Levitiku 5:1-19
5 “‘Jekk xi ħadd ra xi ħaġa ħażina ssir, jew sar jaf dwarha, u jismaʼ li hemm bżonn taʼ xhieda* taʼ dan, imma ma jirrapportahiex, hu jkun ħati taʼ dnub u jrid ibati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu.
2 “‘Jekk xi ħadd imiss xi ħaġa mhix nadifa, sew jekk hu ġisem mejjet t’annimal salvaġġ, t’annimal li jiġi mrobbi, jew t’annimal żgħir li jgħix fi qtajjaʼ, hu ma jkunx nadif u jsir ħati anki jekk ma jindunax.
3 Jew jekk xi ħadd mingħajr ma jinduna jmiss xi nuqqas taʼ ndafa taʼ bniedem, kwalunkwe ħaġa mhix nadifa li biha jistaʼ ma jibqax nadif, u wara jinduna b’dan, hu jsir ħati.
4 “‘Jekk xi ħadd jaħlef li jagħmel id-deni jew il-ġid bla ma jaħsibha, imma wara jinduna li ħalef bla ma ħasibha, isir ħati.*
5 “‘Jekk isir ħati taʼ xi waħda minn dawn l-affarijiet, għandu jgħid b’liema mod dineb.
6 Ukoll, irid iġib lil Ġeħova l-offerta għall-ħtija għad-dnub li jkun għamel, jiġifieri ħarufa jew gidja mill-merħla, bħala offerta għad-dnub. Imbagħad il-qassis jagħmel tpattija għalih għad-dnub tiegħu.
7 “‘Iżda, jekk ma jkollux biex jagħti annimal mill-merħla, irid iġib żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen lil Ġeħova bħala l-offerta għall-ħtija tiegħu għad-dnub, wieħed għall-offerta għad-dnub u wieħed għall-offerta tal-ħruq.
8 U jrid jiħodhom lill-qassis, u dan l-ewwel jippreżenta l-wieħed għall-offerta għad-dnub u jagħmillu qatgħa fin-naħa taʼ quddiem t’għonqu, imma m’għandux jaqtagħlu rasu barra.
9 Hu jroxx ftit mid-demm tal-offerta għad-dnub mal-ġenb tal-artal, imma l-bqija tad-demm jiġi mċarċar man-naħa t’isfel tal-artal. Din hi offerta għad-dnub.
10 L-ieħor joffrih bħala offerta tal-ħruq skont il-proċedura tas-soltu. U l-qassis jagħmel tpattija għalih għad-dnub li jkun għamel, u b’hekk jinħafirlu.
11 “‘Issa jekk ma jkollux biex jagħti żewġ gamimiet jew żewġt ibċieċen, irid jieħu bħala l-offerta tiegħu għad-dnub għaxra fil-100 t’efa* dqiq fin bħala offerta għad-dnub. Ma jridx iżid żejt fuqha jew iqiegħed inċens abjad fuqha, għax din hi offerta għad-dnub.
12 Hu jiħodha għand il-qassis, u l-qassis jaqbad ponn minnha bħala simbolu tal-offerta sħiħa* u jaħraqha fuq l-artal, fuq l-offerti li jiġu maħruqin għal Ġeħova. Din hi offerta għad-dnub.
13 Il-qassis jagħmel tpattija għalih, għal kwalunkwe dnub li jkun għamel mid-dnubiet li ssemmew, u dan jinħafirlu. Il-bqija tal-offerta ssir tal-qassis, l-istess bħall-offerta taċ-ċereali.’”*
14 Ġeħova kompla jkellem lil Mosè u jgħidlu:
15 “Jekk xi ħadd ma jkunx leali billi jidneb bi żball kontra l-affarijiet qaddisin taʼ Ġeħova, irid iġib lil Ġeħova muntun bla difett mill-merħla bħala offerta għall-ħtija. Il-valur tagħha fi xwiekel* tal-fidda jiġi kkalkulat skont ix-xekel tal-post qaddis.*
16 U jħallas il-valur tal-affarijiet qaddisa li dineb kontrihom u jżid ukoll 20 fil-100 taʼ kemm jiswa. Hu jagħtih lill-qassis, sabiex il-qassis jagħmel tpattija għalih bil-muntun tal-offerta għall-ħtija, u b’hekk jinħafirlu dnubu.
17 “Jekk xi ħadd jidneb għax jagħmel xi ħaġa minn dak li Ġeħova jikkmanda li m’għandux isir, anki jekk ma jindunax, xorta waħda jkun ħati u jrid ibati l-konsegwenzi tal-iżball tiegħu.
18 Hu jrid jieħu għand il-qassis muntun bla difett mill-merħla skont il-valur stmat, bħala offerta għall-ħtija. Imbagħad il-qassis jagħmel tpattija għalih għall-iżball li jkun għamel mhux apposta u bla ma jaf, u jinħafirlu.
19 Peress li sar ħati billi dineb kontra Ġeħova, hu għandu jagħmel din l-offerta għall-ħtija.”
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “leħen taʼ saħta (ħalfa).” Aktarx avviż dwar xi ħaġa ħażina li saret u li tinkludi saħta kontra dak li għamel l-iżball jew kontra x-xhud fil-każ li ma jixhidx.
^ Milli jidher dan ifisser li ma jagħmilx bħalma ħalef.
^ Jew “bħala tfakkira tagħha.”
^ Ċereali huma żrieragħ li jinkludu xgħir (barley) u qamħ.
^ Jew “skont ix-xekel qaddis.”