Ittra lil-Lhud 1:1-14

  • Alla jitkellem permezz taʼ Ibnu (1-4)

  • L-Iben hu aqwa mill-anġli (5-14)

1  Żmien twil ilu, Alla kellem lil missirijietna permezz tal-profeti f’ħafna okkażjonijiet u b’ħafna modi.  F’dan iż-żmien,* hu tkellem magħna permezz taʼ Ibnu, li għażlu biex ikun werriet taʼ kollox, u li permezz tiegħu għamel iż-żminijiet.*  Hu juri l-glorja t’Alla u għandu l-istess personalità, u hu jżomm kollox jeżisti permezz tal-qawwa tal-kelma t’Alla. Wara li naddafna minn dnubietna, hu poġġa fuq il-lemin tal-Alla l-Kbir fis-sema.  Għalhekk, sar aħjar mill-anġli sal-punt li ngħata iktar awtorità minnhom.*  Pereżempju, Alla lil liema anġlu qatt qal: “Int ibni; illum jien sirt missierek”? U: “Jien insir missieru, u hu jsir ibni”?  Imma meta Alla jerġaʼ jibgħat lill-Ewwel Imwieled tiegħu fid-dinja, hu jgħid: “U l-anġli kollha tiegħi għandhom imilu quddiemu.”  Ukoll, dwar l-anġli jgħid: “Hu jagħmel lill-anġli tiegħu b’saħħithom,* u l-qaddejja kollha tiegħu bħal fjamma nar.”  Imma dwar l-Iben, jgħid: “Alla jagħtik awtorità bħala re* għal dejjem, u int għandek xettru taʼ re u se tmexxi bil-ġustizzja.  Int tħobb il-ġustizzja u tobgħod il-ħażen. Għalhekk, Alla inkarigak* u għamlek iktar ferħan minn sħabek ir-rejiet l-oħra.” 10  U: “Mulej, fil-bidu int għamilt il-pedament tal-art, u għamilt is-sema. 11  Huma se jispiċċaw, imma int se tibqaʼ teżisti; dawn se jitmermru bħall-ħwejjeġ, 12  u int tkebbibhom bħal meta xi ħadd ibiddel il-ħwejjeġ. Imma int tibqaʼ l-istess, u s-snin tiegħek ma jispiċċawx.” 13  Imma dwar liema anġlu qatt qal: “Oqgħod bilqiegħda fuq il-lemin tiegħi, sakemm inpoġġi l-għedewwa tiegħek bħala banketta għal saqajk”? 14  Mhumiex kollha spirti għal servizz qaddis li ntbagħtu biex jaqdu lil dawk li se jiġu salvati?

Noti taʼ taħt

Letteralment “Fi tmiem dan iż-żmien.”
Jew “is-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “isem iktar eċċellenti minn tagħhom.”
Letteralment “spirti.”
Letteralment “Alla hu t-tron tiegħek.”
Letteralment “dilkek biż-żejt.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati, “Midluk.”