Isaija 47:1-15
47 Inżel u poġġi bil-qiegħda fit-trab,+ O verġni, bint Babilonja.+ Poġġi maʼ l-art fejn m’hemmx tron,+ O bint il-Kaldin.+ Għax m’intix se terġaʼ tesperjenza li n-nies isejħulek delikata u mfissda.+
2 Ħu mitħna taʼ l-idejn+ u itħan id-dqiq. Neħħi l-velu tiegħek.+ Inżaʼ d-dublett wiesaʼ tiegħek.+ Ikxef riġlek.+ Aqsam ix-xmajjar.
3 Trid tikxef l-għera tiegħek.+ U l-għajb tiegħek irid jidher.+ Se nagħmel vendetta,+ u ma nuri ħniena maʼ ħadd.
4 “Hemm Dak li jixtrina lura.+ Ġeħova taʼ l-armati jismu,+ il-Qaddis taʼ Israel.”+
5 Poġġi bil-qiegħda kwieta+ u mur fid-dlam,+ O bint il-Kaldin;+ għax m’intix se terġaʼ tesperjenza li n-nies isejħulek is-Sinjura+ tas-Saltniet.+
6 Jien għadabt għall-poplu tiegħi.+ Kasbart il-wirt tiegħi,+ u tajthom f’idejk.+ Int ma wrejthom ebda ħniena.+ Il-madmad tiegħek fuq ix-xiħ għamiltu tqil ferm.+
7 U għedt: “Se nkun is-Sinjura għal żmien indefinit,+ għal dejjem.” Ma daħħalthomx f’qalbek dawn l-affarijiet; ma ftakartx fit-tmiem tal-kwistjoni.+
8 U issa ismaʼ dan, ja mara mogħtija għall-pjaċiri, dik li tpoġġi bil-qiegħda fis-sigurtà,+ dik li tgħid f’qalbha: “Jien il-waħda, u m’hemm ħadd ieħor.+ M’iniex se npoġġi bħala armla, u m’iniex se nkun naf x’jiġifieri li titlef l-ulied.”+
9 Imma dawn iż-żewġ affarijiet jiġu fuqek f’daqqa, f’jum wieħed:+ titlef lil uliedek u ssir armla. Iridu jiġu fuqek bis-sħiħ,+ minħabba l-kotra taʼ sħarijietek, is-setgħa kbira taʼ kull magħmul li tagħmel bla rażan.+
10 U bqajt tafda fil-ħażen tiegħek.+ Għedt: “Ħadd m’hu jarani.”+ L-għerf u l-għarfien tiegħek+—dan żvijak; u tibqaʼ tgħid f’qalbek: “Jien biss u m’hemm ħadd ħliefi.”
11 U l-gwaj irid jiġi fuqek; ma se tkun taf l-ebda seħer kontrih. U l-għawġ se jaqaʼ fuqek;+ u ma tkunx tistaʼ tbiegħdu. U f’daqqa waħda+ tiġi fuqek rovina li m’intix midħla tagħha.
12 Ieqaf fejn int, issa, bil-magħmul u s-sħarijiet kotrana tiegħek,+ li ilek titħabat fihom minn żgħożitek; sabiex forsi tkun tistaʼ tibbenefika, sabiex forsi tkun tistaʼ tbeżżaʼ lin-nies.
13 Int għejejt daqskemm għandek min jagħtik pariri. Ħa jqumu, issa, u jsalvawk, dawk li jqimu s-smewwiet, dawk li jħarsu lejn il-kwiekeb,+ dawk li mill-qmura ġodda jagħtu l-għarfien dwar x’se jiġrilek.
14 Ara! Saru bħat-tiben.*+ Se jaħraqhom in-nar.+ Mhux se jeħilsu ruħhom+ mill-qawwa tal-fjamma.+ Ma se jkun hemm ebda ġamar jixgħel biex bih jisħnu n-nies, l-ebda dawl taʼ ħuġġieġa biex wieħed joqgħod bil-qiegħda quddiemu.
15 Hekk se jsiru għalik, dawk li tħabatt magħhom bħala s-sħaħar tiegħek+ minn żgħożitek. Se jiġġerrew ’l hemm u ’l hawn, kull wieħed lejn ir-reġjun tiegħu. Ma se jkun hemm ħadd biex isalvak.+