Lill-Efesin 2:1-22

  • Alla tahom il-ħajja permezz tal-Kristu (1-10)

  • Jinqered il-ħajt li kien jisseparahom (11-22)

2  Iktar minn hekk, minħabba n-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħkom kontu bħallikieku mejtin, imma Alla takom il-ħajja.  Xi darba intom kontu tagħmlu bħan-nies tad-dinja* u kontu tobdu l-mexxej li għandu awtorità fuq l-arja, jiġifieri fuq l-ispirtu taʼ din id-dinja li qed jikkontrolla n-nies diżubbidjenti.  Iva, aħna xi darba konna ngħixu bħal dawk in-nies, billi konna naġixxu skont ix-xewqat ħżiena tagħna u l-ħsibijiet tagħna. Bħal kulħadd, mindu twelidna, kien ħaqqna li Alla jirrabja magħna.  Imma Alla jħenn ħafna, u peress li jħobbna ħafna  hu tana l-ħajja flimkien mal-Kristu, anki meta konna bħallikieku mejtin minħabba d-dnubiet tagħna. Intom ġejtu salvati minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla.  Iktar minn hekk, hu tana l-ħajja* u poġġiena bilqiegħda flimkien fis-sema bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù,  ħalli fid-dinja l-ġdida* li għandha tiġi, Alla juri l-qalb tajba kbira tiegħu meta jagħmel affarijiet tajbin għalina bħala dixxipli taʼ Kristu Ġesù.  Intom li għandkom il-fidi, ġejtu salvati permezz tal-qalb tajba kbira t’Alla. Dan ma sarx bis-saħħa tagħkom, imma hu rigal mingħand Alla.  Le, mhux minħabba dak li tagħmlu, ħalli ħadd ma jkollu għal xiex jiftaħar. 10  Aħna xogħol idejn Alla, u minħabba li aħna dixxipli taʼ Kristu Ġesù, ġejna maħluqin biex nagħmlu affarijiet tajbin li Alla kien iddeċieda għalina minn qabel. 11  Allura ftakru li intom m’intomx Lhud, u dawk li huma ċirkonċiżi mill-bniedem jirreferu għalikom bħala nies li m’intomx ċirkonċiżi. 12  F’dak iż-żmien, ma kontux tafu lil Kristu, ma kellkomx x’taqsmu man-nies* t’Iżrael, u ma kontux parti mill-pattijiet tal-wegħda. Intom kontu mingħajr tama u mingħajr Alla fid-dinja. 13  Imma issa intom dixxipli taʼ Kristu Ġesù. Intom li xi darba kontu ’l bogħod minn Alla, ersaqtu qrib tiegħu permezz tad-demm tal-Kristu. 14  Kristu ġabilna l-paċi. Hu l-wieħed li għaqqad iż-żewġ gruppi u li qered il-ħajt li kien jisseparahom. 15  Peress li offra lil ġismu bħala sagrifiċċju, hu neħħa l-liġi u l-kmandamenti li kien hemm fil-Liġi taʼ Mosè. Din kienet qed iġġib mibegħda bejn iż-żewġ gruppi. Imbagħad minn dawn iż-żewġ gruppi hu għamel grupp ġdid. Fil-fatt, peress li għamilhom fi grupp wieħed bħala d-dixxipli tiegħu, hu ġab il-paċi bejniethom. 16  Ukoll, permezz tal-mewt tiegħu fuq iz-zokk tat-tortura,* hu għamilhom ħbieb m’Alla biex jagħmel iż-żewġ gruppi poplu wieħed,* għax neħħa l-mibegħda permezz tiegħu stess. 17  Hu ġie u xandar l-aħbar tajba tal-paċi, kemm lil dawk li kienu ’l bogħod minn Alla u kemm lil dawk li huma qrib tiegħu, 18  għax permezz tiegħu, aħna, iż-żewġ gruppi, nistgħu nitolbu lill-Missier, għax ilkoll nirċievu l-istess spirtu qaddis. 19  Allura m’għadkomx stranġieri u barranin, imma għandkom l-istess ċittadinanza bħall-qaddisin l-oħra u intom parti mill-familja t’Alla. 20  Intom bħal ġebel li Alla bena fuq il-pedament tal-appostli u l-profeti,* waqt li Kristu Ġesù stess hu l-iktar ġebla importanti* tal-pedament. 21  Flimkien miegħu, il-bini kollu qed isir tempju qaddis għal Ġeħova,* b’kull parti tal-bini magħquda sew flimkien. 22  Flimkien miegħu, intom u oħrajn qed tinbnew biex issiru post fejn joqgħod Alla, għax hemm l-ispirtu tiegħu.

Noti taʼ taħt

Jew “skont is-sistema tal-affarijiet tad-dinja.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “qajjimna.”
Jew “fis-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “kontu mbegħdin min-nies.”
Letteralment “ġisem wieħed.”
Aktarx qed jirreferi għall-profeti Kristjani.
Din il-ġebla titpoġġa fil-kantuniera taʼ bini, fejn jiltaqgħu żewġ ħitan.