Lill-Kolossin 3:1-25
3 Imma jekk Alla takom il-ħajja* mal-Kristu, ibqgħu fittxu dak li hemm fis-sema, fejn il-Kristu qiegħed bilqiegħda fuq il-lemin t’Alla.
2 Ibqgħu ffokati fuq dak li hemm fis-sema, u mhux fuq dak tal-art.
3 Għax intom mittu, u ħajjitkom inħbiet mal-Kristu għax dan jaqbel maʼ dak li jrid Alla.
4 Meta l-Kristu, li jagħti l-ħajja,* juri l-qawwa tiegħu,* imbagħad intom ukoll se tidhru li għandkom sehem mill-qawwa tiegħu.
5 Għalhekk, neħħu kull xewqa ħażina* li tistaʼ twassal għall-immoralità sesswali,* nuqqas taʼ ndafa, xewqa sesswali bla kontroll, xewqa ħażina, u regħba, li hi tip t’idolatrija.*
6 Alla se jkun irrabjat maʼ dawk li jagħmlu dawn l-affarijiet.
7 Intom hekk kontu tagħmlu qabel.
8 Għandkom twarrbu wkoll il-korla, ir-rabja, il-ħażen, it-tgħajjir, u l-kliem oxxen.
9 Tigdbux lil xulxin. Inżgħu l-personalità l-qadima flimkien mad-drawwiet tagħha,
10 u ilbsu l-personalità l-ġdida, li permezz tal-għarfien eżatt qed tiġġedded skont ix-xbieha taʼ Dak li ħalaqha.
11 Min jilbes il-personalità l-ġdida ma tagħmillux differenza jekk dak li jkun ikunx Grieg* jew Lhudi, ċirkonċiż jew le, barrani jew Skita,* ilsir jew ħieles. Għal Kristu huma l-istess u hu ħaġa waħda magħhom.
12 Minħabba li intom il-magħżulin t’Alla u intom il-qaddisin u l-maħbubin tiegħu, uru* ħniena tenera, qalb tajba, umiltà, ħlewwa, u paċenzja.
13 Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb, anki jekk xi ħadd ikollu għal xiex igerger kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova* ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll.
14 Imma minbarra dawn l-affarijiet kollha, uru l-imħabba, għax l-imħabba tgħaqqad lin-nies kollha flimkien.
15 Ukoll, ħallu l-paċi tal-Kristu tmexxi fi qlubkom,* għax Alla għażilkom biex tkunu ġisem wieħed u fil-paċi. U uru li tapprezzaw.
16 Ħallu t-tagħlim tal-Kristu jaħdem fikom għalkollox u jagħmilkom għorrief. Komplu għallmu u inkuraġġixxu* lil xulxin billi tkantaw is-salmi, tfaħħru lil Alla, tkantaw għanjiet spiritwali b’mod li turu li tapprezzaw, u tkantaw lil Ġeħova* fi qlubkom.
17 Kulma tgħidu jew tagħmlu, agħmluh f’isem il-Mulej Ġesù, u rringrazzjaw lill-Alla l-Missier permezz tiegħu.
18 Nisa, kunu sottomessi lejn ir-raġel tagħkom bħalma d-dixxipli tal-Mulej għandhom ikunu.
19 Irġiel, ibqgħu ħobbu lill-mara tagħkom u tirrabjawx* magħha.
20 Tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax il-Mulej jieħu gost b’dan.
21 Missirijiet, iddejqux lit-tfal tagħkom, biex ma jaqtgħux qalbhom.
22 Ilsiera, obdu mill-qalb lis-sidien tagħkom* f’kollox, mhux biss meta jkunu qed jarawkom biex tingħoġbu,* imma b’rispett kbir lejn* Ġeħova.*
23 Kulma tagħmlu, agħmluh b’ruħkom* kollha bħallikieku għal Ġeħova,* u mhux għall-bnedmin.
24 Agħmlu dan għax tafu li mingħand Ġeħova* se tirċievu l-wirt bħala rigal. Kunu lsiera tas-Sid, li hu Kristu.
25 Min jagħmel il-ħażen żgur se jiġi kkastigat għal dak li jkun għamel, għax Alla ma jurix preferenzi.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “ġejtu mqajmin.”
^ Letteralment “il-ħajja tagħna.”
^ Jew “jidher.”
^ Letteralment “mewtu l-membri taʼ ġisimkom li qegħdin fuq l-art.”
^ Bil-Grieg pornea. Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jiġifieri tqimu lill-idoli.
^ Milli jidher din tirreferi għal nies mhux Lhud li jitkellmu bil-Grieg.
^ Dan jirreferi għan-nies mhux ċivilizzati.
^ Jew “ilbsu.”
^ Jew “tikkontrolla lil qlubkom.”
^ Jew “widdbu.”
^ Jew “tkunux ħorox.”
^ Jew “lis-sidien tagħkom li huma bnedmin.”
^ Jew “għal għajn in-nies.”
^ Letteralment “ibżgħu minn.”
^ Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Ruħ.”