L-Aħbar Tajba Skont Luqa 15:1-32

  • L-eżempju tan-nagħġa l-mitlufa (1-7)

  • L-eżempju tal-munita l-mitlufa (8-10)

  • L-eżempju tat-tifel il-mitluf (11-32)

15  Dawk li jiġbru t-taxxi u l-midinbin* kollha baqgħu jmorru għand Ġesù biex jisimgħuh.  U kemm il-Fariżej u kemm l-iskribi baqgħu jgergru minn taħt l-ilsien: “Dan ir-raġel jilqaʼ lill-midinbin u jiekol magħhom.”  Imbagħad Ġesù qalilhom dan l-eżempju:  “Min minnkom li għandu 100 nagħġa u tintiliflu waħda, ma jitlaqx lid-99 fid-deżert u jmur ifittixha sakemm isibha?  U meta jsibha jqegħedha fuq spallejh u jifraħ.  Meta jasal id-dar, jgħajjat lil sħabu u lill-ġirien u jgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt in-nagħġa li ntilfitli.’  Naċċertakom li bl-istess mod, ikun hemm iktar ferħ fis-sema minħabba li midneb wieħed jindem milli minħabba 99 tajbin li m’għandhomx bżonn jindmu.  “Jew jekk mara jkollha għaxar muniti taʼ drakma* u titlef waħda, sejra hi ma tixgħelx lampa, tiknes id-dar, u tfittixha sew sakemm issibha?  U meta ssibha, tgħajjat lil sħabha u lill-ġirien u tgħidilhom, ‘Ifirħu miegħi, għax sibt il-munita li ntilfitli.’ 10  Bl-istess mod, naċċertakom li l-anġli t’Alla jifirħu minħabba li midneb jindem.” 11  Imbagħad qalilhom: “Raġel kellu żewġ subien. 12  Iż-żgħir qal lil missieru, ‘Pa, agħtini l-wirt li jmissni.’ Għalhekk hu qasam dak li kellu bejn iż-żewġ subien tiegħu. 13  Ftit jiem wara, iż-żgħir ġabar l-affarijiet tiegħu kollha u mar f’pajjiż ’il bogħod. Hemm berbaq dak li kellu billi għex ħajja sfrattata. 14  Meta nefaq kollox, kien hemm ġuħ kbir mal-pajjiż kollu u ġie fil-bżonn. 15  Hu saħansitra beda jaħdem għal wieħed minn dak il-pajjiż, li bagħtu fl-għelieqi tiegħu biex jirgħa l-ħnieżer. 16  Hu kien jixtieq jiekol il-ħarrub li jieklu l-ħnieżer, imma ħadd ma kien jagħtih xejn. 17  “Meta ġie f’sensih, hu qal, ‘Dawk li jaħdmu għal missieri għandhom kemm iridu ħobż, waqt li jien qiegħed hawn immut bil-ġuħ! 18  Ħa mmur lura għand missieri u ngħidlu: “Pa, jien dnibt kontra Alla* u kontrik. 19  M’għadux jistħoqqli nissejjaħ ibnek. Agħmilni bħal wieħed mil-lavranti tiegħek.”’ 20  Għalhekk, mar għand missieru. Waqt li kien għadu ’l bogħod, missieru rah u tħassru. Imbagħad ġera lejh, għannqu, u biesu b’tenerezza. 21  It-tifel qallu, ‘Pa, jien dnibt kontra Alla u kontrik. M’għadux jistħoqqli nissejjaħ ibnek.’ 22  Imma missieru qal lill-ilsiera tiegħu, ‘Isa ħaffu! Ġibulu l-aħjar libsa u libbsuhielu, u libbsuh ċurkett u sandli. 23  Ukoll, ġibu l-barri żgħir* imsemmen, oqtluh, u ejja nieklu u niċċelebraw, 24  għax ibni kien bħallikieku mejjet imma reġaʼ ħa l-ħajja. Hu kien intilef u nstab.’ U bdew jieħdu pjaċir flimkien. 25  “Sadanittant, it-tifel il-kbir kien fl-għalqa, u hekk kif kien sejjer lura d-dar beda jismaʼ l-mużika u ż-żfin. 26  Għalhekk, għajjat lil wieħed mill-qaddejja u staqsieh x’kien qed jiġri. 27  Dan qallu, ‘Ġie ħuk, u missierek qatel il-barri żgħir* imsemmen għax ġie lura qawwi u sħiħ.’ 28  Imma hu rrabja u ma riedx jidħol. Imbagħad missieru beda jinkuraġġih biex jidħol ġewwa. 29  It-tifel wieġbu, ‘Ili snin sħaħ naħdem iebes għalik u dejjem obdejtek, imma int lanqas darba ma tajtni gidi biex nieklu maʼ sħabi. 30  Imma malli ġie dan, li berbaq il-ġid tiegħek mal-prostituti, int qtiltlu l-barri żgħir* imsemmen.’ 31  Imbagħad qallu, ‘Ibni, int dejjem kont miegħi, u kulma għandi hu tiegħek. 32  Imma ma nistgħux ma niċċelebrawx u nifirħu, għax ħuk kien bħallikieku mejjet imma reġaʼ ħa l-ħajja. Hu kien mitluf u nstab.’”

Noti taʼ taħt

Jew “in-nies li jagħmlu d-dnub.”
Ara App. B14.
Letteralment “is-sema.”
Jew “l-għoġol.”
Jew “l-għoġol.”
Jew “l-għoġol.”