Isaija 19:1-25
19 Id-dikjarazzjoni kontra l-Eġittu:+ Ara! Ġeħova riekeb fuq sħaba li miexja bil-ħeffa+ u ġejja l-Eġittu. U l-allat bla siwi taʼ l-Eġittu se jirtogħdu minħabba fih,+ u f’nofsu se ddub qalb l-Eġizzjani.+
2 “Se nsuq lill-Eġizzjani bin-niggieża kontra l-Eġizzjani stess, u kull wieħed minnhom se jiggwerra kontra ħuh, u kull wieħed kontra sieħbu, belt kontra belt, saltna kontra saltna.+
3 U f’nofsu se jkollhom spirtu mifxul dawk li jgħammru fl-Eġittu,+ u jien se nħawwad il-pjanijiet tagħhom.+ U huma żgur imorru għand l-allat bla siwi+ u għand is-sħaħar u għand il-medji taʼ l-ispirti u għand dawk li xogħolhom hu li jbassru l-ġrajjiet.+
4 U jien se nagħti l-Eġittu f’idejn sid iebes, u s-sultan li jaħkem fuqhom ikun b’saħħtu,”+ hija l-kelma tal-Mulej il-veru, Ġeħova taʼ l-armati.
5 U l-ilma se jinxef mill-baħar, u x-xmara tixxotta u titqaxqax.+
6 U x-xmajjar jintnu; il-kanali tan-Nil taʼ l-Eġittu se jitbaxxew u jixxottaw.+ Il-qasab+ u l-ħaxix* jitmermru.
7 Se jinxfu l-mergħat ħdejn ix-Xmara Nil, mal-bokka tax-Xmara Nil, u kull art miżrugħa tax-Xmara Nil.+ Se jittajru mar-riħ u jgħibu.
8 U s-sajjieda żgur jitnikktu, u dawk kollha li jitfgħu s-snanar fix-Xmara Nil żgur ikunu mdejqin, u dawk li jifirxu x-xbieki tas-sajd fuq wiċċ l-ilma se jiddgħajfu.+
9 U dawk li jaħdmu fil-kittien mimxut+ se jistħu; kif ukoll dawk li jinsġu drappijiet bojod bin-newl.
10 U n-nissieġa tiegħu+ se jħossuhom imfarrkin, se jitnikket kull ħaddiem li jieħu l-paga.
11 Il-prinċpijiet taʼ Sogħan+ huma tassew boloh. U m’humiex raġunevoli l-pariri taʼ l-għorrief li hemm fost dawk li jagħtu l-pariri lill-Fargħun.+ Kif tistgħu tgħidu lill-Fargħun: “Jien bin l-għorrief, bin is-slaten tal-qedem”?
12 Fejn huma, mela, l-għorrief tiegħek,+ sabiex issa jkunu jistgħu jgħidulek u sabiex ikunu jafu dak li Ġeħova taʼ l-armati ddeċieda li jagħmel dwar l-Eġittu?+
13 Il-prinċpijiet taʼ Sogħan aġixxew bil-bluha,+ il-prinċpijiet taʼ Nof*+ ġew imqarrqin, l-irġiel ewlenin+ tat-tribujiet tiegħu ġiegħlu l-Eġittu jiġġerra.
14 Ġeħova ferraʼ f’nofsu l-ispirtu taʼ taħwid;+ u huma ġiegħlu l-Eġittu jixxengel ’l hemm u ’l hawn f’kulma jagħmel, bħalma xi ħadd fis-sakra jixxengel ’l hemm u ’l hawn waqt li jgħaffeġ fil-vomtu tiegħu stess.+
15 U l-Eġittu mhux se jkollu xogħol li jkunu jistgħu jagħmluh ir-ras jew id-denb, ir-rimja jew is-simara.+
16 Dakinhar l-Eġittu jsir bħan-nisa, u se jitriegħed+ u jitkexkex minħabba t-tixjir taʼ l-id li Ġeħova taʼ l-armati qed ixejjer kontrih.+
17 U l-art taʼ Ġuda ssir għall-Eġittu raġuni biex jistordi bil-biżaʼ.+ Dawk kollha li jisimgħu biha jibżgħu minħabba dak li Ġeħova taʼ l-armati qed jiddeċiedi kontrih.+
18 Dakinhar se jkun hemm ħamest ibliet fl-art taʼ l-Eġittu+ li jitkellmu l-lingwa taʼ Kangħan+ u jaħilfu+ lil Ġeħova taʼ l-armati. Belt waħda jkun jisimha Belt it-Tiġrif.
19 Dakinhar se jkun hemm artal għal Ġeħova f’nofs l-art taʼ l-Eġittu,+ u kolonna għal Ġeħova ħdejn il-fruntiera tiegħu.
20 U dan ikun bħala sinjal u bħala xiehda dwar Ġeħova taʼ l-armati fl-art taʼ l-Eġittu;+ għax huma jgħajtu lil Ġeħova minħabba dawk li jaħqruhom,+ u hu jibagħtilhom salvatur, iva, wieħed grandjuż, li se jeħlishom.+
21 U Ġeħova se jsir magħruf fost l-Eġizzjani;+ u dakinhar l-Eġizzjani se jkunu jafu lil Ġeħova, u se joffru sagrifiċċju u għotja+ u jagħmlu wegħda lil Ġeħova u jrodduha.+
22 U Ġeħova se jidrob l-Eġittu.+ Se jkun hemm drib u fejqan;+ u huma jerġgħu lura lejn Ġeħova,+ u hu jħallihom jitolbuh bil-ħrara u jfejjaqhom.+
23 Dakinhar se jkun hemm triq ewlenija+ mill-Eġittu għall-Assirja, u l-Assirja tiġi l-Eġittu u l-Eġittu jmur l-Assirja; u se jagħtu servizz sagru, l-Eġittu maʼ l-Assirja.
24 Dakinhar Israel ikun it-tielet maʼ l-Eġittu u maʼ l-Assirja,+ jiġifieri, barka f’nofs l-art,+
25 għax Ġeħova taʼ l-armati se jkun bierku+ u qal: “Ikun imbierek il-poplu tiegħi, l-Eġittu, u xogħol idejja, l-Assirja,+ u l-wirt tiegħi, Israel.”+
Noti taʼ taħt
^ Letteralment, “is-simar.”
^ Nof huwa l-isem li jintuża s-soltu fl-Iskrittura Ebrajka għal Memfi.