Esdra 7:1-28
7 Wara dan, matul it-tmexxija tar-Re Artaserse tal-Persja, kien hemm raġel jismu Esdra.* Hu kien bin Seraja, bin Għażarija, bin Ħilkija,
2 bin Sallum, bin Sadok, bin Aħitub,
3 bin Amarija, bin Għażarija, bin Merajot,
4 bin Żeraħija, bin Użżi, bin Bukki,
5 bin Abisugħa, bin Fineħas, bin Elegħażar, bin Aron il-qassis il-kbir.
6 Esdra telaq minn Babilonja u mar Ġerusalemm. Hu kien jikkopja l-Iskrittura* u kien familjari sew mal-Liġi taʼ Mosè,* li kienet ngħatat minn Ġeħova l-Alla t’Iżrael. Ir-re tah kulma talab, għax Ġeħova l-Alla tiegħu kien miegħu.
7 Xi Iżraelin, qassisin, Leviti, kantanti, għassiesa tal-bibien, u qaddejja tat-tempju* telgħu Ġerusalemm fis-sebaʼ sena tar-Re Artaserse.
8 U Esdra wasal Ġerusalemm fil-ħames xahar tas-sebaʼ sena tar-re.
9 Fl-ewwel jum tal-ewwel xahar, hu beda l-vjaġġ minn Babilonja, u wasal Ġerusalemm fl-ewwel jum tal-ħames xahar, għaliex l-Alla tiegħu kien miegħu.
10 Esdra kien determinat b’qalbu kollha* li jistudja l-Liġi taʼ Ġeħova u jobdiha, u li jgħallem f’Iżrael ir-regoli u d-deċiżjonijiet ġudizzjali tagħha.
11 Ir-Re Artaserse ta ittra lil Esdra l-qassis li jikkopja l-Iskrittura u li kien espert fil-kmandamenti* u r-regoli li Ġeħova ta lil Iżrael. Din hi kopja tal-ittra:
12 * “Mingħand Artaserse r-re tar-rejiet, lil Esdra l-qassis li jikkopja l-Liġi tal-Alla tas-sema: Jalla jkollok il-paċi.
13 Jien tajt kmand biex dawk mis-saltna tiegħi li huma Iżraelin u li jridu jitilgħu miegħek Ġerusalemm jitilgħu, inkluż il-qassisin u l-Leviti tagħhom.
14 Għax jien u s-sebaʼ rġiel li jagħtuni l-pariri bgħatniek biex tiċċekkja jekk in-nies taʼ Ġuda u Ġerusalemm humiex qed jobdu l-Liġi tal-Alla tiegħek.
15 Ukoll, biex tieħu l-fidda u d-deheb li jien u dawk li jagħtuni l-pariri tajna b’mod volontarju lill-Alla t’Iżrael, li qiegħed Ġerusalemm.
16 Magħhom tieħu l-fidda u d-deheb kollha li tingħata fl-art* kollha taʼ Babilonja u r-rigali li l-poplu u l-qassisin jagħtu volontarjament għad-dar tal-Alla tagħhom f’Ġerusalemm.
17 B’dawn il-flus int għandek tixtri minnufih barrin, imtaten, u ħrief, flimkien mal-offerti taċ-ċereali* u tax-xorb li joffru magħhom. Imbagħad offrihom fuq l-artal tad-dar tal-Alla tagħkom.
18 “Bil-bqija tal-fidda u d-deheb, int u ħutek agħmlu dak li jidhrilkom li hu tajjeb skont dak li jrid l-Alla tagħkom.
19 U r-reċipjenti kollha li qed jingħatawlek għas-servizz tad-dar tal-Alla tiegħek, għandek tiħodhom quddiem Alla f’Ġerusalemm.
20 U jekk ikun hemm bżonn iktar affarijiet għad-dar tal-Alla tiegħek, ħudhom mill-post fejn jinżammu t-teżori tar-re.
21 “Jien, ir-Re Artaserse, tajt kmand lil dawk kollha li jieħdu ħsieb il-postijiet fejn jinżammu t-teżori fir-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara.* Dan il-kmand jgħid li għandkom tagħtu mill-ewwel kulma jitlobkom Esdra l-qassis li jikkopja l-Liġi tal-Alla tas-sema.
22 Tagħtuh sa 100 talent* fidda, 100 kor* qamħ, 100 bat* inbid, 100 bat żejt, u melħ bla limitu.
23 Kulma jikkmanda l-Alla tas-sema, ħa jsir biż-żelu għad-dar tiegħu, biex hu ma jirrabjax man-nies tagħna, miegħi, u mat-tfal tiegħi.
24 Għandkom tkunu tafu wkoll li ma tistgħu tiġbru ebda taxxa mingħand il-qassisin, il-Leviti, il-mużiċisti, l-għassiesa tal-bibien, il-qaddejja tat-tempju,* jew il-ħaddiema taʼ din id-dar t’Alla.
25 “U int, Esdra, billi tuża l-għerf li tak Alla, inkariga maġistrati u mħallfin sabiex jiġġudikaw lill-poplu kollu tar-reġjun tan-naħa l-oħra tax-Xmara, jiġifieri lil dawk kollha li jafu l-liġijiet tal-Alla tiegħek. U jekk hemm xi ħadd li għadu ma jafhomx, għandkom tgħallmuhomlu.
26 Kull min ma jobdix il-Liġi tal-Alla tiegħek u l-liġi tar-re, għandu jiġi ġġudikat mill-ewwel. Hu jistaʼ jinqatel, jitkeċċa mill-pajjiż, jingħata multa, jew jiġi mitfugħ il-ħabs.”
27 Jalla jkun imfaħħar Ġeħova l-Alla taʼ missirijietna, li ġiegħel lir-re jsebbaħ id-dar taʼ Ġeħova f’Ġerusalemm.
28 Lili wrieni mħabba u lealtà* billi ġiegħel lir-re, lil dawk li jagħtuh il-pariri, u lill-uffiċjali għoljin tiegħu juruni qalb tajba. Għalhekk, għamilt il-kuraġġ* għax Ġeħova l-Alla tiegħi kien miegħi. U jien ġbart minn fost il-poplu t’Iżrael xi kapijiet biex jitilgħu miegħi.
Noti taʼ taħt
^ Ifisser “Għajnuna.”
^ Jew “skriba.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “Hu kien tas-sengħa fʼli jikkopja l-Liġi taʼ Mosè.”
^ Jew “Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.
^ Letteralment “ipprepara qalbu.”
^ Jew “kien jikkopja l-kliem tal-kmandamenti.”
^ Esd 7:12 sa 7:26 oriġinarjament inkiteb bl-Aramajk.
^ Letteralment “li ssib fil-provinċja.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Dan jirreferi għat-territorju fil-Punent tal-Ewfrat.
^ Jew “in-Netinin.” Letteralment “dawk li ngħataw,” jiġifieri biex jaqdu lil Alla.
^ Jew “imħabba leali.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “issaħħaħt.”