Ittra lil-Lhud 10:1-39

  • Is-sagrifiċċji tal-annimali ma jneħħux id-dnubiet (1-4)

    • Il-Liġi kienet bħal dell (1)

  • Is-sagrifiċċju taʼ Kristu kien darba għal dejjem (5-18)

  • Triq ġdida li twassal għall-ħajja (19-25)

    • M’għandniex nieqfu nattendu l-laqgħat tagħna flimkien (24, 25)

  • Twissija għal min jagħmel dnub apposta (26-31)

  • Kuraġġ u fidi biex nissaportu (32-39)

10  Il-Liġi hi bħal dell tal-affarijiet tajbin li għandhom jiġu, imma ma turix dawn l-affarijiet. Il-Liġi* u l-istess sagrifiċċji li jiġu offruti sena wara sena ma jistgħux ineħħu d-dnub għalkollox taʼ dak li jqim lil Alla.  Kieku ma kinux jibqgħu jiġu offruti s-sagrifiċċji, għax dawk li jqimu lil Alla kienu jiġu mnaddfa mid-dnubiet tagħhom u ma jħossuhomx ħatja.  Għall-kuntrarju, dawn is-sagrifiċċji kienu jfakkru lin-nies minn sena għall-oħra li huma midinbin,*  għax ma jistax ikun li d-demm tal-barrin u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet.  Għalhekk, meta Kristu ġie fid-dinja, qal lil Alla: “‘Int ma ridtx iktar sagrifiċċju u offerta, imma ppreparajt ġisem għalija.  Ma bqajtx tieħu pjaċir b’offerti sħaħ tal-ħruq u offerti għad-dnub.’  Imbagħad jien għedt, ‘Hawn jien, ġejt. Fl-iskroll* hemm miktub dwari. Jien ġejt biex nagħmel dak li trid int, Alla tiegħi.’”  L-ewwel qal: “Int ma ridtx iktar sagrifiċċji, offerti, offerti sħaħ tal-ħruq, u offerti għad-dnub u ma bqajtx tieħu pjaċir bihom.” Dawn is-sagrifiċċji jiġu offruti skont il-Liġi.  Imbagħad qal: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel dak li trid int.” Hu neħħa l-ewwel arranġament biex jagħmel it-tieni. 10  Skont dak li jrid Alla, aħna ġejna mqaddsin permezz taʼ Ġesù Kristu, il-wieħed li offra l-ġisem tiegħu darba għal dejjem. 11  Ukoll, kull qassis kien jieħu postu jum wara l-ieħor biex jagħmel xogħol li għandu x’jaqsam mal-qima* u biex jagħmel l-istess sagrifiċċji spiss, li qatt ma setgħu jneħħu d-dnubiet għalkollox. 12  Imma Kristu offra sagrifiċċju wieħed għad-dnubiet darba għal dejjem u poġġa fuq il-lemin t’Alla. 13  Minn dak iż-żmien, hu qed jistenna sakemm l-għedewwa tiegħu jitqiegħdu bħala banketta għal saqajh. 14  Għax billi offra sagrifiċċju wieħed, hu għamel lil dawk li se jiġu mqaddsin perfetti għal dejjem. 15  Iktar minn hekk, l-ispirtu qaddis ukoll jagħtina xhieda dwar dan, billi qal: 16  “Ġeħova* jgħid: ‘Wara dak iż-żmien, dan hu l-patt li se nagħmel magħhom. Se npoġġi l-liġijiet tiegħi f’qalbhom u niktibhom f’moħħhom.’” 17  Imbagħad jgħid: “U ma nibqax niftakar id-dnubiet tagħhom u l-affarijiet ħżiena li għamlu.” 18  Meta Alla jaħfer dawn l-affarijiet, ma jkunx hemm iktar bżonn offerta għad-dnub. 19  Għalhekk aħwa, aħna fiduċjużi li nistgħu nużaw it-triq biex nidħlu fil-post qaddis permezz tad-demm taʼ Ġesù, 20  li fetaħ* għalina. Din it-triq ġdida twassalna għall-ħajja, u hu għamel dan billi għadda mill-purtiera, jiġifieri l-ġisem tiegħu. 