Ittra lil-Lhud 12:1-29

  • Ġesù hu Dak li jagħmel il-fidi tagħna perfetta (1-3)

    • Grupp kbir taʼ xhieda hu bħal sħaba kbira madwarna (1)

  • Tinjorawx id-dixxiplina taʼ Ġeħova (4-11)

  • Imxu dritt fit-triq it-tajba (12-17)

  • Nersqu lejn Ġerusalemm tas-sema (18-29)

12  Dan il-grupp kbir taʼ nies hu bħal sħaba kbira madwarna. Huma xhieda tal-affarijiet li raw u semgħu. Mela ejja nneħħu kull piż u d-dnub li jfixkilna faċilment u nissaportu waqt li niġru t-tiġrija li qegħdin fiha.  Ejja nagħmlu dan waqt li niffokaw fuq Ġesù, il-Mexxej Magħżul* minn Alla u Dak li jagħmel il-fidi tagħna perfetta. Peress li kien jaf li se jkun ferħan fil-futur, hu ssaporta z-zokk tat-tortura* u ma tax kas li se jiġi ddiżonorat, u issa qiegħed bilqiegħda fuq il-lemin tat-tron t’Alla.  Għalhekk, aħsbu sew dwar l-eżempju taʼ dak li kellu jissaporti lin-nies li ħaduha kontrih b’dak li qalu u li kkundannaw lilhom infushom meta għamlu dan, ħalli ma tegħjewx u taqtgħu qalbkom.  Il-ġlieda tagħkom kontra d-dnub għadha ma wasslitkomx sal-punt li mittu.  Intom insejtu għalkollox dak li ħeġġiġkom tagħmlu Alla bħala t-tfal tiegħu: “Ibni, tmaqdarx id-dixxiplina mingħand Ġeħova,* u taqtax qalbek meta jikkoreġik;  għax Ġeħova* jiddixxiplina lil min iħobb. Fil-fatt, hu jikkastiga* lil kull min jilqaʼ bħala ibnu.”  Li tissaportu hu parti mid-dixxiplina* tagħkom. Alla qed jittrattakom bħala t-tfal tiegħu. Għax m’hemmx tifel li ma jiġix iddixxiplinat minn missieru.  Imma jekk Alla ma jiddixxiplinakomx bħalma jagħmel lill-oħrajn, mela m’intomx vera t-tfal tiegħu, imma taʼ ħaddieħor.  Iktar minn hekk, missirijietna* kienu jiddixxiplinawna u aħna konna nirrispettawhom. Mela kemm għandna iktar naċċettaw l-awtorità taʼ Missierna tas-sema li jiggwidana permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu u b’hekk ngħixu. 10  Għax huma ddixxiplinawna għal ftit żmien skont kif dehrilhom li hu tajjeb, imma hu jiddixxiplinana għall-ġid tagħna biex inkunu qaddisin bħalu. 11  Veru li meta niġu ddixxiplinati ma nħossuniex ferħanin, imma nkunu mdejqin.* Però, jekk naċċettaw id-dixxiplina, se nkunu nistgħu ngħixu sew u fil-paċi. 12  Għalhekk, saħħu l-idejn merħijin u l-irkopptejn dgħajfin, 13  u komplu imxu dritt fit-triq it-tajba, ħalli l-partijiet dgħajfin ma jinqalgħux mill-ġogi, imma jiġu mfejqa. 14  Araw li tkunu fil-paċi man-nies kollha u li tgħixu ħajja qaddisa,* għax jekk ma tgħixux hekk ma tistgħux taraw lill-Mulej. 15  Agħmlu ċert li kulħadd jibqaʼ jintwera l-qalb tajba kbira t’Alla, ħalli ma jkunx hemm xi ħadd bħal għeruq taʼ pjanta velenuża li tikber, għax dan jaqlaʼ l-problemi u jqarraq b’ħafna. 16  Oqogħdu attenti li ma jkunx hemm fostkom xi ħadd li jieħu sehem fl-immoralità sesswali* jew xi ħadd li ma japprezzax l-affarijiet qaddisa bħal Għesaw, li partat id-dritt tiegħu bħala l-ewwel imwieled maʼ ikla. 17  Għax intom tafu li wara li ried jiret il-barka, ma tħalliex. Għalkemm talab bil-ħniena lil missieru u pprova jikkonvinċih bid-dmugħ f’għajnejh, kien għalxejn. 18  Għax intom ma rsaqtux lejn muntanja li tistgħu tmissuha u li ġiet imqabbda bin-nar, u lejn sħaba sewda, dalma ħoxna, u maltempata, 19  u lejn il-ħoss taʼ trumbetta u l-leħen jitkellem mis-sema. Malli semgħu dak li kien qed jgħid, in-nies talbu bil-ħniena lil Mosè biex ma jibqgħux jisimgħu l-leħen. 20  Għax diġà kienu mbeżżgħin bil-kmand: “Anki jekk bhima tmiss il-muntanja, għandhom iwaddbulha l-ġebel biex joqtluha.” 21  Ukoll, dak li raw tant kemm kien tat-twerwir li Mosè qal: “Qed nibżaʼ u nirtogħod.” 22  Imma intom ersaqtu lejn il-Muntanja Sijon u l-belt tal-Alla l-ħaj, jiġifieri Ġerusalemm tas-sema, lejn l-għaxriet t’eluf t’anġli 23  miġburin flimkien, lejn il-kongregazzjoni tal-ewwel imwieled li l-ismijiet tan-nies tagħha huma miktubin fis-sema, lejn Alla l-Imħallef taʼ kulħadd, lejn il-ħajja spiritwali tal-ġusti li ntgħamlu perfetti, 24  lejn Ġesù l-medjatur* taʼ patt ġdid, u lejn id-demm ta’ Ġesù li ġie mraxxax fuqna, li hu aħjar mid-demm t’Abel. 25  Kunu ċerti li tisimgħu minn* dak li qed jitkellem. Fil-passat, in-nies ma semgħux minn dak li qal Alla* u ġew ikkastigati. Allura kemm se niġu kkastigati iktar aħna jekk ma nisimgħux mil-leħen taʼ dak li jitkellem mis-sema! 26  F’dak iż-żmien leħnu heżżeż l-art, imma issa wiegħed: “Apparti li se nheżżeż l-art għal darb’oħra, jien se nheżżeż is-sema wkoll.” 27  L-espressjoni “għal darb’oħra” turi li Alla se jneħħi l-affarijiet li qed jitheżżu, jiġifieri dak li ma ħalaqx hu, biex jibqgħu l-affarijiet li mhux qed jitheżżu. 28  Għalhekk, peress li se nirċievu Saltna li ma tistax titheżżeż, ejja nagħmlu sforz biex inkomplu nibbenefikaw mill-qalb tajba kbira t’Alla, li permezz tagħha nistgħu naqduh b’mod aċċettabbli bil-biżaʼ u b’rispett kbir. 29  Fil-fatt, l-Alla tagħna hu bħal nar li jeqred.

Noti taʼ taħt

Jew “l-Aġent Ewlieni.”
Letteralment “isawwat.”
Jew “mit-trejning.”
Jew “missirijietna letterali.”
Jew “muġugħin.”
Jew “li tkunu qaddisin.”
Jew “li ma ġġibux skużi quddiem; li ma tinjorawx lil.”
Jew forsi “minn dak li kien qed iwassal twissija qaddisa fuq l-art.”