L-Aħbar Tajba Skont Luqa 19:1-48
19 Imbagħad Ġesù daħal Ġeriko u kien qed jimxi fil-belt.
2 Hemmhekk kien hemm raġel jismu Żakkew. Hu kien kap taʼ dawk li jiġbru t-taxxi u sinjur ħafna.
3 Hu kien qed jipprova jara min hu Ġesù, imma peress li kien qasir ma setax minħabba l-folla.
4 Għalhekk, ġera ’l quddiem u telaʼ fuq siġra tal-ġummajż* biex jarah, għax hu kien se jgħaddi minn hemm.
5 Meta Ġesù wasal hemm, ħares ’il fuq u qallu: “Żakkew, isa inżel, għax illum se niġi għandek.”
6 Għalhekk, niżel jiġri u laqgħu f’daru bil-ferħ.
7 Meta n-nies raw dan, bdew igergru minn taħt l-ilsien: “Hu mar għand raġel midneb.”*
8 Imma Żakkew qam u qallu: “Mulej, nofs l-affarijiet li għandi se nagħtihom lill-foqra, u lil kull min sraqt billi qarraqt* se nagħtih erbaʼ darbiet iktar.”
9 Għal dan, Ġesù qallu: “Illum Alla salva lilek u lill-familja tiegħek, għax anki int tiġi minn Abraham.
10 Għax jien, Bin il-bniedem, ġejt biex insib lil dawk mitlufin u nsalvahom.”
11 Waqt li kienu qed jisimgħuh, hu tahom eżempju ieħor, għax huma kienu qed jimmaġinaw li meta jaslu Ġerusalemm kienu se jaraw is-Saltna t’Alla mill-ewwel.
12 Għalhekk hu qal: “Tifel taʼ re pprepara biex jivvjaġġa f’art ’il bogħod ħalli jsir re u mbagħad imur lura.
13 Hu għajjat għaxar ilsiera, tahom għaxar miniet,* u qalilhom, ‘Innegozjawhom sakemm niġi.’
14 Imma n-nies taʼ pajjiżu kienu jobogħduh u bagħtu grupp t’ambaxxaturi warajh biex jgħidulu, ‘Aħna ma rridukx issir re fuqna.’
15 “Wara li sar re, hu mar lura u għajjat lill-ilsiera li kien tahom il-flus* biex ikun jaf kemm għamlu flus min-negozju.
16 Għalhekk l-ewwel wieħed mar u qallu, “Sidi, bil-mina tiegħek qlajt għaxar miniet.’
17 Hu qallu, ‘Proset, int ilsir tajjeb! Peress li wrejt li int leali f’xi ħaġa żgħira ħafna, se nagħtik awtorità fuq għaxart ibliet.’
18 It-tieni wieħed mar u qallu, ‘Sidi, bil-mina tiegħek għamilt ħames miniet.’
19 Lil dan qallu, ‘Se nagħtik awtorità fuq ħamest ibliet.’
20 Imma mar ieħor u qallu, ‘Sidi, hawn hi l-mina li tajtni. Jien żammejtha moħbija f’biċċa drapp.
21 Jien għamilt hekk għax bżajt, peress li int raġel aħrax. Int trid taqlaʼ l-flus mingħajr ma taħdem għalihom u trid taħsad mingħajr ma tiżraʼ.’
22 Hu qallu, ‘Jien se niġġudikak b’dak li għedt int stess, ja lsir ħażin! Int kont taf li jien aħrax, li rrid naqlaʼ l-flus mingħajr ma naħdem għalihom, u li rrid naħsad mingħajr ma niżraʼ.
23 Allura għala ma tfajtx il-flus tiegħi l-bank? Kieku issa kont niġbor lilhom u l-imgħax.’
24 “Għal dan, hu qal lil dawk li kienu ħdejh, ‘Ħudulu l-mina u agħtuha lil dak li għandu għaxra.’
