iżrael, ikkmanda lill-poplu u qallu: “Obdi kull kmandament li qed nagħtik illum.  U dakinhar li taqsam il-Ġordan biex tidħol fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek, waqqaf ġebel kbir u iksih bil-ġibs.*  Meta tkun qsamt, ikteb fuqu l-kliem kollu taʼ din il-Liġi, sabiex tidħol fl-art li qed jagħtik Ġeħova l-Alla tiegħek, art li tipproduċi ħafna ħalib u għasel, bħalma wiegħdek Ġeħova l-Alla taʼ missirijietek.  Meta tkun qsamt il-Ġordan, għandek twaqqaf dan il-ġebel fuq il-Muntanja Għebal u tiksih bil-ġibs,* bħalma qed nikkmandak illum.  Hemmhekk trid ukoll tibni artal lil Ġeħova l-Alla tiegħek, artal tal-ġebel. Tużax għodda tal-ħadid fuqu.  Għandek tibni l-artal taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek b’ġebel mhux maħdum u toffri fuqu offerti tal-ħruq lil Ġeħova l-Alla tiegħek.  Offri s-sagrifiċċji tal-paċi u kulhom hemm, u int tifraħ quddiem Ġeħova l-Alla tiegħek.  U ikteb b’mod ċar il-kliem kollu taʼ din il-Liġi fuq il-ġebel.”  Imbagħad Mosè u l-qassisin Leviti kellmu lil Iżrael kollu u qalulu: “Oqgħod kwiet u ismaʼ Iżrael. Illum int sirt il-poplu taʼ Ġeħova l-Alla tiegħek. 10  Ismaʼ minn leħen Ġeħova l-Alla tiegħek u obdi l-kmandamenti u r-regoli tiegħu li qed nagħtikom illum.” 11  Dakinhar Mosè kkmanda lill-poplu u qallu: 12  “Dawn huma t-tribujiet li se joqogħdu fuq il-Muntanja Geriżim biex jgħidu l-barkiet li se jirċievu n-nies meta tkunu qsamtu l-Ġordan: Simegħon, Levi, Ġuda, Issakar, Ġużeppi, u Benjamin. 13  U dawn huma t-tribujiet li se joqogħdu fuq il-Muntanja Għebal biex jgħidu lin-nies x’inhuma s-saħtiet: Ruben, Gad, Aser, Żebulun, Dan, u Naftali. 14  U l-Leviti jridu jgħidu b’leħen għoli lin-nies kollha t’Iżrael: 15  “‘Misħut ir-raġel li jagħmel statwa skolpita jew statwa tal-metall* u jaħbiha. Ħaġa bħal din magħmula minn xi ħadd tas-sengħa* hi moqżieża għal Ġeħova.’ (U l-poplu kollu jwieġeb u jgħid, ‘Ammen!’*) 16  “‘Misħut min jittratta lil missieru jew lil ommu b’diżrispett.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 17  “‘Misħut min iressaq il-marka tal-fruntiera tal-ġar tiegħu.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 18  “‘Misħut min joħroġ lil xi ħadd li ma jarax ’il barra minn triqtu.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 19  “‘Misħut min iċaħħad lir-resident barrani, lill-orfni,* jew lill-armla mid-drittijiet tagħha.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 20  “‘Misħut min ikollu x’jaqsam* maʼ mart missieru, għax ikun iddiżonora lil missieru.’* (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 21  “‘Misħut min ikollu x’jaqsam m’annimal.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 22  “‘Misħut min ikollu x’jaqsam m’oħtu, bint missieru jew bint ommu.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 23  “‘Misħut min ikollu x’jaqsam mal-kunjata tiegħu.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 24  “‘Misħut min jistaħba biex jattakka u joqtol lil xi ħadd.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 25  “‘Misħut min jaċċetta t-tixħim biex joqtol persuna innoċenti.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’) 26  “‘Misħut min ma jobdix din il-Liġi.’ (U l-poplu kollu jgħid, ‘Ammen!’)

Noti taʼ taħt

Jew “bajdu bil-ġir.”
Jew “tbajdu bil-ġir.”
Jew “statwa mill-metall imdewweb.”
Jew “minn idejn min jaħdem l-injam u l-metall.”
Jew “Hekk ikun!”
Letteralment “lit-tifel bla missier.”
Letteralment “jimtedd.”
Letteralment “kixef id-dublett taʼ missieru.”