Isaija 21:1-17
21 Id-dikjarazzjoni kontra x-xagħri tal-baħar:*+ Riesaq gwaj bħall-irjieħ+ taʼ tempesta min-nofsinhar, mix-xagħri ġej, minn pajjiż li jqanqal il-biżaʼ.+
2 Intwerejt viżjoni iebsa:+ It-traditur qed jaġixxi bi tradiment, u dak li jħarbat qed iħarbat.+ Itlaʼ, O Għelam! Assedja, O Medja!+ It-tnehid kollu minħabba fiha jien waqqaftu.+
3 Huwa għalhekk li ġenbejja qed juġgħuni ħafna.+ Qabdu jagħtuni l-weġgħat, bħall-weġgħat taʼ mara li qed tiled.+ Tant inħossni konfuż li m’iniex nismaʼ; tant tħawwadt li m’iniex nara.
4 Qalbi qed tgħaġġel; it-tkexkix werwirni. L-għabex li tant kien jogħġobni sar tal-biżaʼ għalija.+
5 Ħa tinfirex il-mejda, jitħejja l-post għas-siġġijiet, u jkun hemm min jiekol u jixrob!+ Qumu, prinċpijiet,+ idilku t-tarka.+
6 Għax hekk qalli Ġeħova:
“Mur, qiegħed għassies ħalli jgħid eżatt dak li jara.”+
7 U ra karru tal-gwerra b’par żwiemel tal-ġiri, karru tal-gwerra bil-ħmir, karru tal-gwerra bl-iġmla. U qagħad attent ħafna, b’attenzjoni kbira.
8 U beda jgħajjat bħal iljun:+ “Fuq it-torri taʼ l-għassa, O Ġeħova, jien noqgħod wieqaf il-ħin kollu bi nhar, u fil-post tal-gwardja tiegħi jien noqgħod tul l-iljieli kollha.+
9 U ara, issa, ġej karru tal-gwerra bl-irġiel u b’par żwiemel tal-ġiri!”+
U hu beda jitkellem u jgħid: “Waqgħet! Waqgħet Babilonja,+ u x-xbihat minquxin kollha t’allatha hu kissirhom maʼ l-art!”+
10 O midrusin tiegħi u bin il-qiegħa tad-dris tiegħi,+ dak li smajt mingħand Ġeħova taʼ l-armati, l-Alla taʼ Israel, jien ħabbarthulkom.
11 Id-dikjarazzjoni kontra Duma:* Hemm wieħed isejjaħli mis-Segħir:+ “Għassies, fiex inhu l-lejl? Għassies, fiex inhu l-lejl?”+
12 L-għassies qal: “Fil-għodu jrid jiġi, u l-lejl ukoll. Jekk intom tridu tistaqsu, staqsu. Erġgħu ejjew!”
13 Id-dikjarazzjoni kontra l-pjanura tad-deżert: Fil-foresta li hemm fil-pjanura tad-deżert se tqattgħu l-lejl, O karavani tan-nies taʼ Dedan.+
14 Ġibu l-ilma biex tiltaqgħu maʼ l-għatxan. O abitanti tal-pajjiż taʼ Tema,+ iltaqgħu maʼ dak li ħarab u ħudulu l-ħobż.
15 Għax minħabba s-sjuf ħarbu huma, minħabba s-sejf mislut, u minħabba l-qaws milwi u minħabba t-toqol tal-gwerra.
16 Għax hekk qalli Ġeħova: “Fi żmien sena, bħas-snin taʼ ħaddiem mikri,+ il-glorja kollha taʼ Kedar+ trid tintemm.
17 U fdal żgħir se jibqaʼ mill-għadd taʼ l-arċieri, l-irġiel setgħanin taʼ wlied Kedar,+ għax Ġeħova, l-Alla taʼ Israel, qal dan.”+
Noti taʼ taħt
^ Ix-“xagħri tal-baħar” milli jidher jirreferi għall-parti t’isfel taʼ Babilonja tal-qedem, fejn ix-xmajjar Ewfrat u Tigri kull sena kienu jfuru għal fuq ix-xtut tagħhom.
^ L-isem profetiku għal Edom.