Ittra lil Filemon 1:1-25

  • Introduzzjoni tal-ittra (1-3)

  • L-imħabba u l-fidi taʼ Filemon (4-7)

  • Pawlu jitlob pjaċir għal Oneżimu (8-22)

  • Tislijiet (23-25)

 Jien Pawlu, li qiegħed il-ħabs għax naqdi lil Kristu Ġesù, u ħuna Timotju qed nibagħtu din l-ittra lilek Filemon, ħaddiem magħna u għażiż għalina,  u lil oħtna Appja, lil Arkippu suldat taʼ Kristu flimkien magħna, u lill-kongregazzjoni li tiltaqaʼ d-dar tiegħek:  Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.  Jien dejjem nirringrazzja lil Alla meta nsemmik fit-talb tiegħi,  hekk kif inkompli nismaʼ dwar il-fidi tiegħek fil-Mulej Ġesù u dwar l-imħabba li għandek għalih u għall-qaddisin kollha.  Jien nitlob li l-fidi li għandek bħal tagħna twasslek biex tirrealizza li l-barkiet kollha li għandna ġejjin permezz taʼ Kristu.  Jien fraħt u ġejt inkuraġġit ħafna meta smajt bl-imħabba tiegħek, ħija, għax il-qaddisin ħassewhom inkuraġġiti minħabba fik.  Għalkemm għandi l-libertà kollha bħala appostlu taʼ Kristu li nikkmandak tagħmel dak li hu xieraq,  nippreferi li ninkuraġġik tagħmel dan minħabba l-imħabba li għandek, għax jien, Pawlu, xjaħt u qiegħed il-ħabs minħabba Kristu Ġesù. 10  Nitolbok pjaċir għat-tifel tiegħi Oneżimu, għax sirt bħal missier għalih waqt li jien qiegħed il-ħabs.* 11  Qabel ma kienx utli għalik, imma issa hu utli għalik u għalija. 12  Jien inħobbu ħafna u se nibagħtu lura għandek. 13  Nixtieq inżommu miegħi biex ikun jistaʼ jgħinni, bħalma tixtieq tgħinni int, waqt li jien qiegħed il-ħabs minħabba l-aħbar tajba. 14  Imma ma rrid nagħmel xejn jekk ma taqbilx miegħi, ħalli ma taċċettax għax tħossok obbligat, imma għax tixtieq tagħmel hekk mill-qalb. 15  Veru li telqek għal ftit,* imma dan forsi ġara biex ikun miegħek għal dejjem, 16  mhux biss bħala lsir kif kien qabel, imma iktar minn hekk, bħala ħu maħbub. Jien inħobbu ħafna, u int se tħobbu iktar bħala lsir u ħu Kristjan. 17  Għalhekk, jekk tqisni bħala ħabib, ilqgħu mill-qalb bħallikieku qed tilqaʼ lili. 18  Iktar minn hekk, jekk għamillek xi ħaġa ħażina jew għandu jagħtik, inħallsek jien. 19  Jien, Pawlu, qed nikteb din l-ittra u nwiegħdek li se nħallsek lura dak li għandu jagħtik. Imma tinsiex li int għandek id-dejn miegħi wkoll. 20  Iva ħija, peress li aħna qaddejja tal-Mulej, jalla tgħinni nħossni inkuraġġit bħala appostlu taʼ Kristu. 21  Qed niktiblek għax ċert li se tagħmel dak li tlabtek u naf li se tagħmel ħafna iktar minn hekk. 22  Apparti minn hekk, ippreparali fejn noqgħod, għax qed nittama li permezz tat-talb tagħkom niġi meħlus u nkun nistaʼ niġi ħdejkom. 23  Iselli għalik Epafra, li bħali qiegħed il-ħabs minħabba Kristu Ġesù. 24  Sellew għalik ukoll Marku, Aristarku, Dema, u Luqa, li jaħdmu miegħi. 25  Jalla l-Mulej Ġesù Kristu jurikom qalb tajba hekk kif turu attitudni tajba.

Noti taʼ taħt

Letteralment “marbut.”
Letteralment “għal siegħa.”