Lill-Filippin 4:1-23
4 Ħuti, jien inħobbkom u nixtieq narakom. Intom tferrħuni u qiskom kuruna għalija. Għeżież ħuti, inħeġġiġkom biex tibqgħu leali lejn il-Mulej.*
2 Inħeġġeġ lil Evodja u lil Sintike biex jirranġaw in-nuqqas taʼ qbil li hemm bejniethom bħala dixxipli tal-Mulej.*
3 Nitlob lilek ukoll, ħija u ħaddiem leali miegħi, biex tibqaʼ tgħin lil dawn in-nisa. Huma, Klement, u aħwa oħrajn ħadmu* spalla maʼ spalla miegħi biex naqsmu l-aħbar tajba. L-isem tagħhom hu mniżżel fil-ktieb tal-ħajja.
4 Dejjem ifirħu minħabba l-Mulej. Nerġaʼ ngħidilkom, Ifirħu!
5 Ħallu lil kulħadd jara kemm intom raġunevoli. Il-Mulej hu qrib.
6 Tkunu ansjużi dwar xejn. Minflok dejjem itolbu lil Alla. Itolbuh bil-ħniena* biex jiggwidakom f’kulma tagħmlu u rringrazzjawh dejjem.
7 Jekk tagħmlu hekk, Alla se jagħtikom il-paċi, u din se tipproteġi lil qalbkom u l-ħsibijiet tagħkom hekk kif timxu wara Kristu Ġesù. Din il-paċi hi xi ħaġa li l-bnedmin ma jistgħux jifhmuha.
8 Fl-aħħar ħuti, ibqgħu aħsbu* dwar affarijiet li huma veri, serji, ġusti, puri,* taʼ mħabba, onorabbli, tajbin, u taʼ min ifaħħarhom.
9 Agħmlu dak li tgħallimtu u aċċettajtu mingħandi u dak li smajtuni ngħid u rajtuni nagħmel, u l-Alla tal-paċi jkun magħkom.
10 Jien nifraħ ħafna u nirringrazzja lill-Mulej li intom erġajtu ħsibtu fija. Għalkemm dejjem ħsibtu fija, ma kellkomx l-opportunità li turu dan.
11 Mhux qed ngħid hekk għax jien fil-bżonn. Jien tgħallimt inkun kuntent f’kull sitwazzjoni.
12 Jien naf kif ngħaddi bi ftit, u naf ingawdi meta jkolli ħafna. Tgħallimt is-sigriet kif inkun kuntent b’kollox u f’kull ċirkustanza, kemm jekk ikolli ħafna x’niekol u kemm jekk inkun bil-ġuħ, kemm jekk ikolli ħafna u kemm jekk inkun fil-bżonn.
13 Jien għandi s-saħħa għal kollox, għax Alla jagħtini l-qawwa li jkolli bżonn.
14 Minkejja dan, għamiltu sew li għentuni fid-diffikultajiet* tiegħi.
15 Fil-fatt, aħwa f’Filippi, intom tafu li meta tlaqt mill-Maċedonja wara li sirtu tafu bl-aħbar tajba għall-ewwel darba, intom kontu l-unika kongregazzjoni li għenitni.
16 Waqt li kont f’Tessalonika, intom bgħattuli affarijiet li kelli bżonn, mhux darba imma darbtejn.
17 Mhux qed ngħid hekk biex naqlaʼ r-rigali, imma għax nixtieqkom tgawdu l-barkiet li jiġu meta tagħtu.
18 Madankollu, jien għandi kulma għandi bżonn u saħansitra iktar. Wara li Epafroditu tani dak li bgħattu intom, ma jonqosni xejn. Ir-rigal tagħkom hu bħal riħa tfuħ, sagrifiċċju pjaċevoli għal Alla.
19 Min-naħa tiegħu, l-Alla tiegħi li għandu ammont kbir t’affarijiet se jagħtikom kulma għandkom bżonn permezz taʼ Kristu Ġesù.
20 L-Alla u l-Missier tagħna għandu jingħata* glorja għal dejjem taʼ dejjem. Ammen.
21 Selluli għall-qaddisin kollha t’Alla li huma dixxipli taʼ Kristu Ġesù. L-aħwa li qegħdin miegħi jsellu għalikom.
22 Isellu għalikom il-qaddisin kollha, speċjalment dawk tad-dar taʼ Ċesari.
23 Jalla l-Mulej Ġesù Kristu jurikom qalb tajba kbira hekk kif ikollkom attitudni tajba.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “iżżommu sod fil-Mulej.”
^ Jew “biex ikunu tal-istess fehma fil-Mulej.”
^ Jew “tħabtu.”
^ Jew “Issupplikawh.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Talb bil-ħniena.”
^ Jew “immeditaw.”
^ Jew “safjin.”
^ Jew “fit-tbatija.”
^ Jew “jistħoqqlu.”