L-Aħbar Tajba Skont Luqa 13:1-35

  • Indmu jew tinqerdu (1-5)

  • L-eżempju tas-siġra tat-tin li ma tagħmilx frott (6-9)

  • Mara mgħawġa ganċ tiġi mfejqa fis-Sabat (10-17)

  • L-eżempji taż-żerriegħa tal-mustarda u l-ħmira (18-21)

  • Hemm bżonn sforz biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq (22-30)

  • Erodi, “dak il-volpi” (31-33)

  • Ġesù jgerger dwar Ġerusalemm (34, 35)

13  Dak iż-żmien, xi wħud li kienu preżenti qalulu dwar in-nies mill-Galilija li kienu ġew maqtula minn Pilatu waqt li offrew is-sagrifiċċji.  Hu wiġibhom: “Taħsbu li dawn mietu għax għamlu iktar dnubiet min-nies tal-Galilija kollha?  Dażgur li le! Imma jekk ma tindmux, anki intom tmutu.  Jew taħsbu li t-18 li waqaʼ fuqhom it-torri f’Silogħam u mietu kienu iktar ħatjin min-nies l-oħra kollha taʼ Ġerusalemm?  Dażgur li le! Imma jekk ma tindmux, anki intom tmutu.”  Imbagħad qalilhom dan l-eżempju: “Raġel kellu siġra tat-tin fl-għalqa tad-dwieli tiegħu u mar jara jekk fihiex frott, imma ma kellhiex.  Imbagħad qal lil dak li kien jiħodlu ħsieb id-dwieli, ‘Ili tliet snin niġi nara jekk fihiex tin, imma ma nsibx. Qaċċatha! Għala għandha tieħu l-ispazju għalxejn?’  Hu wieġbu, ‘Sinjur, ħalliha sena oħra sakemm inħaffer madwarha u nitfgħalha d-demel.  Jekk imbagħad tagħmel il-frott, tajjeb; imma jekk le, qaċċatha.’” 10  Issa Ġesù kien qed jgħallem f’waħda mis-sinagogi fis-Sabat. 11  Hemmhekk kien hemm mara li kienet ilha 18-il sena marida minħabba li kellha demonju. Hi kienet mgħawġa ganċ u ma setgħetx tiddritta. 12  Meta raha, Ġesù għajtilha u qalilha: “Int inħlist mill-marda tiegħek.” 13  Imbagħad poġġa jdejh fuqha u hi ddrittat mill-ewwel u bdiet tfaħħar lil Alla. 14  Imma l-mexxej tas-sinagoga rrabja ħafna peress li Ġesù fejjaq fis-Sabat. Għalhekk qal lill-folla: “Hemm sitt ijiem li fihom għandu jsir ix-xogħol. Mela ejjew f’dawk il-ġranet biex tiġu mfejqa, u mhux fis-Sabat.” 15  Imma l-Mulej wieġbu: “Ja ipokriti! Mhux kull wieħed minnkom iħoll il-barri jew il-ħmar tiegħu mill-istalla u jieħdu jixrob fis-Sabat? 16  Allura, m’għandhiex din il-mara li tiġi minn Abraham u li Satana ġegħelha tbati għal 18-il sena tinħeles fis-Sabat?” 17  Meta qal dan, dawk kollha li kienu qed jiħduha kontrih bdew jistħu, imma l-folla bdiet tifraħ bl-affarijiet mill-isbaħ kollha li kien għamel. 18  Għalhekk hu kompla jgħid: “Maʼ xiex nistaʼ nqabbilha s-Saltna t’Alla?* 19  Din hi bħal żerriegħa tal-mustarda li raġel żeraʼ fil-ġnien tiegħu. Din kibret u saret siġra, u l-għasafar għamlu l-bejtiet fil-friegħi tagħha.” 20  Hu reġaʼ qal: “Maʼ xiex nistaʼ nqabbilha s-Saltna t’Alla? 21  Din hi bħal ħmira li mara ħalltitha maʼ ħafna dqiq,* u mbagħad l-għaġina kollha għoliet.” 22  Fi triqtu lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn belt għal belt u minn raħal għal raħal jgħallem lin-nies. 23  U raġel staqsieh: “Mulej, jaqaw ftit se jsalvaw?” Hu qalilhom: 24  “Stinkaw kemm tifilħu biex tidħlu mill-bieb id-dejjaq, għax naċċertakom li ħafna se jipprovaw jidħlu imma ma jirnexxilhomx. 25  Meta sid id-dar iqum u jsakkar il-bieb, intom toqogħdu barra tħabbtu fuq il-bieb u tgħidu, ‘Mulej iftħilna.’ Imma hu jwiġibkom: ‘Ma nafx min intom.’ 26  Imbagħad tibdew tgħidu, ‘Aħna kilna u xrobna quddiemek, u int għallimt fit-toroq prinċipali tagħna.’ 27  Imma hu jgħidilkom, ‘Ma nafx min intom. Itilqu minn hawn, intom li tagħmlu l-ħażen!’ 28  Meta taraw lil Abraham, Iżakk, Ġakobb, u l-profeti kollha fis-Saltna t’Alla, intom se tiġu mitfugħin ’il barra fejn se tibku u tħossukom iddisprati.* 29  Iktar minn hekk, in-nies se jiġu mil-Lvant u l-Punent, u mit-Tramuntana u n-Nofsinhar, u joqogħdu mal-mejda fis-Saltna t’Alla. 30  Għalhekk xi wħud minn tal-aħħar se jiġu l-ewwel, u xi wħud minn tal-ewwel se jiġu l-aħħar.” 31  Dak il-ħin stess marru xi Fariżej ħdejh u qalulu: “Itlaq minn hawn, għax Erodi jrid joqtlok.” 32  Hu wiġibhom: “Morru għidu lil dak il-volpi, ‘Illum u għada se nkeċċi d-demonji u nfejjaq lin-nies, u fit-tielet jum inkun lest.’ 33  Imma jiġri x’jiġri, jien se nkompli bix-xogħol illum, għada, u pitgħada, u nkompli nivvjaġġa għax ma jistax ikun li profeta jinqatel barra Ġerusalemm.” 34  Imbagħad qal: “Ġerusalemm, Ġerusalemm, int toqtol il-profeti u twaddab il-ġebel lil dawk li ntbagħtu għandek! Jien kemm-il darba pprovajt niġbor lit-tfal tiegħek flimkien, bħalma tiġieġa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwinħajha. Imma intom ma ridtux! 35  Alla se jabbanduna t-tempju* tagħkom. Intom żgur mhux se tarawni minn issa sa dakinhar li tgħidu: ‘Ħa jkun imbierek dak li jiġi f’isem Ġeħova!’”*

Noti taʼ taħt

Jew “il-Gvern (it-Tmexxija) t’Alla.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.
Letteralment “maʼ tliet seat dqiq.” Sea kien daqs 7.33 litri. Ara App. B14.
Letteralment “theżżu snienkom.”
Letteralment “id-dar.”