Lill-Filippin 1:1-30
1 Din l-ittra hi mingħandi Pawlu u mingħand Timotju, ilsiera taʼ Kristu Ġesù, lill-qaddisin kollha li hemm f’Filippi li huma taʼ Kristu Ġesù, inkluż l-anzjani* u l-qaddejja ministerjali:
2 Jalla Alla Missierna u l-Mulej Ġesù Kristu jurukom qalb tajba kbira u jgħinukom ikollkom il-paċi.
3 Jien dejjem nirringrazzja lill-Alla tiegħi meta niftakar fikom.
4 Kull darba li nitlob bil-ħniena* għalikom ilkoll, jien nagħmel dan bil-ferħ.
5 Dan hu minħabba x-xogħol li qed tagħmlu biex taqsmu* l-aħbar tajba minn mindu smajtu biha sal-lum.
6 Jien ċert li sa ma jasal il-jum taʼ Kristu Ġesù, Alla se jispiċċa x-xogħol tajjeb li beda fostkom.
7 Huwa biss xieraq li naħseb dwarkom b’dan il-mod, għax jien inħobbkom b’qalbi kollha. Intom qed tappoġġawni waqt li qiegħed il-ħabs, waqt li niddefendi l-aħbar tajba u naħdem iebes biex inġib id-dritt legali ħalli nkunu nistgħu nippritkawha. B’dan il-mod, kemm jien u kemm intom nibbenefikaw mill-qalb tajba kbira t’Alla.
8 Għax Alla jaf* kemm nixtieq li narakom kollha. Jien inħobbkom bħalma jħobbkom Kristu Ġesù.
9 U jien inkompli nitlob li l-imħabba tagħkom tibqaʼ tikber iktar u iktar flimkien mal-għarfien eżatt u l-fehma iktar sħiħa.
10 Jien nitlob li intom tagħżlu l-iktar affarijiet importanti, ħalli tkunu sinċieri u ma tfixklu lil ħadd sa ma jasal il-jum taʼ Kristu.
11 Ukoll, jien nitlob li tibbenefikaw bis-sħiħ mix-xogħol tajjeb* kollu li Ġesù Kristu qed jagħmel permezz tagħna. Dan iġib glorja u tifħir lil Alla.
12 Ħuti, nixtieqkom tkunu tafu li s-sitwazzjoni tiegħi fil-fatt għenet biex l-aħbar tajba tiġi ppritkata saħansitra iktar.
13 Il-fatt li qiegħed il-ħabs minħabba li jien dixxiplu taʼ Kristu saru jafu bih il-Gwardji tal-Palazz* kollha u ħafna oħrajn.
14 Il-biċċa l-kbira mill-aħwa li jaqdu lill-Mulej ġew imsaħħin minħabba li jien qiegħed il-ħabs, u qed juru saħansitra iktar kuraġġ biex jippritkaw il-kelma t’Alla bla biżaʼ.
15 Veru, xi wħud li jippritkaw dwar il-Kristu jagħmlu dan għax għajjurin u jħobbu jargumentaw, imma oħrajn qed jippritkaw b’mottivi tajbin.*
16 L-imħabba timmotivahom biex jippritkaw dwar il-Kristu, għax jafu li jien ġejt inkarigat biex niddefendi l-aħbar tajba.
17 Imma dawk li jippritkaw għax huma għajjurin u jħobbu jargumentaw* m’għandhomx mottivi tajbin, u jridu jaqilgħuli l-problemi waqt li qiegħed il-ħabs.
18 X’inhu r-riżultat? Hu x’inhu l-mottiv taʼ dawk li qed jippritkaw, in-nies xorta qed jisimgħu l-messaġġ dwar il-Kristu. Jien nifraħ b’dan u se nkompli nifraħ,
19 għax naf li dan se jwassal biex niġi salvat permezz tat-talb bil-ħniena tagħkom u bl-għajnuna tal-ispirtu qaddis li jagħti Ġesù Kristu.
20 Jien fiduċjuż u nittama li ma jkolli xejn minn xiex nistħi, imma li nibqaʼ nitkellem mingħajr biżaʼ ħalli Kristu jiġi onorat permezz tiegħi,* issa u bħalma dejjem kien, kemm jekk ngħix u kemm jekk immut.
21 Għax fil-każ tiegħi, jekk ngħix, ngħix għall-Kristu, u jekk immut, ikun saħansitra aħjar għalija.
22 Issa jekk nibqaʼ ngħix f’dan il-ġisem, inkun nistaʼ nagħmel iktar xogħol għall-Kristu. Minkejja dan, ma nafx x’nippreferi.
23 Jien qiegħed bejn ħaltejn għax nixtieq li ninħeles minn dan il-ġisem biex inkun maʼ Kristu, li żgur li hi l-aħjar ħaġa.
24 Madankollu, hu għall-benefiċċju tagħkom li jien nibqaʼ ħaj f’dan il-ġisem.
25 Għalhekk, peress li jien nemmen verament f’dan, naf li se nibqaʼ magħkom ilkoll ħalli tagħmlu progress u tkunu ferħanin minħabba l-fidi tagħkom.
26 Meta nerġaʼ nkun magħkom se tkunu iktar ferħanin minħabba li intom dixxipli taʼ Kristu Ġesù.
27 Għixu b’mod li jġib unur lill-aħbar tajba dwar il-Kristu. Imbagħad kemm jekk niġi narakom u kemm jekk le, inkun nistaʼ nismaʼ affarijiet tajbin dwarkom u nsir naf li qed iżżommu sod u qegħdin magħqudin* bi skop wieħed, hekk kif qed taħdmu flimkien spalla maʼ spalla biex jibqaʼ jkollkom il-fidi fl-aħbar tajba.
28 Qatt tibżgħu minn dawk taʼ kontrikom. Il-fatt li ma tibżgħux, għalihom hu prova li se jinqerdu, imma għalikom li se tiġu salvati. Dan kollu ġej minn Alla.
29 Għax intom ingħatajtu l-privileġġ mhux biss li temmnu fi Kristu, imma wkoll biex tbatu għalih.
30 Intom għaddejjin mill-istess diffikultajiet li rajtu lili niffaċċja u li issa qed tisimgħu li għadni niffaċċjahom.
Noti taʼ taħt
^ Jew “l-indokraturi.”
^ Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Talb bil-ħniena.”
^ Jew “minħabba li qed tieħdu sehem fl-aħbar.”
^ Letteralment “hu x-xhud tiegħi taʼ.”
^ Jew “mill-frott ġust.”
^ Letteralment “il-Gwardja Pretorjana.”
^ Jew “b’rieda tajba.”
^ Jew “jiġġieldu.”
^ Letteralment “taʼ ġismi.”
^ Letteralment “fi spirtu wieħed.”