Levitiku 21:1-24
21 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: “Kellem lill-qassisin, it-tfal t’Aron, u għidilhom, ‘Ħadd fost il-poplu ma jistaʼ jitniġġes minħabba persuna mejta,
2 ħlief għal xi ħadd li jiġi minnu mill-qrib, jiġifieri għal ommu, għal missieru, għal ibnu, għal bintu, għal ħuh,
3 u għal oħtu jekk hi qrib tiegħu, hi verġni, u għadha ma żżewġitx.
4 Ma jistax iniġġes u jiddiżonora lilu nnifsu għal mara li hi taʼ raġel mill-poplu tiegħu.
5 Il-qassisin m’għandhomx iqaxxru rashom jew it-tarf tad-daqna tagħhom jew jagħmlu xi qatgħa fuq ġisimhom.
6 Għandhom ikunu qaddisin għall-Alla tagħhom, u m’għandhomx jiddiżonoraw isem l-Alla tagħhom, għaliex huma qed jippreżentaw l-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova, jiġifieri l-ħobż* tal-Alla tagħhom, u jridu jkunu qaddisin.
7 M’għandhomx jiżżewġu prostituta, mara li m’għadhiex verġni, jew mara ddivorzjata minn żewġha, għaliex il-qassis hu qaddis għall-Alla tiegħu.
8 Trid tqaddsu, għaliex hu qed jippreżenta l-ħobż tal-Alla tiegħek. Għandu jkun qaddis għalik, għaliex jien, Ġeħova, li qed inqaddiskom, qaddis.
9 “‘Jekk bint qassis tiddiżonora lilha nfisha billi tagħmel il-prostituzzjoni, tkun qed tiddiżonora lil missierha. Għandha tiġi maħruqa fin-nar.
10 “‘Il-qassis il-kbir taʼ ħutu, li fuq rasu ġie mferraʼ ż-żejt tad-dlik u li ġie inkarigat* biex jilbes il-ħwejjeġ taʼ qassis, m’għandux jittraskura xagħru jew iċarrat ħwejġu.
11 M’għandu jersaq lejn ebda persuna mejta.* Ma jistax jitniġġes lanqas għal missieru jew għal ommu.
12 M’għandux joħroġ mis-santwarju u lanqas jiddiżonora s-santwarju tal-Alla tiegħu, għaliex is-sinjal tad-dedikazzjoni, jiġifieri ż-żejt tad-dlik tal-Alla tiegħu, qiegħed fuqu. Jien Ġeħova.
13 “‘Hu għandu jiżżewweġ mara li tkun verġni.
14 Hu ma jistax jiżżewweġ armla, mara ddivorzjata, waħda li m’għadhiex verġni, jew prostituta. Imma għandu jieħu verġni mill-poplu tiegħu bħala martu.
15 Hu m’għandux jiddiżonora lil dawk li jiġu minnu fost il-poplu tiegħu, għax jien Ġeħova, li qed inqaddsu.’”
16 Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:
17 “Għid lil Aron, ‘Ebda raġel li jiġi minnek li għandu difett ma jistaʼ jersaq lejn l-artal biex jippreżenta l-ħobż tal-Alla tiegħu. Dan japplika għall-ġenerazzjonijiet tiegħek kollha.
18 Ma jistax jersaq lejn l-artal raġel li għandu xi difett, jiġifieri raġel li ma jarax, izappap, b’wiċċu sfigurat,* b’sieq jew id twila wisq,
19 jew bi ksur f’siequ jew f’idu.
20 Lanqas raġel ħotbi, nanu,* b’difett f’għajnejh, bl-ekżema, bil-ħżież, jew bit-testikoli mgħaffġin.
21 L-ebda raġel li jiġi minn Aron il-qassis li għandu xi difett ma jistaʼ jersaq biex jippreżenta l-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova. Peress li għandu difett, ma jistax jersaq biex jippreżenta l-ħobż tal-Alla tiegħu.
22 Jistaʼ jiekol il-ħobż tal-Alla tiegħu mill-affarijiet l-iktar qaddisin u mill-affarijiet qaddisin.
23 Madankollu, ma jistax imur ħdejn il-purtiera u ma jistax jersaq lejn l-artal, għaliex għandu difett. M’għandux jiddiżonora s-santwarju tiegħi, għax jien Ġeħova, li qed inqaddishom.’”
24 B’hekk, Mosè kellem lil Aron, lit-tfal tiegħu, u lill-Iżraelin kollha.
Noti taʼ taħt
^ Jew “l-ikel,” dan jirreferi għas-sagrifiċċji.
^ Letteralment “imtliet idu.”
^ Jew “kwalunkwe ruħ mejta.” Il-kelma Ebrajka nefex hawnhekk għandha x’taqsam maʼ kelma Ebrajka li tfisser “mejjet.”
^ Letteralment “b’tiċrita fi mnieħru.”
^ Jew forsi “magħlub iżżejjed.”