Isaija 49:1-26
49 Isimgħuni, O gżejjer,+ u oqogħdu attenti, ġnus ’il bogħod.+ Ġeħova nnifsu sejjaħli+ meta kont fiż-żaqq.+ Mill-ġewwieni t’ommi semma ismi.+
2 U għamilli fommi bħal sejf jaqtaʼ.+ Fid-dell+ taʼ idu ħbieni.+ U bil-mod il-mod għamilni vleġġa misnuna. Żammni mistur fil-barżakka tal-vleġeġ tiegħu.
3 U qalli: “Int il-qaddej tiegħi, O Israel,+ int dak li bih nuri sbuħiti.”+
4 Imma jien għedt: “Għalxejn tħabatt.+ Il-qawwa tiegħi użajtha għal xi ħaġa mhix reali u għall-frugħa.+ Tassew, il-ġudizzju tiegħi hu f’idejn Ġeħova,+ u l-ħlas tiegħi f’idejn Alla tiegħi.”+
5 U issa Ġeħova, Dak li fformani fiż-żaqq bħala qaddej tiegħu,+ qalli biex inġiblu lura lil Ġakobb,+ sabiex Israel jinġabar għandu.+ U jien inkun glorifikat f’għajnejn Ġeħova, u Alla tiegħi jkun sar is-saħħa tiegħi.
6 U qal: “Ma kinitx ħaġa żgħira wisq għalik li tkun il-qaddej tiegħi biex tqajjem it-tribujiet taʼ Ġakobb u ġġib lura l-imħarsin taʼ Israel;+ jien għamiltek ukoll bħala dawl tal-ġnus,+ sabiex is-salvazzjoni tiegħi tkun tistaʼ tasal sa tarf l-art.”+
7 Hekk qal Ġeħova, Dak li xtara lura lil Israel,+ il-Qaddis tiegħu, lil dak li hu mistmerr għalkollox,+ lil dak mistkerrah mill-ġens,+ lill-qaddej tal-ħakkiema:+ “Is-slaten infushom se jaraw u jqumu,+ u l-prinċpijiet ukoll, u se jmilu, minħabba Ġeħova, li juri fedeltà,+ il-Qaddis taʼ Israel, li jagħżel lilek.”+
8 Hekk qal Ġeħova: “Fi żmien t’approvazzjoni jien wiġibtek,+ u f’jum taʼ salvazzjoni għentek;+ u bqajt inħarsek sabiex inkun nistaʼ nagħtik bħala patt għan-nies,+ biex l-art terġaʼ tiġi għal li kienet,+ biex kwalunkwe wirt abbandunat jerġaʼ jsir taʼ min kien,+
9 biex ngħid lill-priġunieri,+ ‘Oħorġu!’+ lil dawk li huma fid-dlam,+ ‘Uru ruħkom!’+ Ħdejn it-toroq se jirgħu, u l-mergħa tagħhom se tkun f’kull passaġġ.+
10 Ma jiħodhomx il-ġuħ,+ u lanqas jaqbadhom l-għatx,+ ma jintlaqtux mis-sħana tikwi jew mix-xemx.+ Għax Dak li jitħassarhom se jmexxihom,+ u jiħodhom ħdejn in-nixxigħat taʼ l-ilma.+
11 U l-muntanji tiegħi kollha nagħmilhom triq, u t-toroq ewlenin tiegħi se jkunu f’post fl-għoli.+
12 Ara! Dawn saħansitra jiġu mill-bogħod,+ u, ara, dawn mit-tramuntana+ u mill-punent,+ u dawn mill-art taʼ Sinim.”
13 Għajtu għajta ferriħija, smewwiet,+ u ifraħ, art.+ Ħa jithennew il-muntanji b’għajat ferrieħi.+ Għax Ġeħova farraġ lill-poplu tiegħu,+ u qed juri li jitħassar lin-nies tiegħu li qed isofru.+
14 Imma Sijon baqgħet tgħid: “Ġeħova telaqni,+ u Ġeħova nsieni.”+
15 Tistaʼ mara tinsa lit-tarbija tagħha tal-ħalib biex ma titħassarx lil bin żaqqha?+ Anki dawn in-nisa jistgħu jinsew,+ iżda jien ma ninsiekx.+
16 Ara! Fuq il-pali taʼ idejja naqqaxtek.+ Il-ħitan tiegħek huma quddiemi l-ħin kollu.+
17 Uliedek għaġġlu. Dawk li ġarrfuk u ħarbtuk se jitilqu minnek.
18 Erfaʼ għajnejk madwarek u ħares. Ilkoll ġew miġburin flimkien.+ Ġew għandek. “Daqskemm jien ħaj,” hija l-kelma taʼ Ġeħova,+ “int se tilbishom kollha bħallikieku ornamenti, u se torbothom miegħek qisek għarusa.+
19 Għalkemm il-postijiet tiegħek imħarbtin u l-postijiet tiegħek abbandunati u l-art tiegħek rovinata,+ għalkemm issa marsusa wisq biex l-abitanti jgħammru fik, u dawk li belgħuk huma ’l bogħod,+
20 madankollu se tismaʼ lill-ulied li tkun ksibt wara li tlift lill-oħrajn+ jgħidulek, ‘Il-post sar wisq marsus għalija.+ Agħmilli l-wisaʼ, sabiex inkun nistaʼ ngħammar.’+
21 U int ċertament li tgħid f’qalbek, ‘Min kien il-missier li nissilli lil dawn, ladarba jien mara li tilfet lil uliedha u ma jistax ikollha tfal, li ttieħdet fl-eżilju bħala priġuniera?+ U lil dawn min rabbiehom?+ Ara! Jien kont bqajt waħdi.+ Dawn—fejn kienu?’”+
22 Hekk qal il-Mulej Sovran Ġeħova: “Ara! Se nerfaʼ idi lejn il-ġnus,+ u ngħolli s-sinjal tiegħi lejn il-popli.+ U huma jġibu lil uliedek subien fi ħdanhom, u jġorru lil uliedek bniet fuq spallithom.+
23 U s-slaten ikunu dawk li jieħdu ħsiebek,+ u l-prinċipessi tagħhom ikunu għalik dawk li jreddgħu. Se jmilu quddiemek b’wiċċhom maʼ l-art,+ u se jilagħqu t-trab taʼ saqajk;+ u int se jkollok tkun taf li jien Ġeħova, li min jittama fija ma jkollux għalfejn jistħi.”+
24 Jistgħu l-maqbudin jittieħdu mingħand raġel setgħan,+ jew jistgħu l-imjassrin taħt id it-tirann jaħarbu?+
25 Imma hekk qal Ġeħova: “Saħansitra l-imjassrin tar-raġel setgħan se jittieħdu,+ u dawk li diġà nqabdu mit-tirann innifsu se jaħarbu.+ U jien niġġieled maʼ min jiġġieled miegħek,+ u nsalvalek lil uliedek.+
26 U lil dawk li jittrattawk ħażin inġegħelhom jieklu laħamhom stess; u se jiskru b’demmhom bħallikieku bi nbid ħelu. U l-bnedmin kollha se jkollhom ikunu jafu li jien, Ġeħova,+ jien is-Salvatur tiegħek+ u Dak li xtrak lura,+ l-Alla l-Qawwi taʼ Ġakobb.”+