Ittra lil-Lhud 6:1-20
6 Għalhekk, issa li diġà tgħallimna t-tagħlim bażiku dwar il-Kristu, ejja nimmaturaw u ma nkunux kuntenti biss li nerġgħu nagħmlu l-pedament. Il-pedament hu l-indiema, li ma nagħmlux xogħol li ma jiswa għal xejn,* u li jkollna fidi f’Alla;
2 it-tagħlim dwar il-magħmudijiet u t-tqegħid tal-idejn; u l-irxoxt tal-mejtin u l-ġudizzju li jibqaʼ jgħodd għal dejjem.
3 Jekk dan hu li jrid Alla, nagħmluh.
4 Hemm dawk li darba kienu aċċettaw id-dawl, irċivew ir-rigal b’xejn tas-sema, kellhom sehem mill-ispirtu qaddis,
5 u rċivew il-kelma mill-aqwa t’Alla u l-barkiet li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja taʼ dejjem fil-futur,*
6 imma mbagħad tbiegħdu mill-fidi. Lil dawn hu impossibbli li xi ħadd jgħinhom jerġgħu jindmu, għax huma bħallikieku qed jerġgħu jsammru lill-Iben t’Alla maz-zokk u jwaqqgħuh għaċ-ċajt quddiem kulħadd.
7 Dan hu bħal art li tirċievi l-barka mingħand Alla għax spiss tinżel ix-xita fuqha, imbagħad tipproduċi ħaxix biex jittiekel minn dawk li jaħdmuha.
8 Imma jekk l-art tipproduċi xewk u għollieq, din ma tkun tiswa għal xejn u Alla ma jdumx ma jisħitha u fl-aħħar tispiċċa maħruqa.
9 Imma fil-każ tagħkom, għeżież aħwa, għalkemm qed nitkellmu b’dan il-mod, aħna konvinti li intom qegħdin f’pożizzjoni aħjar minn dawk li tbiegħdu mill-fidi u li qed tagħmlu affarijiet ħalli Alla jkun jistaʼ jsalvakom.
10 Alla hu ġust u mhux se jinsa dak li għamiltu u l-imħabba li wrejtu għal ismu, billi qdejtu lill-qaddisin u għadkom taqduhom.
11 Imma aħna nixtiequ li kull wieħed minnkom juri l-istess ħeġġa ħalli jkun konvint għalkollox mit-tama sal-aħħar
12 u ma jitgħażżinx. Imma minflok, għandu jimita lil dawk li permezz tal-fidi u l-paċenzja se jirċievu dak li ġie mwiegħed lilhom.
13 Għax meta Alla għamel il-wegħda lil Abraham, hu ħalef bih innifsu, għax ma jistax jaħlef b’xi ħadd akbar minnu.
14 Hu qallu: “Jien żgur li nbierkek u nżid lid-dixxendent tiegħek.”*
15 Għalhekk, Abraham irċieva din il-wegħda wara li wera paċenzja.
16 In-nies jaħilfu b’xi ħadd akbar minnhom, u ħalfa bħal din għalihom hi garanzija li twaqqaf kull kwistjoni.
17 Bl-istess mod, meta Alla ddeċieda li juri b’mod iktar ċar lil dawk li se jirtu l-wegħda li l-iskop tiegħu ma nbidilx, hu ta garanzija taʼ* dan b’ħalfa.
18 Il-wegħda u l-ħalfa li Alla għamel ma jistgħux jinbidlu, u Alla qatt ma jigdeb. Aħna li dorna lejn Alla għall-protezzjoni nistgħu niġu verament inkuraġġiti biex ikollna fiduċja sħiħa fit-tama li għandna.
19 Din it-tama hi bħal ankra għalina,* li tgħinna biex inkunu sodi u żguri. Din twassalna wara l-purtiera tat-tempju,*
20 fejn Ġesù daħal qabilna u b’hekk fetaħ u pprepara triq għalina. Hu sar qassis bħalma kien Melkisedek u se jkun qassis għal dejjem.
Noti taʼ taħt
^ Letteralment “xogħlijiet mejta.”
^ Jew “mas-sistema tal-affarijiet li ġejja.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
^ Jew “lil nislek.”
^ Jew “ikkonferma.”
^ Jew “għal ruħna.”
^ Din tirreferi għall-purtiera li tissepara l-Qaddis mill-Iktar Qaddis.