Ester 4:1-17

  • Mordekaj jaqbduh dwejjaq kbar (1-5)

  • Mordekaj jitlob lil Ester biex tagħmel xi ħaġa (6-17)

4  Meta Mordekaj sar jaf b’kulma ġara, hu ċarrat ħwejġu, libes ħwejjeġ tal-ixkora, u tefaʼ l-irmied fuqu. Imbagħad ħareġ f’nofs il-belt u beda jibki b’leħen għoli minħabba d-dwejjaq kbar li kellu.  Hu wasal sal-bieb tal-palazz tar-re, għax ħadd ma setaʼ jidħol mill-bieb ’il ġewwa liebes ħwejjeġ tal-ixkora.  U f’kull provinċja* fejn waslet il-liġi tar-re, fost il-Lhud kien hemm dwejjaq kbar. Huma bdew isumu u jibku fuq li jibku. U ħafna bdew jimteddu fuq drapp tal-ixkora u l-irmied.  Meta l-qaddejja nisa tar-Reġina Ester u l-ewnuki* tagħha daħlu u qalulha x’ġara, hi kienet inkwetata ħafna. Hi mbagħad bagħtet xi ħwejjeġ lil Mordekaj biex jilbishom minflok il-ħwejjeġ tal-ixkora. Imma hu ma riedx.  Għal dan, Ester għajtet lil Ħatak, wieħed mill-ewnuki tar-re li kien inkarigat biex jaqdiha, u bagħtitu għand Mordekaj biex tkun taf x’inhu jiġri.  Għalhekk, Ħatak mar għand Mordekaj fil-pjazza tal-belt quddiem bieb il-palazz tar-re.  Mordekaj qallu kulma kien qed jiġri u dwar il-flus li Ħaman wiegħed li se jagħti biex jitqiegħdu fil-post fejn jinżammu t-teżori tar-re ħalli l-Lhud jiġu meqrudin.  Ukoll, hu tah kopja tal-liġi miktuba li kienet ħarġet f’Susan* biex huma jiġu meqrudin għalkollox. Hu kellu juriha lil Ester, jispjegahielha, u jgħidilha biex tmur għand ir-re u titolbu bil-ħniena biex iħenn għall-poplu tagħha.  Imbagħad Ħatak mar għand Ester u qalilha x’qal Mordekaj. 10  Ester qalet lil Ħatak biex jgħidlu hekk: 11  “Il-qaddejja kollha tar-re u n-nies fil-provinċji kollha tiegħu jafu li hemm liġi waħda li tapplika għal kull raġel u mara li jidħlu fil-bitħa taʼ ġewwa tar-re mingħajr ma jkun għajtilhom. Din tgħid li għandhom jinqatlu, u jibqgħu ħajjin biss jekk ir-re jagħmel sinjal bix-xettru tad-deheb tiegħu. U issa r-re ilu ma jgħajjatli biex immur ħdejh 30 ġurnata.” 12  Meta lil Mordekaj qalulu dak li qalet Ester, 13  hu wiġibha: “Toqgħodx taħseb li għax tgħix fil-palazz tar-re, għandek iktar ċans li teħlisha mil-Lhud l-oħrajn kollha. 14  Imma jekk f’dan iż-żmien int tibqaʼ ma tgħid xejn, l-għajnuna u l-ħelsien għal-Lhud se jiġu minn xi mkien ieħor. Imma int u l-qraba tiegħek tinqerdu. U min jaf jekk kienx għal żmien bħal dan li int ilħaqt reġina?” 15  Imbagħad Ester wieġbet lil Mordekaj: 16  “Iġbor lil-Lhud kollha li ssib f’Susan* u sumu għalija. Tiklux u tixorbux għal tlett ijiem u tlett iljieli. Jien u l-qaddejja nisa tiegħi wkoll se nsumu. Imbagħad immur għand ir-re, avolja kontra l-liġi, u jekk għandi mmut, immut.” 17  Għalhekk Mordekaj telaq u għamel kulma qaltlu Ester.

Noti taʼ taħt

Jew “distrett.”
Jew “f’Susa.”
Jew “f’Susa.”