Lill-Filippin 2:1-30
2 Agħmlu l-aħjar tagħkom biex tinkuraġġixxu lil xulxin permezz taʼ Kristu, tfarrġu lil xulxin bl-imħabba, turu interess f’xulxin, turu mħabba, u turu ħniena.
2 Jekk tagħmlu hekk se tagħmluni ferħan ħafna. Aqblu bejnietkom, ħobbu lil xulxin, u kunu magħqudin għalkollox* fil-ħsieb u fl-azzjoni.
3 Tagħmlu xejn bi ġlied jew bi kburija, imma kunu umli u kkunsidraw lill-oħrajn aħjar minnkom.*
4 Tfittxux dak li jaqbel lilkom biss, imma wkoll dak li jaqbel lil ħaddieħor.
5 Ħa jkollkom l-istess attitudni li kellu Kristu Ġesù,
6 li għalkemm kien jixbah lil Alla, lanqas biss għaddielu minn moħħu li jaħtaf dak li ma kellux dritt għalih, jiġifieri li jkun daqs Alla.
7 Anzi, hu ċeda kollox,* aċċetta li jsir jixbah lil ilsir, u sar bniedem.
8 Iktar minn hekk, meta ġie bħala bniedem, hu umilja lilu nnifsu u kien* ubbidjenti sal-mewt, iva, sal-mewt fuq zokk tat-tortura.*
9 Huwa għalhekk li Alla tah pożizzjoni ħafna iktar għolja minn dik li kellu qabel u tah awtorità* li hi iktar għolja minn taʼ ħaddieħor.
10 Alla għamel hekk biex kulħadd jonora isem* Ġesù, kemm dawk fis-sema, fl-art, u taħt l-art.*
11 Kulħadd* għandu jirrikonoxxi li Ġesù Kristu hu Mulej biex jiġi mfaħħar l-Alla l-Missier.
12 Bħalma intom dejjem urejtu li tobdu, mhux biss meta nkun magħkom, imma saħansitra iktar meta ma nkunx magħkom, komplu rrispettaw ħafna u ibżgħu minn Alla waqt li tagħmlu kull sforz biex tiġu salvati minnu.
13 Alla hu l-wieħed li jagħtikom l-enerġija ħalli tkunu tistgħu togħġbuh għalkollox. Hu jagħtikom kemm ix-xewqa* u kemm il-qawwa li tagħmlu dan.
14 Agħmlu kollox mingħajr ma tgergru jew targumentaw,
15 biex b’hekk tkunu tfal bla ħtija u innoċenti t’Alla. Billi tibqgħu bla difett, intom se tiddu bħal dawl qawwi għalkemm tgħixu f’ġenerazzjoni ħażina u mill-agħar.
16 Aqbdu qabda soda mal-kelma t’Alla li tagħti l-ħajja. Imbagħad jien ikolli għal xiex nifraħ meta jiġi l-Kristu, għax inkun naf li l-isforzi u x-xogħol iebes tiegħi ma kinux għalxejn.
17 Madankollu, anki jekk nippreżenta lili nnifsi bħala offerta tax-xorb li tiġi mferrgħa, jien għandi sehem fis-sagrifiċċju li qed tagħmlu u fis-servizz leali tagħkom lejn Alla.* Għalhekk jien ferħan u nifraħ magħkom ilkoll.
18 Inħeġġeġ lilkom ukoll biex tifirħu miegħi.
19 Jien qed nittama li l-Mulej Ġesù jħallini nibagħtilkom lil Timotju dalwaqt, ħalli b’hekk niġi inkuraġġit meta nirċievi aħbar dwarkom.
20 M’għandi lil ħadd bħalu* li se jieħu ħsiebkom b’mod ġenwin.
21 L-oħrajn kollha jimpurtahom biss minn dak li jaqbel lilhom, u mhux minn dak li jrid Ġesù Kristu.
22 Imma intom tafu li hu ta prova tiegħu nnifsu li mhux hekk, għax bħal tifel maʼ missieru, hu ħadem iebes* miegħi biex jaqsam l-aħbar tajba.
23 Għalhekk, jien qed nittama li nibgħat lilu malli nkun naf x’se jiġri minni.
24 Infatti, jien fiduċjuż li l-Mulej se jħalli anki lili niġi dalwaqt.
25 Imma għalissa hemm bżonn li nibagħtilkom lil ħija Epafroditu li jaħdem miegħi u li hu suldat taʼ Kristu. Hu qeda bħala messaġġier tagħkom u bħala qaddej li għenni.
26 Hu jixtieq ħafna jarakom u hu dipress minħabba li sirtu tafu li marad.
27 Infatti, tant kien marid li kważi miet. Imma Alla kellu ħniena minnu u minni wkoll, biex ma jkollix għal xiex ninkwieta fuq xi ħaġa oħra.
28 Se nibagħtu malajr kemm jistaʼ jkun, ħalli malli tarawh tkunu tistgħu tifirħu. Imbagħad jien ma nkomplix ninkwieta iktar dwarkom.
29 Ilqgħuh bil-ferħ bħalma normalment tilqgħu lil dawk li jaqdu lill-Mulej, u uru li nies bħalu huma għeżież għalikom.
30 Hu kważi miet waqt li kien qed jaqdi lill-Kristu* u rriskja ħajtu għalija, peress li intom ma stajtux tkunu hawn biex tgħinuni.
Noti taʼ taħt
^ Jew “magħqudin b’ruħ waħda.”
^ Jew “iktar importanti minnkom.”
^ Letteralment “xejjen lilu nnifsu.”
^ Letteralment “sar.”
^ Letteralment “isem.”
^ Letteralment “biex kull irkoppa tintlewa f’isem.”
^ Jiġifieri l-mejtin li se jiġu rxoxtati.
^ Letteralment “Kull ilsien.”
^ Jew “il-motivazzjoni.”
^ Jew “fis-servizz pubbliku tagħkom.”
^ Jew “bl-attitudni tiegħu.”
^ Letteralment “tjassar.”
^ Jew forsi “lill-Mulej.”