Levitiku 16:1-34
-
Jum it-Tpattija (1-34)
16 Ġeħova kellem lil Mosè wara li mietu ż-żewġt itfal t’Aron talli resqu quddiem Ġeħova b’mod mhux xieraq.
2 Ġeħova qal lil Mosè: “Għid lil ħuk Aron li ma jistax jidħol meta jrid fil-post qaddis ’il ġewwa mill-purtiera u joqgħod quddiem l-għatu tal-Arka, sabiex ma jmutx, għaliex jien se nidher fi sħaba fuq l-għatu.
3 “Meta Aron jidħol fil-post qaddis għandu jġib dan li ġej: barri żgħir* għal offerta għad-dnub u muntun għal offerta tal-ħruq.
4 Għandu jilbes il-libsa twila qaddisa tal-għażel u l-qalziet qasir* tal-għażel biex jgħatti l-partijiet privati tiegħu, u għandu jdawwar it-terħa tal-għażel miegħu u t-turban tal-għażel maʼ rasu. Dawn huma ħwejjeġ qaddisin. Hu jinħasel fl-ilma u jilbishom.
5 “Mingħand il-ġemgħa tal-Iżraelin għandu jieħu żewġ gidjien irġiel għal offerta għad-dnub u muntun għal offerta tal-ħruq.
6 “Imbagħad Aron irid jippreżenta l-barri tal-offerta għad-dnub, li tkun għalih, u jagħmel tpattija għalih u għal familtu.*
7 “Wara jaqbad iż-żewġ gidjien u jqegħedhom quddiem Ġeħova fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.
8 Aron jitfaʼ x-xorti fuq iż-żewġ gidjien, gidi minnhom ikun għal Ġeħova u l-ieħor ikun il-gidi li jġorr id-dnub tan-nies ’il bogħod.*
9 Aron jippreżenta l-gidi li telaʼ bix-xorti għal Ġeħova u joffrih bħala offerta għad-dnub.
10 Imma l-gidi li telaʼ bix-xorti biex iġorr id-dnub tan-nies ’il bogħod,* għandu jitqiegħed ħaj quddiem Ġeħova biex issir tpattija fuqu, sabiex jintbagħat fid-deżert.
11 “Aron jippreżenta l-barri tal-offerta għad-dnub, li tkun għalih, u jagħmel tpattija għalih u għal familtu.* Imbagħad joqtol il-barri tal-offerta għad-dnub, li tkun għalih.
12 “Hu jieħu r-reċipjent għall-inċens mimli ġamar tan-nar mill-artal quddiem Ġeħova u żewġ ponnijiet mimlijin inċens ifuħ mitħun irqiq, u jiħodhom ’il ġewwa mill-purtiera.
13 U jpoġġi l-inċens fuq in-nar quddiem Ġeħova, u d-duħħan tal-inċens jgħatti l-għatu tal-Arka, li qiegħed fuq it-Testimonjanza, biex b’hekk ma jmutx.
14 “Hu jieħu ftit mid-demm tal-barri u jroxxu b’sebgħu quddiem l-għatu n-naħa tal-Lvant, u jroxx ftit mid-demm b’sebgħu sebaʼ darbiet quddiem l-għatu.
15 “Imbagħad hu joqtol il-gidi tal-offerta għad-dnub, li jkun għall-poplu, u jġib demmu ’l ġewwa mill-purtiera. B’demmu jagħmel l-istess bħalma għamel bid-demm tal-barri, jiġifieri jroxxu lejn l-għatu u quddiem l-għatu.
16 “Hu jagħmel tpattija għall-post qaddis minħabba l-affarijiet mhux nodfa li jagħmlu l-Iżraelin, u n-nuqqasijiet u d-dnubiet tagħhom. Għandu jagħmel l-istess għat-tinda tal-laqgħa li tinsab f’nofshom, f’nofs dawk li qed jagħmlu affarijiet mhux nodfa.
17 “M’għandu jkun hemm ħadd iktar fit-tinda tal-laqgħa minn xħin jidħol biex jagħmel tpattija fil-post qaddis sakemm joħroġ. Hu jagħmel tpattija għalih, għal familtu,* u għall-kongregazzjoni kollha t’Iżrael.
18 “Imbagħad joħroġ lejn l-artal, li qiegħed quddiem Ġeħova, u jagħmel tpattija għall-artal, u jieħu ftit mid-demm tal-barri u ftit mid-demm tal-gidi u jpoġġih fuq il-qrun taʼ kull naħa tal-artal.
