Levitiku 22:1-33

  • L-indafa tal-qassisin u affarijiet qaddisin bħala ikel (1-16)

  • Offerti bla difett biss jiġu aċċettati (17-33)

22  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:  “Għid lil Aron u lit-tfal tiegħu biex joqogħdu attenti kif jużaw* l-affarijiet qaddisin tal-Iżraelin u biex ma jiddiżonorawx l-isem qaddis tiegħi bl-affarijiet li qed iqaddsuli. Jien Ġeħova.  Għidilhom, ‘Matul il-ġenerazzjonijiet tagħkom, m’għandux ikun hemm raġel minnkom li waqt li ma jkunx nadif jersaq lejn l-affarijiet qaddisin li l-Iżraelin iqaddsu għal Ġeħova. Jekk jagħmel hekk għandu jiġi maqtul.* Jien Ġeħova.  Ebda raġel li jiġi mill-familja t’Aron li jkollu l-ġdiem jew toħroġlu l-materja mill-organu ġenitali ma jistaʼ jiekol mill-affarijiet qaddisin sakemm jindaf, lanqas min imiss lil xi ħadd li sar mhux nadif minħabba persuna mejta jew raġel li toħroġlu l-isperma,  lanqas raġel li jmiss xi ħliqa li tgħix fi qtajjaʼ u li mhix nadifa jew imiss bniedem li mhux nadif u li jistaʼ jagħmlu mhux nadif.  Min imiss xi ħaġa minn dawn, ma jkunx nadif sa filgħaxija u ma jistax jiekol mill-affarijiet qaddisin, imma jrid jinħasel fl-ilma.  Meta tkun niżlet ix-xemx, ikun nadif, u wara jkun jistaʼ jiekol ftit mill-affarijiet qaddisin għaliex dan hu l-ikel tiegħu.  Ukoll, m’għandux jiekol xi annimal li jkun instab mejjet jew imqattaʼ minn annimali slavaġ u jsir mhux nadif b’dan. Jien Ġeħova.  “‘Iridu jobdu l-kmand tiegħi, m’għandhomx jiddiżonoraw l-affarijiet qaddisa sabiex ma jidinbux u jmutu. Jien Ġeħova, li qed inqaddishom. 10  “‘Ebda persuna mhux awtorizzata* ma tistaʼ tiekol xi ħaġa qaddisa. Ebda barrani li joqgħod maʼ qassis jew ħaddiem mikri ma jistaʼ jiekol xi ħaġa qaddisa. 11  Imma jekk qassis jixtri lil persuna bi flusu stess, din tkun tistaʼ tiekol minnha. Anki l-ilsiera li jitwieldu f’daru jistgħu jieklu mill-ikel tiegħu. 12  Jekk bint qassis tiżżewweġ lil xi ħadd li mhux qassis,* hi ma tistax tiekol mill-kontribuzzjoni tal-affarijiet qaddisin. 13  Imma jekk bint qassis tormol jew tiddivorzja u ma jkollhiex tfal u tmur lura lejn dar missierha bħal f’żgħożitha, tkun tistaʼ tiekol mill-ikel taʼ missierha. Imma ebda persuna mhux awtorizzata* ma tistaʼ tiekol minnu. 14  “‘Issa jekk raġel jiekol bi żball xi ħaġa qaddisa, ikollu jpattiha lura u jżid magħha 20 fil-100 tal-valur tagħha u jagħti l-offerta qaddisa lill-qassis. 15  Għalhekk, m’għandhomx jiddiżonoraw l-affarijiet qaddisin tal-Iżraelin li jagħtu bħala kontribuzzjoni lil Ġeħova 16  u jġibu fuqhom il-kastig għall-ħtija talli jkunu kielu l-affarijiet qaddisin tagħhom, għax jien Ġeħova, li qed inqaddishom.’” 17  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 18  “Kellem lil Aron, lit-tfal tiegħu, u l-Iżraelin kollha u għidilhom, ‘Meta Iżraeli jew xi resident barrani f’Iżrael jippreżenta offerta tal-ħruq lil Ġeħova biex jagħmel bħalma wiegħed jew biex jagħmel offerta volontarja, 19  għandu jippreżenta minn fost l-imtaten żgħar, jew il-mogħoż, raġel bla difett mill-merħla, sabiex jikseb l-approvazzjoni. 20  Tippreżentawx xi ħaġa li jkun fiha difett, għaliex din ma tgħinkomx biex tiġu approvati. 21  “‘Jekk raġel jippreżenta sagrifiċċju tal-paċi lil Ġeħova biex irodd wegħda jew bħala offerta volontarja, l-annimal għandu jkun bla difett minn fost il-merħla tal-baqar jew tan-nagħaġ, sabiex jikseb l-approvazzjoni. M’għandu jkun fih ebda difett. 22  M’għandux ikun agħmi, ikollu xi ksur, xi qtugħ, xi felula, mard tal-ġilda, jew ħżież. M’għandkom tippreżentaw l-ebda waħda minn dawn lil Ġeħova jew tagħmlu offerta bħal din fuq l-artal għal Ġeħova. 23  Tistgħu tippreżentaw barri jew nagħġa li jkollha sieq twila wisq jew qasira wisq bħala offerta volontarja, imma din ma tiġix aċċettata b’approvazzjoni bħala offerta taʼ wegħda. 24  M’għandkomx tippreżentaw lil Ġeħova annimal li jkollu ħsara fit-testikoli jew ikunu mgħaffġin, maqlugħin, jew maqtugħin, u m’għandkomx toffru annimali bħal dawn f’artkom. 25  U m’għandkom tippreżentaw l-ebda wieħed minn dawn minn id xi barrani bħala l-ħobż tal-Alla tagħkom, għaliex huma mmankati u fihom difett. Ma jiġux aċċettati b’approvazzjoni għalikom.’” 26  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè: 27  “Meta jitwieled barri, ħaruf, jew gidi, irid jibqaʼ sebat ijiem m’ommu, imma mit-tmien jum ’il quddiem jiġi aċċettat b’approvazzjoni bħala offerta, offerta li tiġi maħruqa għal Ġeħova. 28  Inkwantu għal xi baqra jew nagħġa, toqtlux lilha u l-ferħ tagħha fl-istess jum. 29  “Jekk toffru sagrifiċċju taʼ ringrazzjament lil Ġeħova, għandkom toffruh biex tiksbu l-approvazzjoni għalikom. 30  Għandu jittiekel dakinhar u tħallu xejn minnu sal-għada. Jien Ġeħova. 31  “Obdu l-kmandamenti tiegħi. Jien Ġeħova. 32  Tiddiżonorawx l-isem qaddis tiegħi, ħalli l-Iżraelin iqisuni qaddis. Jien Ġeħova, li qed inqaddiskom, 33  il-wieħed li ħariġkom mill-art tal-Eġittu biex nurikom li jien Alla. Jien Ġeħova.”

Noti taʼ taħt

Letteralment “iżommu ruħhom ’il bogħod minn.”
Jew “maqtugħ minn quddiemi.”
Letteralment “Ebda stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.
Jew “tiżżewweġ stranġier.”
Letteralment “ebda stranġier,” jiġifieri raġel li ma jkunx mill-familja t’Aron.