Ittra lil-Lhud 11:1-40

  • Xi tfisser il-fidi (1, 2)

  • Eżempji taʼ wħud li wrew fidi (3-40)

    • Ma jistax ikun li nogħġbu lil Alla jekk ma jkollniex fidi (6)

11  Il-fidi tfisser li nkunu ċerti li dak li nittamaw għalih se jiġri. Il-fidi hi l-evidenza konvinċenti* li l-affarijiet li ma jidhrux jeżistu.  Għax peress li n-nies tal-qedem* kellhom din il-fidi, Alla wera li kien kuntent bihom.  Bil-fidi nifhmu li l-affarijiet fis-sema u fuq l-art* tpoġġew fl-ordni bil-kelma t’Alla, għalhekk dak li jidher beda jeżisti mill-affarijiet li ma jidhrux.  Bil-fidi, Abel offra sagrifiċċju lil Alla aħjar minn dak taʼ Kajjin, u permezz ta’ din il-fidi hu ngħata xhieda li kien ġust, għax Alla aċċetta r-rigali* tiegħu. Għalkemm miet, nistgħu nkomplu nitgħallmu mill-fidi tiegħu.  Bil-fidi, Enok ittieħed biex ma jbatix meta jmut, u ma setaʼ jinstab imkien għax Alla kien ħadu;* imma qabel ġara hekk, hu ngħata xhieda li kien għoġob sew lil Alla.  Iktar minn hekk, ma jistax ikun li nogħġbu lil Alla sew jekk ma jkollniex fidi, għax kull min jersaq lejn Alla għandu jemmen li jeżisti u li jippremja lil dawk li jaqduh bil-ħeġġa.  Bil-fidi, Noè wera li jirrispetta ħafna lil* Alla u bena arka biex isalva lill-familja tiegħu meta ġie mwissi minn qabel dwar affarijiet li kienu għadhom ma dehrux. Permezz taʼ din il-fidi, hu kkundanna d-dinja, u hu ġie ddikjarat ġust għax kellu l-fidi.  Bil-fidi, Abraham obda meta ntalab biex imur f’post li kien se jirċievi bħala wirt, avolja ma kienx jaf fejn kien sejjer.  Bil-fidi għex bħala barrani fl-art li ġie mwiegħed. Hu għex fit-tined maʼ Iżakk u Ġakobb, li anki lilhom Alla kien wiegħed li se jagħtihom din l-art. 10  Għax Abraham kien qed jistenna l-belt mibnija fis-sod, li ddisinjaha u bnieha* Alla. 11  Bil-fidi anki Sara rċiviet il-qawwa biex toħroġ tqila,* saħansitra meta għadda ż-żmien li setaʼ jkollha t-tfal, għax hi emmnet li dak li għamlilha l-wegħda kien leali.* 12  Minħabba f’hekk, minn Abraham, raġel wieħed li deher li ma setax ikollu iktar tfal,* twieldu tfal daqs l-istilel fis-sema u li ma jingħaddux daqs ir-ramel f’xatt il-baħar. 13  Huma kollha baqgħu leali sal-mewt, għalkemm ma ngħatawx dak li ġie mwiegħed lilhom. Minkejja li dawn il-wegħdi kienu se jitwettqu fil-futur, għalihom kienu qishom diġà rawhom u ferħu bihom, u qalu pubblikament li huma kienu barranin u residenti temporanji fejn kienu qed jgħixu. 14  Għax dawk kollha li jitkellmu b’dan il-mod juru li qed ifittxu bil-ħeġġa li jkollhom post tagħhom. 15  Imma kieku baqgħu jaħsbu dwar il-post li telqu minnu, kien ikollhom opportunità jerġgħu jmorru. 16  Imma huma qed jirsistu għal post aħjar, jiġifieri wieħed tas-sema. Għalhekk, Alla ma jistħix jgħid li hu l-Alla tagħhom, għax hu pprepara għalihom belt. 17  Bil-fidi, Abraham daqslikieku offra lil Iżakk meta Alla ttestjah. Iva, ir-raġel li aċċetta bil-ferħ il-wegħda pprova joffri lill-uniku tifel tiegħu, 18  għalkemm kien intqallu: “Id-dixxendenti tiegħek* se jiġu minn Iżakk.” 19  Hu kien jemmen li Alla setaʼ jqajmu mill-mewt, u għalhekk hu kien qisu rċivieh lura mill-mewt. Dan wera x’kien se jiġri fil-futur. 20  Bil-fidi, Iżakk bierek lil Ġakobb u lil Għesaw u qalilhom x’kien se jiġri fil-futur. 