Isaija 17:1-14
17 Id-dikjarazzjoni kontra Damasku:+ “Ara! Damasku m’għadhiex belt, u saret munzell, rovina li qed titmermer.+
2 Il-bliet abbandunati t’Għarogħer+ saru biss postijiet għall-imrieħel, fejn dawn jimteddu u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.+
3 U għabet il-belt fortifikata minn Efrajm,+ u s-saltna minn Damasku;+ u dawk li jifdal mis-Sirja se jsiru bħall-glorja taʼ wlied Israel,” hija l-kelma taʼ Ġeħova taʼ l-armati.+
4 “U jrid iseħħ f’dak il-jum li l-glorja taʼ Ġakobb se tonqos,+ u l-ħxuna taʼ laħmu se tinżel.+
5 U meta l-ħassâd ikun qed jiġbor iż-żaraʼ wieqaf u driegħu jaħsad is-sbul,+ se jkun bħal wieħed li jlaqqat is-sbul fil-pjanura l-baxxa taʼ Refajm.+
6 U jibqaʼ fih tilqit bħal meta titfarfar is-siġra taż-żebbuġ; żewġ żebbuġiet misjurin jew tlieta fin-naħa taʼ fuq tal-fergħa; erbgħa jew ħamsa fuq il-friegħi tagħha li jagħmlu l-frott,” hija l-kelma taʼ Ġeħova l-Alla taʼ Israel.+
7 Dakinhar il-bniedem se jħares lejn Dak li għamlu, u għajnejh se jħarsu fiss lejn il-Qaddis taʼ Israel.+
8 U ma jħarisx lejn l-artali,+ xogħol idejh;+ u ma jħarisx fiss lejn dak li għamlu subgħajh, lanqas lejn l-arbli sagri jew l-artali taʼ l-inċens.+
9 Dakinhar il-bliet fortifikati tiegħu jsiru bħal post mitluq għalkollox fil-bosk, iva, il-fergħa li telqu għalkollox minħabba wlied Israel; u jrid isir art abbandunata.+
10 Għax int insejt+ l-Alla tas-salvazzjoni tiegħek;+ u ma ftakartx fil-Blata+ tal-fortizza tiegħek. Huwa għalhekk li int tħawwel ħafna xitel sabiħ, u tħawwel ir-rimja taʼ stranġier f’nofshom.
11 Bi nhar tistaʼ ddawwar bir-reqqa il-post imħawwel tiegħek b’ċint, u fil-għodu tara li ż-żerriegħa tiegħek tinbet, imma mhux se jkun hemm ħsad f’jum il-mard u l-uġigħ bla fejqan.+
12 Ara! L-għagħa taʼ ħafna popli, li qed jitqallbu bħalma jitqalleb il-baħar! U l-istorbju tal-ġnus, li qed idamdmu bħall-ħoss taʼ ilmijiet setgħanin!+
13 Il-ġnus+ se jdamdmu bħall-ħoss taʼ ħafna ilmijiet. U Hu se jċanfarhom,+ u jaħarbu ’l bogħod u jiġu mtajrin bħall-karfa tal-muntanji fir-riħ u bħal ħaxix niexef maqbud fi tromba tar-riħ taʼ tempesta.+
14 Fil-għaxija, ara, ikun hemm twerwir għal għarrieda. Qabel ma jsir fil-għodu—ma jkunux iktar.+ Dan hu sehem dawk li jħarbtuna, u dak li jmiss lil dawk li jaħtfuna bħala priża.+