Levitiku 1:1-17

  • L-offerta tal-ħruq (1-17)

1  U Ġeħova għajjat lil Mosè u kellmu mit-tinda tal-laqgħa u qallu:  “Kellem lill-Iżraelin* u għidilhom, ‘Jekk xi ħadd minnkom jippreżenta offerta lil Ġeħova mill-annimali tiegħu, għandu jippreżenta l-offerta mill-imrieħel tal-baqar jew tan-nagħaġ.  “‘Jekk l-offerta tiegħu tkun offerta tal-ħruq mill-baqar, għandu jippreżenta barri bla difett. Għandu jippreżentah minn jeddu quddiem Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.  U jrid iqiegħed idu fuq ras l-offerta tal-ħruq, u Alla jaċċetta l-offerta u jaħfirlu dnubietu.  “‘Imbagħad il-barri żgħir* irid jinqatel quddiem Ġeħova. U t-tfal t’Aron, il-qassisin, jippreżentaw id-demm u jroxxu d-demm fuq kull naħa tal-artal, li qiegħed fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.  L-offerta tal-ħruq għandha titqaxxar u titqattaʼ f’biċċiet.  It-tfal t’Aron, il-qassisin, għandhom ipoġġu faħam jaqbad fuq l-artal u jqiegħdu l-ħatab fuq in-nar.  U huma jirranġaw il-biċċiet tal-offerta mar-ras u x-xaħam* fuq il-ħatab jaqbad taʼ fuq l-artal.  L-imsaren u s-saqajn* jiġu maħsulin bl-ilma, u l-qassis jaħraq* il-barri kollu kemm hu fuq l-artal bħala offerta tal-ħruq li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 10  “‘Jekk l-offerta tal-ħruq li jagħmel tkun mill-imtaten żgħar jew mill-mogħoż, hu għandu jippreżenta minnhom raġel bla difett. 11  Dan għandu jinqatel fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-artal quddiem Ġeħova, u t-tfal t’Aron, il-qassisin, iroxxu demmu fuq kull naħa tal-artal. 12  Imbagħad jitqattaʼ f’biċċiet, u l-qassis jirranġahom flimkien mar-ras u x-xaħam* fuq il-ħatab jaqbad taʼ fuq l-artal. 13  Hu jaħsel l-imsaren u s-saqajn* bl-ilma, u l-qassis jippreżentah kollu kemm hu u jaħarqu fuq l-artal. Din hi offerta tal-ħruq li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. 14  “‘Madankollu, jekk joffri għasafar bħala offerta tal-ħruq lil Ġeħova, hu jrid jippreżenta l-offerta tiegħu mill-gamiem jew mill-bċieċen. 15  Il-qassis jippreżenta l-offerta fuq l-artal u jagħmlilha qatgħa f’għonqha u jaħraqha fuq l-artal, imma demmha għandu jiġi mċarċar fil-ġenb tal-artal. 16  Hu għandu jneħħilha l-ħawsla u r-rix tagħha u jixħithom maġenb l-artal, lejn il-Lvant, fil-post tal-irmied.* 17  U jagħmlilha qatgħa bejn ġwinħajha mingħajr ma jaqsamha fi tnejn. Imbagħad il-qassis jaħraqha fuq l-artal fuq il-ħatab jaqbad. Din hi offerta tal-ħruq li tiġi maħruqa b’riħa pjaċevoli* għal Ġeħova.

Noti taʼ taħt

Letteralment “it-tfal t’Iżrael.”
Jew “l-għoġol.”
Jew “ix-xaħam taʼ madwar il-kliewi.”
Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
Letteralment “jagħmlu jdaħħan.”
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “ix-xaħam taʼ madwar il-kliewi.”
Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”
Jew “tal-irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”