L-Aħbar Tajba Skont Luqa 14:1-35

  • Raġel bl-idropsija jiġi mfejjaq fis-Sabat (1-6)

  • Meta tkun mistieden uri umiltà (7-11)

  • Stieden lil dawk li ma jistgħux ipattulek lura (12-14)

  • L-eżempju tal-mistidnin li m’aċċettawx l-istedina (15-24)

  • X’jinvolvi li tkun dixxiplu (25-33)

  • Melħ li jitlef it-togħma tiegħu (34, 35)

14  Darba minnhom, hu daħal jiekol f’dar taʼ wieħed mill-mexxejja tal-Fariżej fis-Sabat u huma kienu għassa tiegħu.  Quddiemu kien hemm raġel marid bl-idropsija.*  Għalhekk, Ġesù staqsa lil dawk li kienu jafu sew il-Liġi u lill-Fariżej: “Skont il-Liġi, tistaʼ tfejjaq fis-Sabat jew le?”  Imma huma ma qalu xejn. Għalhekk, hu mess lir-raġel, fejqu, u bagħtu.  Imbagħad qalilhom: “Min minnkom jekk jaqagħlu t-tifel jew il-barri ġo bir, ma jtellgħux mill-ewwel avolja jkun is-Sabat?”  U huma ma kinux kapaċi jwiġbuh.  Imbagħad meta nnota li l-mistidnin kienu qed jagħżlu l-iktar postijiet importanti, hu tahom dan l-eżempju:  “Meta tkun mistieden għal tieġ, toqgħodx bilqiegħda fl-iktar post importanti, għax jistaʼ jkun hemm xi ħadd iktar importanti minnek.  Imbagħad dak li jkun stiednek jiġi u jgħidlek, ‘Ċedilu postok lil dan ir-raġel.’ B’hekk tibda tistħi waqt li tmur lejn l-aħħar post. 10  Imma meta tkun mistieden, mur fl-aħħar post, ħalli meta jiġi dak li stiednek jgħidlek, ‘Ħabib, mur f’post aħjar.’ B’hekk int tiġi onorat quddiem il-mistidnin l-oħra kollha. 11  Għax kull min jiftaħar bih innifsu jiġi umiljat, u kull min hu umli se jiġi mfaħħar.” 12  Wara qal lir-raġel li stiednu: “Meta tagħmel ikla taʼ nofsinhar jew taʼ filgħaxija, tistidinx lill-ħbieb, lil ħutek, lil dawk li jiġu minnek, jew lill-ġirien sinjuri tiegħek. Inkella dawn ukoll jaf jistidnuk għandhom, u jpattulek li tkun għamilt magħhom. 13  Imma meta tagħmel ikla kbira, stieden lil dawk li huma foqra, izappu, ma jarawx, jew għandhom xi diżabbiltà oħra. 14  B’hekk tkun ferħan, għax huma m’għandhomx biex ipattulek lura. Int se tiġi ppremjat meta jkun hemm l-irxoxt tan-nies sewwa.” 15  Meta wieħed mill-mistidnin semaʼ dan, qallu: “Ferħan ikun min jiekol* fis-Saltna t’Alla.” 16  Ġesù qallu: “Wieħed raġel għamel ikla kbira filgħaxija, u stieden lil ħafna nies. 17  Xħin sar il-ħin għall-ikla, hu bagħat lill-ilsir tiegħu biex jgħid lill-mistidnin, ‘Ejjew, għax l-ikel lest.’ 18  Imma kollha bdew iġibu l-iskużi. L-ewwel wieħed qallu, ‘Xtrajt għalqa u rrid immur naraha. Skużani ma nistax niġi.’ 19  Ieħor qallu, ‘Xtrajt ħames pari barrin u sejjer nara kif jaħdmu l-għalqa. Skużani ma nistax niġi.’ 20  Jerġaʼ ieħor qallu, ‘Għadni kif iżżewwiġt. Skużani ma nistax niġi.’ 21  Għalhekk, l-ilsir mar jgħid dan lil sidu. Imbagħad sid id-dar irrabja u qallu, ‘Mur malajr fit-toroq prinċipali u fl-isqaqien tal-belt, u ġib lil dawk li huma foqra, ma jarawx, izappu, jew għandhom xi diżabbiltà oħra.’ 22  Xħin ġie lura, l-ilsir qallu, ‘Sidi, għamilt bħalma għedtli imma għad hemm fejn tistieden iktar.’ 23  Għalhekk sidu qallu, ‘Oħroġ fit-toroq taʼ barra l-belt u ħeġġeġ lin-nies biex jiġu ħalli d-dar tiegħi tkun mimlija. 24  Għax naċċertak li ħadd minn dawk li ġew mistidnin fil-bidu ma jduq l-ikla taʼ filgħaxija tiegħi.’” 25  Issa kien hemm folol kbar jivvjaġġaw miegħu. Hu dar u qalilhom: 26  “Jekk xi ħadd jiġi għandi imma jħobb iktar lil missieru, lil ommu, lill-mara, lit-tfal, lil ħutu, u saħansitra lilu stess iktar milli jħobb lili,* ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. 27  Min mhux lest li jissaporti l-persekuzzjoni* u jiġi warajja ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. 28  Pereżempju, min minnkom li jkun irid jibni torri ma joqgħodx l-ewwel bilqiegħda u jikkalkula l-ispejjeż, biex jara jekk għandux biżżejjed biex ilestih? 29  Jekk ma jagħmilx hekk, jaf iqiegħed il-pedament imma ma jkunx jistaʼ jlesti t-torri, u dawk kollha li jarawh jibdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt 30  u jgħidu: ‘Dan ir-raġel beda jibni imma ma kienx kapaċi jlesti.’ 31  Jew jekk re li għandu 10,000 suldat irid imur jattakka re ieħor li għandu 20,000, ma taħsbux li se joqgħod bilqiegħda u jieħu parir biex jara jekk jistax jirbaħ? 32  Fil-fatt, jekk jirrealizza li ma jistax jirbaħlu, waqt li l-ieħor ikun għadu ’l bogħod, hu jibgħat grupp t’ambaxxaturi biex jipprova jagħmel paċi miegħu. 33  Bl-istess mod, ibqgħu ċerti li kull min mhux lest li jitlaq dak kollu li għandu ma jistax ikun dixxiplu tiegħi. 34  “Il-melħ hu tajjeb. Imma jekk jitlef it-togħma tiegħu, jistaʼ xi ħadd jerġaʼ jagħmlu jintiegħem bħall-melħ? 35  La hu tajjeb għall-ħamrija u lanqas għad-demel. Tajjeb biss biex jintrema. Kull min hu lest li jismaʼ, ħa jismaʼ.”

Noti taʼ taħt

Din hi marda li tneffaħ il-ġisem minħabba li jinġemaʼ l-ilma.
Letteralment “jiekol il-ħobż.”
Letteralment “u ma jobgħodx lil missieru, lil ommu, lill-mara, lit-tfal, lil ħutu, u saħansitra lilu stess.”
Jew “iġorr iz-zokk tat-tortura tiegħu.” Ara Termini tal-Bibbja Spjegati.