Levitiku 4:1-35

  • L-offerta għad-dnub (1-35)

4  Ġeħova kompla jgħid lil Mosè:  “Għid lill-Iżraelin, ‘Jekk xi ħadd jidneb bi żball billi jagħmel waħda mill-affarijiet li Ġeħova kkmanda li m’għandhomx isiru, ħa jsir dan li ġej:  “‘Jekk il-qassis il-kbir* jidneb u b’hekk iġib il-ħtija fuq il-poplu, hu għandu jippreżenta barri żgħir bla difett lil Ġeħova bħala offerta għad-dnub minħabba d-dnub li jkun għamel.  U jġib il-barri fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa quddiem Ġeħova u jqiegħed idu fuq ras il-barri u joqtlu quddiem Ġeħova.  Imbagħad il-qassis il-kbir jaqbad ftit mid-demm tal-barri u jieħdu fit-tinda tal-laqgħa.  U hu jbill sebgħu fid-demm u jroxx ftit mid-demm sebaʼ darbiet quddiem Ġeħova, quddiem il-purtiera tal-post qaddis.  Il-qassis ipoġġi wkoll ftit mid-demm fuq il-qrun tal-artal tal-inċens ifuħ, li qiegħed quddiem Ġeħova fit-tinda tal-laqgħa. Dak kollu li jibqaʼ mid-demm tal-barri jferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal tal-offerta tal-ħruq, li qiegħed fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa.  “‘Imbagħad hu jneħħi x-xaħam kollu tal-barri tal-offerta għad-dnub, li jinkludi x-xaħam li jiksi l-imsaren u x-xaħam kollu taʼ madwar l-imsaren,  u ż-żewġ kilwiet bix-xaħam taʼ fuqhom viċin il-ġenbejn. Hu jneħħi wkoll il-kliewi u x-xaħam tal-fwied. 10  Dawn huma l-istess partijiet li jitneħħew mill-barri tas-sagrifiċċju tal-paċi. U l-qassis jaħraqhom fuq l-artal tal-offerta tal-ħruq. 11  “‘Imma dwar il-ġilda tal-barri u l-laħam kollu tiegħu flimkien maʼ rasu, saqajh,* imsarnu, u l-ħmieġ tiegħu, 12  jiġifieri kulma jibqaʼ mill-barri, hu jara li jinħareġ ’il barra mill-kampijiet f’post nadif fejn jintrema l-irmied,* u jaħarqu fuq il-ħatab jaqbad. Għandu jiġi maħruq fejn jintrema l-irmied. 13  “‘Ejja ngħidu li l-Iżraelin kollha jkunu saru ħatjin għax għamlu dnub bi żball, imma l-kongregazzjoni ma tkunx saret taf li għamlu xi ħaġa li Ġeħova kkmandahom biex ma jagħmlux. 14  F’każ li d-dnub isir magħruf, il-kongregazzjoni trid tippreżenta barri żgħir bħala offerta għad-dnub u ġġibu quddiem it-tinda tal-laqgħa. 15  L-anzjani* tal-ġemgħa jqiegħdu jdejhom fuq ras il-barri quddiem Ġeħova, u l-barri jinqatel quddiem Ġeħova. 16  “‘Imbagħad il-qassis il-kbir irid jieħu ftit mid-demm tal-barri fit-tinda tal-laqgħa. 17  Il-qassis ibill sebgħu fid-demm u jroxxu sebaʼ darbiet quddiem Ġeħova, quddiem il-purtiera. 18  Hu jpoġġi ftit mid-demm fuq il-qrun tal-artal li qiegħed quddiem Ġeħova u li qiegħed fit-tinda tal-laqgħa. U dak kollu li jibqaʼ mid-demm iferrgħu man-naħa t’isfel tal-artal tal-offerta tal-ħruq, li qiegħed fid-daħla tat-tinda tal-laqgħa. 19  U jneħħilu x-xaħam kollu u jaħarqu fuq l-artal. 