L-Aħbar Tajba Skont Luqa 23:1-56

  • Ġesù quddiem Pilatu u Erodi (1-25)

  • Ġesù u żewġ kriminali jiġu mdendlin maʼ zokk (26-43)

    • “Int se tkun fil-Ġenna miegħi” (43)

  • Ġesù jmut (44-49)

  • Ġesù jiġi midfun (50-56)

23  Għalhekk, qamu kollha u ħaduh għand Pilatu.  Imbagħad bdew jakkużawh: “Dan ir-raġel qed ixewwex lin-nies tagħna u mhux qed iħallihom iħallsu t-taxxi lil Ċesari. Hu qed jgħid li hu stess hu Kristu r-re.”  U Pilatu staqsieh: “Int ir-Re tal-Lhud?” Ġesù wieġbu: “Int stess qed tgħid dan.”  Imbagħad Pilatu qal lill-qassisin importanti u lill-folol: “Ma sibt li għamel xejn ħażin dan ir-raġel.”  Imma huma bdew jinsistu: “Hu qed ixewwex lin-nies bit-tagħlim tiegħu fil-Lhudija kollha, mill-Galilija s’hawnhekk.”  Meta semaʼ dan, Pilatu staqsa jekk ir-raġel kienx mill-Galilija.  Wara li kkonferma li kien min-naħa fejn imexxi Erodi, bagħtu għandu, għax dan ukoll kien f’Ġerusalemm f’dawk il-jiem.  Meta Erodi ra lil Ġesù tgħidx kemm feraħ, għax kien ilu jixtieq jarah peress li kien semaʼ ħafna dwaru. Hu kien qed jittama li jarah jagħmel xi miraklu.  Għalhekk beda jagħmillu ħafna mistoqsijiet, imma Ġesù ma wiġbux. 10  Imma l-qassisin importanti u l-iskribi li kienu hemm bdew jakkużawh b’rabja kbira. 11  Imbagħad, Erodi u s-suldati tiegħu ddiżonorawh, u hu waqqgħu għaċ-ċajt billi libbsu libsa sabiħa u mbagħad bagħtu lura għand Pilatu. 12  Dakinhar Erodi u Pilatu saru ħbieb, imma qabel ma kinux jitħamlu. 13  Imbagħad Pilatu laqqaʼ lill-qassisin importanti, il-mexxejja, u n-nies 14  u qalilhom: “Intom ġibtu lil dan ir-raġel għandi bħala wieħed li qed iħeġġeġ lin-nies biex jagħmlu rewwixta. Issa jien interrogajtu quddiemkom u ma sibt l-ebda bażi għall-akkużi li qed iġġibu kontrih. 15  Infatti lanqas Erodi, għax hu bagħtu lura għandna. Hu m’għamel xejn li jistħoqqlu l-mewt. 16  Għalhekk, se nikkastigah u neħilsu.” 17 *—— 18  Imma l-folla kollha għajtet: “Oqtol lil dan ir-raġel,* u eħilsilna lil Barabba!” 19  (Dan ir-raġel kien il-ħabs minħabba rewwixta li saret fil-belt u qtil.) 20  Pilatu reġaʼ kellimhom, għax hu ried jeħles lil Ġesù. 21  Imbagħad huma bdew jgħajtu: “Sammru maʼ zokk! Sammru maʼ zokk!” 22  It-tielet darba qalilhom: “Għala, x’għamel ħażin dan ir-raġel? Ma sibt xejn li ħaqqu l-mewt. Għalhekk, se nikkastigah u neħilsu.” 23  Imma huma bdew jinsistu u jgħajtu biex jiġi maqtul,* u hu ċeda. 24  Għalhekk, Pilatu ħa d-deċiżjoni li jagħmel dak li xtaqu huma. 25  Hu ħelsilhom lir-raġel li riedu, li kien il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesù kkundannah kif xtaqu huma. 26  Kif kienu qed jiħduh, huma qabbdu lil raġel jismu Xmun minn Ċirene, li kien ġej mill-kampanja, biex jerfaʼ z-zokk tat-tortura* taʼ Ġesù u jimxi warajh. 27  Folla kbira taʼ nies bdiet timxi warajh, inkluż nisa li bdew juru li huma mdejqin ħafna* u jibkuh. 28  Ġesù dar fuq in-nisa u qalilhom: “Nisa li toqogħdu Ġerusalemm, tibqgħux tibkuni. Minflok, ibku lilkom infuskom u lit-tfal tagħkom, 29  għax ġej iż-żmien meta n-nies jgħidu, ‘Ferħanin huma n-nisa li ma setgħux jinqabdu tqal, li ma welldux, u li ma kellhomx tfal x’jieħdu ħsieb!’ 30  Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aħbuna!’ u lill-għoljiet, ‘Għattuna!’ 