Ittra lil-Lhud 8:1-13
8 Dan hu l-iktar punt importanti taʼ dak li qed ngħidu: Aħna għandna qassis kbir bħal dan, u hu qagħad bilqiegħda fuq il-lemin tat-tron tal-Alla l-Kbir fis-sema,
2 u hu qaddej tal-post qaddis u tat-tabernaklu* veru, li għamlu Ġeħova* u mhux il-bniedem.
3 Għax kull qassis kbir hu inkarigat biex joffri kemm rigali u kemm sagrifiċċji. Għalhekk kien hemm bżonn li anki Ġesù joffri sagrifiċċju.
4 Li kieku kien fuq l-art, ma kienx ikun qassis, għax diġà hemm qassisin li joffru rigali skont il-Liġi.
5 Is-servizz qaddis li qed joffru dawn l-irġiel hu biss mudell u rappreżentazzjoni tal-affarijiet fis-sema. Dan intwera meta Alla kkmanda lil Mosè kif għandu jibni t-tabernaklu.* Hu qallu: “Qis li tagħmel kollox skont il-mudell li qed nurik fuq il-muntanja.”
6 Imma issa Ġesù rċieva inkarigu ħafna aħjar minn dak tal-qassisin taʼ qablu, għax hu wkoll il-medjatur* taʼ patt aħjar li ġie stabbilit legalment fuq wegħdi aħjar.
7 Kieku l-ewwel patt kien bla difett, ma kienx ikun hemm bżonn ieħor.
8 Għax Alla jsib nuqqas fin-nies. Infatti, “Ġeħova* jgħid: ‘Ġej iż-żmien meta jien nagħmel patt ġdid man-nies t’Iżrael u man-nies taʼ Ġuda.ʼ
9 Ġeħova* jgħid ukoll: ‘Dan mhux se jkun bħall-patt li għamilt maʼ missirijiethom dakinhar li qbadthom minn idhom u ħriġthom mill-art tal-Eġittu, għax huma ma baqgħux fil-patt tiegħi, għalhekk ma bqajtx nieħu ħsiebhom.’
10 “Ġeħova* jgħid: ‘Wara dak iż-żmien, dan hu l-patt li se nagħmel man-nies t’Iżrael. Jien se npoġġi l-liġijiet tiegħi f’moħħhom u niktibhom f’qalbhom. Jien insir Alla tagħhom, u huma jsiru l-poplu tiegħi.
11 “‘U ħadd minnhom ma jgħid iktar liċ-ċittadin sieħbu jew lil ħuh: “Sir af lil Ġeħova!”* Għax kollha se jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir.
12 Għax jien se naħfer l-affarijiet inġusti li għamlu u ma nibqax niftakar id-dnubiet tagħhom.’”
13 Meta qal “patt ġdid,” hu warrab il-patt taʼ qabel. Issa dak li hu mwarrab u qadim wasal biex jiġi fix-xejn.