25 Imma huma qalulu, ‘Sidi, hu għandu għaxar miniet!’
26 Hu wiġibhom, ‘Kull min għandu, se jingħatalu iktar, imma min m’għandux, anki l-ftit li għandu se jittiħidlu.
27 Iktar minn hekk, ġibu lill-għedewwa tiegħi li ma ridunix insir re fuqhom u oqtluhom quddiemi.’”
28 Wara li Ġesù qal dan, hu kompla fi triqtu lejn Ġerusalemm.
29 Meta wasal ħdejn il-Muntanja taż-Żebbuġ, ħdejn Betfaġe u Betanja, hu bagħat żewġ dixxipli
30 u qalilhom: “Morru fir-raħal li hemm quddiemkom, u wara li tidħlu ssibu felu taʼ ħmara marbut li għadu ma rikeb ħadd fuqu. Ħolluh u ġibuhuli.
31 Imma jekk xi ħadd jistaqsikom, ‘Għala qed tħolluh?’ għidulu, ‘Il-Mulej għandu bżonnu.’”
32 Għalhekk, dawn marru u sabu l-felu tal-ħmara bħalma kien qalilhom.
33 Imma kif kienu qed iħolluh, is-sidien tiegħu qalulhom: “Għala qed tħolluh?”
34 Huma wiġbuhom: “Il-Mulej għandu bżonnu.”
35 Imbagħad ħadu l-felu tal-ħmara għand Ġesù, poġġew fuqu xi ħwejjeġ li kienu lebsin, u Ġesù poġġa fuqu.
36 Waqt li kien għaddej, in-nies bdew jifirxu l-ilbiesi tagħhom fit-triq.
37 Malli wasal ħdejn in-niżla tal-Muntanja taż-Żebbuġ, il-folla kollha tad-dixxipli bdiet tifraħ u tfaħħar lil Alla b’leħen għoli għall-affarijiet tal-għaġeb kollha li rat.
38 Il-folla bdiet tgħid: “Ħa jkun imbierek ir-Re li ġej f’isem Ġeħova!* Jalla jkun hemm il-paċi bejn Alla u n-nies u tingħata glorja lil Alla fis-sema!”
39 Imma xi Fariżej mill-folla qalulu: “Għalliem, ikkmanda lid-dixxipli tiegħek biex joqogħdu kwieti.”
40 Imma hu wiġibhom: “Naċċertakom li jekk ma jgħajtux huma, jibda jgħajjat il-ġebel.”
41 Meta wasal viċin Ġerusalemm, hu ħares lejn il-belt u beda jibkiha.
42 Hu qal: “Mank fhimt x’kien se jġiblek il-paċi, imma issa dan ġie moħbi minnek.
43 Għax se jiġi żmien meta l-għedewwa tiegħek se jibnu ħajt bi zkuk ippontati madwarek, iduruk, u jassedjawk minn kull naħa.
44 Huma se jeqirdu għalkollox lilek u lin-nies li jgħixu fik,* u mhux se jħallu ġebla fuq oħra, għax ma ndunajtx li qed tiġi ġġudikata.”
45 Imbagħad daħal fit-tempju u beda jkeċċi lil dawk li kienu qed ibigħu,
46 u qalilhom: “Fl-Iskrittura hemm miktub, ‘Dari se ssir dar tat-talb,’ imma intom għamiltuha għar tal-ħallelin.”
47 Hu kompla jgħallem fit-tempju kuljum. U l-qassisin importanti, l-iskribi, u l-mexxejja tan-nies bdew jipprovaw joqtluh,
48 imma ma setgħux isibu mod kif jagħmlu dan, għax in-nies kienu l-ħin kollu mdawrin miegħu biex jisimgħu b’attenzjoni dak li kien qed jgħid.
Noti taʼ taħt
^ Tip taʼ siġra tat-tin.
^ Jew “raġel li jagħmel id-dnub.”
^ Jew “b’akkużi foloz.”
^ Letteralment “il-fidda.”
^ Letteralment “lil uliedek.”