31  Jekk jagħmlu dawn l-affarijiet waqt li s-siġra għadha ħajja, x’se jiġri la tinxef?” 32  Kien hemm ukoll żewġt irġiel kriminali li kienu qed jittieħdu biex jinqatlu maʼ Ġesù. 33  U meta waslu fil-post li jismu Qorriegħa, huma sammruh maʼ zokk ħdejn il-kriminali, wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug tiegħu. 34  Imma Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’qed jagħmlu.” Iktar minn hekk, huma qassmu l-ħwejjeġ tiegħu billi tellgħuhom bix-xorti. 35  U n-nies baqgħu jħarsu. Imma l-mexxejja bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt u jgħidu: “Lill-oħrajn salvahom, mela ħa jsalva lilu nnifsu jekk hu l-Kristu, il-Magħżul t’Alla!” 36  Anki s-suldati bdew iwaqqgħuh għaċ-ċajt. Huma marru, offrewlu nbid qares, 37  u bdew jgħidu: “Jekk int ir-Re tal-Lhud, salva lilek innifsek.” 38  Ukoll, ’il fuq minn rasu kien hemm miktub: “Dan hu r-Re tal-Lhud.” 39  Imbagħad wieħed mill-kriminali li kien hemm imdendlin ħdejh beda jgħajru u jgħidlu: “Int il-Kristu, hux hekk? Mela salva lilek innifsek u lilna wkoll!” 40  Imma l-kriminal l-ieħor irrabja miegħu u qallu: “Lanqas minn Alla ma tibżaʼ, issa li ngħatajt l-istess kastig bħal taʼ dan ir-raġel? 41  Il-kastig tagħna hu ġust, għax aħna qed nieħdu dak li ħaqqna minħabba dak li għamilna, imma dan ir-raġel m’għamel xejn ħażin.” 42  Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tkun fis-Saltna tiegħek.” 43  Hu wieġbu: “Illum naċċertak li int se tkun fil-Ġenna miegħi.” 44  Għalkemm kien xi nofsinhar* waqgħet dalma kbira fuq l-art sa madwar it-tlieta taʼ wara nofsinhar,* 45  għax ix-xemx iddallmet. Imbagħad il-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel. 46  U Ġesù għajjat b’leħen għoli: “Missier, jien nafda ħajti* f’idejk.” Malli qal dan, miet.* 47  Meta l-uffiċjal tal-armata ra dak li kien ġara, hu beda jfaħħar lil Alla u jgħid: “Żgur li dan ir-raġel kien ġust.” 48  Meta l-folol li kienu miġburin biex jaraw x’inhu jiġri raw dawn l-affarijiet, huma marru lura d-dar iħabbtu fuq sidirhom bid-dwejjaq. 49  Dawk kollha li kienu jafuh, inkluż in-nisa li vvjaġġaw miegħu mill-Galilija, kienu weqfin ’il bogħod u raw x’ġara. 50  Issa kien hemm membru tal-Kunsill jismu Ġużeppi li kien raġel sewwa u ġust. 51  (Dan la qabel magħhom u lanqas appoġġahom fil-pjan tagħhom kontra Ġesù.) Hu kien minn Arimatija, belt tal-Lhud, u kien qed jistenna s-Saltna t’Alla. 52  Dan mar għand Pilatu u talbu permess biex jidfen lil Ġesù. 53  Wara niżżlu minn fuq iz-zokk, dawwar miegħu drapp tal-għażel fin, u qiegħdu f’qabar* imħaffer fil-blat li kien għadu qatt ma ntuża. 54  Dakinhar kien jum il-Preparazzjoni, u daqt kien se jibda s-Sabat. 55  Anki n-nisa li kienu vvjaġġaw miegħu mill-Galilija marru hemm. Huma ttawlu fil-qabar* u raw kif tpoġġa l-ġisem tiegħu. 56  Imbagħad marru lura biex jippreparaw ħwawar u żejt ifuħ. Imma ovvjament, fis-Sabat straħu skont il-Liġi.

Noti taʼ taħt

Ara App. A3.
Letteralment “Neħħi lil dan.”
Jew “jiġi maqtul maʼ zokk.”
Letteralment “iħabbtu fuq sidirhom bin-niket.”
Letteralment “madwar is-sitt siegħa.”
Letteralment “sad-disaʼ siegħa.”
Letteralment “l-ispirtu tiegħi.”
Jew “ħa l-aħħar nifs.”
Jew “f’qabar tat-tifkira.”
Jew “fil-qabar tat-tifkira.”