Lill-Efesin 3:1-21
3 Għal din ir-raġuni, jien, Pawlu, priġunier minħabba li jien taʼ Kristu Ġesù u minħabba li qed ngħin lilkom li intom nies taʼ popli oħra—*
2 Intom żgur smajtu li jien ingħatajt ir-responsabbiltà biex ngħinkom tibbenefikaw mill-qalb tajba kbira t’Alla.
3 Iva, Alla għenni nsir naf x’inhu s-sigriet qaddis bħalma diġà ktibtilkom qabel fil-qosor.
4 Għalhekk, meta taqraw dan, intom se taraw kemm naf dwar is-sigriet qaddis tal-Kristu.
5 Alla ma weriex dan is-sigriet lill-ġenerazzjonijiet taʼ qabel. Imma issa hu wrieh lill-appostli u l-profeti tiegħu permezz tal-ispirtu qaddis.
6 Is-sigriet hu li dawk minn popli oħra li huma dixxipli taʼ Kristu Ġesù se jieħdu l-istess wirt bħalu u jsiru parti mill-istess grupp. Huma se jirċievu l-istess affarijiet li Alla wiegħed lilna permezz tal-aħbar tajba.
7 Minħabba l-qalb tajba kbira t’Alla, jien sirt bħal qaddej taʼ dan is-sigriet qaddis. Hu tani dan ir-rigal b’xejn meta tani l-qawwa tiegħu.
8 Din il-qalb tajba kbira ntweriet miegħi, l-inqas importanti mill-qaddisin kollha, ħalli nxandar l-aħbar tajba dwar il-ħafna barkiet li ma tistax tgħoddhom u li jiġu permezz taʼ Kristu.
9 Ukoll, ħalli ngħin in-nies jaraw kif Alla, il-wieħed li ħalaq kollox, kixef is-sigriet qaddis tiegħu li kien ilu moħbi għal ħafna snin.
10 Dan ġara ħalli issa permezz tal-kongregazzjoni, il-gvernijiet u l-awtoritajiet* fis-sema jkunu jafu li l-għerf t’Alla jintwera b’ħafna modi differenti.
11 Dan hu skont l-iskop li jibqaʼ għal dejjem t’Alla u li għandu x’jaqsam mal-Kristu, Ġesù l-Mulej tagħna.
12 Fil-fatt, minħabba l-fidi tagħna fi Kristu, aħna għandna l-libertà tal-kelma u nistgħu nitolbu lil Alla bil-libertà għax nafdawh.
13 Għalhekk, nitlobkom biex ma taqtgħux qalbkom minħabba li qed inbati għalikom, għax dan hu taʼ benefiċċju għalikom.
14 Għal din ir-raġuni, jien ninżel għarkopptejja biex nitlob lil Missieri,
15 li permezz tiegħu teżisti* kull familja fis-sema u fuq l-art.
16 Jien nitlob li permezz tal-glorja kbira tiegħu jħallikom tiġu msaħħin* bil-qawwa tal-ispirtu tiegħu,
17 u nitlob li jkollkom lill-Kristu u l-imħabba bejnietkom fi qlubkom minħabba l-fidi tagħkom. Jalla jkollkom għeruq b’saħħithom u tkunu sodi fuq il-pedament,
18 ħalli flimkien mal-qaddisin kollha, tkunu tistgħu tifhmu għalkollox il-wisaʼ, it-tul, l-għoli, u l-fond tal-verità,
19 u tkunu tafu l-imħabba tal-Kristu li hi iktar importanti mill-għarfien. B’hekk, ikollkom il-kwalitajiet kollha li jagħti Alla.
20 Peress li Alla jagħtina l-qawwa tiegħu, hu jistaʼ jagħmel wisq iżjed minn dak kollu li nitolbu jew nimmaġinaw.
21 Hu ħaqqu jiġi gglorifikat permezz tal-kongregazzjoni u permezz taʼ Kristu Ġesù għal dejjem* taʼ dejjem. Ammen.
Noti taʼ taħt
^ Dan il-ħsieb jidher li jkompli fil-vers 14.
^ Milli jidher il-kliem “il-gvernijiet u l-awtoritajiet” jirreferi għall-anġli.
^ Jew “irċiviet isimha.”
^ Letteralment “tiġu msaħħin fil-persuna li intom minn ġewwa.”
^ Jew “għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem.”