21  Peress li għandna qassis kbir li jieħu ħsieb il-kongregazzjoni* t’Alla, 22  ejja nersqu lejh b’qalb sinċiera u b’fiduċja sħiħa, għax il-qalb u l-kuxjenza ħażina tagħna ġew imnaddfin,* u l-ġisem tagħna ġie maħsul b’ilma nadif. 23  Ejja nkomplu nxandru bla waqfien dwar it-tama tagħna mingħajr ma niddubitaw, għax dak li għamel il-wegħda hu leali. 24  Ejja naħsbu f’xulxin* ħalli jkun hemm iktar imħabba* u nagħmlu affarijiet tajbin. 25  Ukoll, m’għandniex nieqfu nattendu l-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa xi wħud, imma għandna ninkuraġġixxu lil xulxin, iktar u iktar hekk kif naraw il-jum t’Alla riesaq qrib. 26  Jekk nagħmlu dnub apposta wara li nkunu rċivejna l-għarfien eżatt tal-verità, allura m’hemm ebda sagrifiċċju li jeħlisna mid-dnub. 27  Minflok, li jkun hemm żgur jistenniena hu ġudizzju tal-biżaʼ u rabja kbira li se tkun bħal nar u se teqred lil dawk li jiħduha kontra Alla. 28  Kull min ma kienx jagħti kas il-Liġi taʼ Mosè kien jinqatel mingħajr ħniena fuq xhieda taʼ tnejn jew tlieta. 29  Mela żgur ikun ħaqqu kastig ħafna akbar min ikun qisu għaffeġ taħt saqajh lill-Iben t’Alla u qies id-demm tal-patt li bih ġie mqaddes bħala li ma jiswa xejn, u min ikun wera diżrispett kbir lejn l-ispirtu li Alla juża biex juri qalb tajba kbira. 30  Għax aħna nafu li Alla qal: “Il-vendetta hi tiegħi; jien inħallas.” U reġaʼ: “Ġeħova* se jiġġudika lill-poplu tiegħu.” 31  Hi xi ħaġa tal-biżaʼ li tiġi kkastigat mill-Alla l-ħaj. 32  Madankollu, ibqgħu ftakru li wara li ħadtu l-għarfien tal-verità,* intom issaportejtu ħafna affarijiet minkejja t-tbatijiet li kellkom. 33  Xi kultant intom ġejtu ttrattati ħażin u mgħajrin quddiem in-nies,* u drabi oħra għentu lil* dawk li kienu qed jgħaddu minn esperjenzi simili. 34  Għax intom urejtu li ħassejtu għall-aħwa li qegħdin fil-ħabs u aċċettajtu bil-ferħ li tiġu misruqin mill-affarijiet tagħkom, minħabba li tafu li għandkom wirt aħjar u li jibqaʼ. 35  Għalhekk, komplu tkellmu bil-kuraġġ,* għax b’hekk tiġu ppremjati bil-kbir. 36  Għax għandkom bżonn tissaportu, ħalli wara li tkunu għamiltu dak li jrid Alla, tkunu tistgħu tirċievu dak li ġie mwiegħed. 37  Ftit ieħor” u “jasal il-wieħed li ġej u mhux se jkun tard.” 38  “Imma l-ġust se jgħix minħabba l-fidi tiegħu,” u “jekk hu jitbiegħed minni, jien* ma niħux pjaċir bih.” 39  Issa aħna m’aħniex it-tip li nitbiegħdu minn Alla għax nibżgħu u b’hekk niġu meqrudin, imma t-tip li għandna l-fidi u nsalvaw ħajjitna.*

Noti taʼ taħt

Jew forsi “l-qassisin.”
Jew “li jagħmlu d-dnub.”
Letteralment “Fl-iskroll tal-ktieb.”
Jew “jagħmel servizz qaddis.”
Letteralment “inawgura.”
Letteralment “id-dar.”
Letteralment “imraxxin,” jiġifieri d-demm taʼ Ġesù ġie mraxxax fuqhom.
Jew “nagħtu kas xulxin.”
Jew “niġu mmotivati nuru mħabba.”
Letteralment “ġejtu mdawlin.”
Letteralment “bħallikieku f’teatru.”
Jew “kellkom sehem maʼ.”
Letteralment “bil-libertà tal-kelma.”
Jew “ruħi.”
Jew “ruħna.”