21  Bil-fidi, Ġakobb bierek iż-żewġt itfal taʼ Ġużeppi u qiem lil Alla waqt li straħ mal-bastun tiegħu meta kien wasal biex imut. 22  Bil-fidi, Ġużeppi tkellem dwar li l-Iżraelin se joħorġu mill-Eġittu u ta kmand biex jieħdu l-għadam tiegħu minn hemm.* Hu għamel dan meta kien qed imut. 23  Bil-fidi, il-ġenituri taʼ Mosè ħbewh għal tliet xhur wara li twieled, għax raw li kien tifel gustuż u ma beżgħux mill-kmand tar-re. 24  Bil-fidi, Mosè meta kiber irrifjuta li jissejjaħ it-tifel tat-tifla tal-Fargħun 25  u għażel li jiġi ttrattat ħażin mal-poplu t’Alla minflok igawdi l-pjaċiri temporanji tad-dnub. 26  Għamel dan għax ikkunsidra t-tmaqdir li bata bħala l-wieħed magħżul minn Alla* ħafna iktar taʼ valur mit-teżori tal-Eġittu, peress li stenna b’qalbu kollha li jirċievi l-wegħda. 27  Bil-fidi, hu ma beżax mir-rabja tar-re u telaq mill-Eġittu, għax baqaʼ jżomm fidi soda bħallikieku qed jara lill-Wieħed li ma jidhirx. 28  Bil-fidi ċċelebra l-Qbiż u raxxax id-demm mal-koxox tal-bieb, biex l-anġlu t’Alla ma joqtolx lill-ewwel imwieled tagħhom. 29  Bil-fidi, l-Iżraelin għaddew mill-Baħar l-Aħmar bħallikieku kienu għaddejjin fuq art niexfa, imma meta pprovaw jgħaddu l-Eġizzjani, għerqu. 30  Bil-fidi, l-Iżraelin immarċjaw madwar is-swar taʼ Ġeriko għal sebat ijiem, imbagħad is-swar waqgħu. 31  Bil-fidi, Raħab il-prostituta ma nqerditx maʼ dawk li m’obdewx lil Alla, għax laqgħet lill-ispiji bil-paċi. 32  Hemm bżonn nagħti iżjed eżempji? Lanqas ikolli biżżejjed ħin kieku kelli nirrakkonta dwar Gidegħon, Barak, Sansun, Ġefta, David, Samwel, u l-profeti l-oħrajn. 33  Permezz tal-fidi rebħu lir-rejiet, ġabu l-ġustizzja, għamlulhom wegħdi, għalqu ħalq l-iljuni, 34  il-qawwa tan-nar m’għamlitilhom xejn, ħelsuha milli jinqatlu bix-xabla, minn dgħajfin saru b’saħħithom, ma beżgħux jiġġieldu fil-gwerer, u ħarbtu l-armati li attakkawhom. 35  Il-maħbubin mejtin taʼ xi nisa ġew irxoxtati, imma rġiel oħra ġew ittorturati għax ma għamlux kompromess biex jinħelsu, ħalli jkollhom ħajja aħjar wara l-irxoxt tagħhom. 36  Iva, oħrajn ġew ipprovati billi ġew imwaqqgħin għaċ-ċajt u msawtin, anzi iktar minn hekk, ġew marbutin bil-ktajjen u mitfugħin il-ħabs. 37  Waddbulhom il-ġebel biex joqtluhom, għaddewhom minn prova, qasmuhom fi tnejn, qatluhom bix-xabla, u kienu jilbsu l-ġlud tan-nagħaġ u l-mogħoż. Huma kienu fil-bżonn, għaddejjin mit-tbatija, u ttrattati ħażin. 38  Id-dinja ma kienx ħaqqha li jkollha nies bħal dawn. Huma għexu fid-deżert, fil-muntanji, fl-għerien, u fil-ħofor fl-art. 39  Imma dawn kollha, għalkemm Alla wriehom li kien kuntent bihom minħabba l-fidi tagħhom, ma ħadux dak li ġie mwiegħed lilhom, 40  għax Alla kellu f’moħħu li l-ewwel jagħti xi ħaġa aħjar lilna, u b’hekk ma jkunux mingħajr dnub qabilna.

Noti taʼ taħt

Jew “it-turija evidenti.”
Jew “l-antenati tagħna.”
Jew “is-sistemi tal-affarijiet.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Jew “ta xhieda li kien kuntent bir-rigali.”
Letteralment “ittrasferieh.” Dan jirreferi għal kif Enok miet. Hu possibbli li Alla ħadu u ħallieh imut fil-paċi minflok ma jinqatel mill-għedewwa tiegħu.
Letteralment “jibżaʼ minn.”
Jew “il-perit u l-bennej tagħha hu.”
Jew “tqila b’dixxendent.”
Jew “taʼ min jafdah.”
Letteralment “li deher diġà mejjet.”
Jew “Nislek; Dawk li se jiġu minnek.”
Jew “ta istruzzjonijiet dwar id-difna tiegħu.”
Letteralment “bħala l-Kristu.”