19 Ukoll, iroxx fuqu ftit mid-demm b’sebgħu sebaʼ darbiet u jnaddfu u jqaddsu mill-affarijiet mhux nodfa li għamlu l-Iżraelin.
20 “Meta jkun spiċċa jagħmel tpattija għall-post qaddis, għat-tinda tal-laqgħa, u għall-artal, hu jippreżenta wkoll il-gidi l-ħaj.
21 Aron iqiegħed idejh it-tnejn fuq ras il-gidi l-ħaj u jammetti fuqu l-iżbalji, in-nuqqasijiet, u d-dnubiet kollha tal-Iżraelin, u jpoġġihom fuq ras il-gidi u jibagħtu fid-deżert permezz taʼ raġel li jkun intgħażel apposta.*
22 U hu jibgħat il-gidi, u dan iġorr fuqu l-iżbalji kollha tagħhom fid-deżert.
23 “Imbagħad Aron jidħol fit-tinda tal-laqgħa u jinżaʼ l-ħwejjeġ tal-għażel li libes meta daħal fil-post qaddis, u jħallihom hemmhekk.
24 Hu jrid jinħasel fl-ilma f’post qaddis u jilbes ħwejġu. Imbagħad joħroġ u joffri l-offerta tal-ħruq tiegħu u l-offerta tal-ħruq tal-poplu u jagħmel tpattija għalih u għall-poplu.
25 U jaħraq ix-xaħam tal-offerta għad-dnub fuq l-artal.
26 “Ir-raġel li bagħat il-gidi li jġorr id-dnub tan-nies ’il bogħod* għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u mbagħad ikun jistaʼ jidħol fejn hemm il-kampijiet.
27 “U l-barri tal-offerta għad-dnub u l-gidi tal-offerta għad-dnub, li d-demm tagħhom iddaħħal fil-post qaddis biex issir tpattija, jinħarġu ’l barra minn fejn hemm il-kampijiet, u l-ġlud, il-laħam, u l-ħmieġ tagħhom jiġu maħruqin.
28 Dak li jaħraqhom għandu jaħsel ħwejġu, jinħasel fl-ilma, u wara jkun jistaʼ jidħol fejn hemm il-kampijiet.
29 “Dan iservi bħala liġi għalikom għal żmien twil: Fl-għaxar jum tas-sebaʼ xahar, għandkom tgħakksu ruħkom,* u ma tagħmlu ebda xogħol, sew min twieled fil-pajjiż u sew ir-resident barrani li qed jgħix fostkom.
30 F’dan il-jum issir tpattija għalikom, biex tiġu ddikjarati nodfa. Se tkunu nodfa minn dnubietkom kollha quddiem Ġeħova.
31 Dan huwa sabat li fih għandkom tistrieħu għalkollox, u tridu tgħakksu ruħkom. Din hi liġi għal żmien twil.
32 “Il-qassis li jiġi midluk* u inkarigat* biex jaqdi bħala qassis minflok missieru jagħmel tpattija u jilbes il-ħwejjeġ tal-għażel, il-ħwejjeġ qaddisin.
33 Hu jagħmel tpattija għas-santwarju qaddis, għat-tinda tal-laqgħa, u għall-artal. U jagħmel tpattija għall-qassisin u għan-nies kollha tal-kongregazzjoni.
34 Dan iservi bħala liġi għalikom għal żmien twil, sabiex tagħmlu tpattija għall-Iżraelin darba fis-sena minħabba d-dnubiet kollha tagħhom.”
U Aron għamel bħalma Ġeħova kien ikkmanda lil Mosè.
Noti taʼ taħt
^ Jew “għoġol.”
^ Jew “il-qalziet taʼ taħt.”
^ Jew “għat-tribù tiegħu.”
^ Letteralment “għal Għażażel.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Letteralment “Imma Għażażel.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “għat-tribù tiegħu.”
^ Jew “għat-tribù tiegħu.”
^ Jew “raġel li jkun disponibbli dak il-ħin.”
^ Letteralment “lil Għażażel.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Li “wieħed jgħakkes ruħu” ġeneralment hu mifhum li jfisser li wieħed jiċħad lilu nnifsu b’diversi modi, fosthom is-sawm.
^ Letteralment “u timtela idu.”