Lamentazzjonijiet 5:1-22
5 * Ftakar, O Ġeħova, xi ġralna.+ Ħares u ara t-tmaqdir tagħna.+
2 Wirtna ngħata f’idejn l-istranġieri, djarna lill-barranin.+
3 Sirna ltiema mingħajr missier.+ Ommijietna qishom romol.+
4 Kellna noħorġu l-flus biex nixorbu mill-ilma tagħna stess.+ Il-ħatab tagħna stess inħallsu għalih.
5 Ġrew warajna u għoddhom laħqulna għonqna.+ Għejejna. Ma baqgħalniex mistrieħ.+
6 Tajna idejna+ lill-Eġittu;+ lill-Assirja,+ sabiex nixbgħu bil-ħobż.
7 Kienu missirijietna li dinbu.+ Huma m’għadhomx iktar. U aħna tgħabbejna bl-iżbalji tagħhom.+
8 Sempliċi qaddejja ħakmu fuqna.+ M’hemm ħadd li jeħlisna minn taħt idejhom.+
9 Ħobżna nġibuh waqt li nissograw ħajjitna,+ minħabba s-sejf fix-xagħri.
10 Il-ġilda tagħna saret taħraq bħal forn, minħabba l-weġgħat tal-ġuħ.+
11 F’Sijon umiljaw lin-nisa miżżewġin,+ u lill-verġni fil-bliet taʼ Ġuda.
12 Lill-prinċpijiet dendluhom minn id waħda biss.+ Wiċċ ix-xjuħ ma ġiex onorat.+
13 Anki l-ġuvintur qabdu l-mitħna taʼ l-idejn,+ u s-subien tfixklu mgħobbijin bil-ħatab.+
14 M’għadx hemm xjuħ f’bieb il-belt,+ u lanqas żgħażagħ idoqqu l-istrumenti tagħhom.+
15 Il-ferħ taʼ qalbna għab. Iż-żfin tagħna nbidel f’niket.+
16 Il-kuruna taʼ fuq rasna waqgħet.+ Gwaj għalina issa għax dnibna!+
17 Minħabba dan qalbna mardet.+ Minħabba dawn l-affarijiet għajnejna ċċajprulna,+
18 Minħabba li l-muntanja taʼ Sijon saret ħerba;+ il-volpijiet jiġġerrew fuqha.+
19 U int, O Ġeħova, se toqgħod fuq it-tron tiegħek għal dejjem.+ It-tron tiegħek jibqaʼ minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni.+
20 Għala se tibqaʼ tinsiena għal dejjem,+ titlaqna għal kemm itul iż-żmien?+
21 Reġġagħna lura,+ O Ġeħova, lejk, u aħna niġu mill-ewwel. Ġibilna jiem ġodda bħal dawk li kellna żmien twil ilu.+
22 Madankollu, int ċħadtna għalkollox.+ Int għadabt ħafna għalina.+
Noti taʼ taħt
^ Dan il-kapitlu m’huwiex akrostiku skond l-alfabet, bħall-erbaʼ kapitli taʼ qablu, imma xorta għandu 22 vers daqs l-alfabet Ebrajk li għandu 22 ittra.