20  Lill-barri jagħmillu bħalma għamel lill-barri l-ieħor tal-offerta għad-dnub. Hekk irid jagħmel, u l-qassis jagħmel tpattija għalihom, u b’hekk jinħafrilhom dnubhom. 21  Hu jara li l-barri jinħareġ ’il barra mill-kampijiet u jinħaraq, bħalma nħaraq l-ewwel barri. Din hi offerta għad-dnub għall-kongregazzjoni. 22  “‘Meta wieħed mill-kapijiet tal-poplu jidneb bi żball billi jagħmel xi ħaġa minn dak kollu li Ġeħova l-Alla tiegħu jikkmanda li m’għandux isir u jsir ħati, 23  jew jinduna li jkun għamel dnub kontra l-kmandament, hu jrid iġib gidi bla difett bħala l-offerta tiegħu. 24  Hu jqiegħed idu fuq ras il-gidi u joqtlu fil-post fejn l-offerta tal-ħruq tinqatel quddiem Ġeħova. Din hi offerta għad-dnub. 25  Il-qassis jieħu ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub b’sebgħu u jpoġġih fuq il-qrun tal-artal tal-offerta tal-ħruq, u jferraʼ l-bqija tad-demm man-naħa t’isfel tal-artal tal-offerta tal-ħruq. 26  Hu jaħraq ix-xaħam kollu tiegħu fuq l-artal bħax-xaħam tas-sagrifiċċju tal-paċi. U l-qassis jagħmel tpattija għalih għad-dnub tiegħu, u b’hekk jinħafirlu. 27  “‘U jekk xi ħadd min-nies tal-pajjiż jidneb bi żball billi jagħmel xi ħaġa minn dak li Ġeħova jikkmanda li m’għandux isir, 28  jew jekk jinduna li jkun għamel dnub, irid iġib gidja bla difett bħala l-offerta tiegħu għad-dnub li jkun għamel. 29  Hu jqiegħed idu fuq ras l-offerta għad-dnub u joqtolha fl-istess post fejn qatel l-offerta tal-ħruq. 30  Il-qassis jieħu ftit minn demmha b’sebgħu u jpoġġih fuq il-qrun tal-artal tal-offerta tal-ħruq, u jferraʼ l-bqija taʼ demmha man-naħa t’isfel tal-artal. 31  Hu jneħħilha x-xaħam kollu bħalma tneħħa x-xaħam tas-sagrifiċċju tal-paċi u jaħraqha fuq l-artal bħala riħa pjaċevoli* għal Ġeħova. U l-qassis jagħmel tpattija għalih, u b’hekk jinħafirlu dnubu. 32  “‘Imma jekk l-offerta tiegħu għad-dnub tkun mill-ħrief, għandu jġib ħarufa bla difett. 33  Hu jqiegħed idu fuq rasha u joqtolha bħala offerta għad-dnub fil-post fejn tinqatel l-offerta tal-ħruq. 34  Il-qassis jieħu ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub b’sebgħu u jpoġġih fuq il-qrun tal-artal tal-offerta tal-ħruq, u jferraʼ l-bqija tad-demm man-naħa t’isfel tal-artal. 35  Hu jneħħi x-xaħam kollu tagħha, l-istess bħalma jitneħħa x-xaħam tal-muntun żgħir tas-sagrifiċċju tal-paċi, u jaħarqu fuq l-artal, fuq l-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova. U l-qassis jagħmel tpattija għalih għad-dnub li jkun għamel, u b’hekk jinħafirlu.

Noti taʼ taħt

Letteralment “il-qassis midluk.”
Jiġifieri mill-irkoppa sal-għaksa.
Jew “l-irmied bix-xaħam,” jiġifieri rmied imxarrab bix-xaħam tas-sagrifiċċji.
Jew “li tikkalma.” Letteralment “riħa li sserraħ.”